Legislature:
Category:
Reset

Anzjani li mhumiex computer literate – Aċċess għal servizzi online

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’miżuri qed jittieħdu mid-diversi entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fir-rigward ta’ dawk l-anzjani li mhumiex computer literate minħabba l-fatt li llum ħafna servizzi huma aċċessibbli biss online?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa, permezz tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u SVP u b’kollaborazzjoni mal-FITA u l-MDIA qed jippromwovi l-ħiliet diġitali fost l-anzjani permezz ta’ taħriġ dwar l-użu tal-mowbajls, tablets, emails, midja soċjali u servizzi online, b’enfasi fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali u inizjattivi dwar l-intelliġenza artifiċjali. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza, il-kunfidenza u l-ħiliet diġitali tal-anzjani, filwaqt li jnaqqsu l-esklużjoni diġitali u jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi online.

L.S. 460.42 – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-L.S. 460.42, [European Media Freedom Act (Measures for Implementation) Order]?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li sal-llum il-ġurnata twaqqaf l-Uffiċċju tar-Reklamar u l-Media hekk kif miltlub f’Artiklu 3 tal-L.S. 460.42.  Inħatar ukoll Kap tal-Uffiċċju mill-President fuq il-Parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Bħalissa għaddejjin il-preparamenti meħtieġa sabiex tinġabar l-informazzjonineċessarja bi preparament għall-ewwel rappurtaġġ tagħha.

Użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija

Question

Tista’ l-Ministru telenka l-miżuri li qed jittieħdu mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jitrażżan l-użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija li tista’ tkun ta’ ħsara għall-ambjent? Tista’ telenka x’inċentivi qed jingħataw biex il-pubbliku jagħmel aktar użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport – Kriterji għad-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji kollha li jintużaw għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-istudenti li japplikaw biex jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, u kif dawn il-kriterji jvarjaw skont id-dixxiplina sportiva?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat, li dawn jiġu emendati minn sena għal sena. Fuq il-mejda tal-kamra qiegħed inpoġġi l-kriterji li ntużaw għal din is-sena skolastika.

MFHEA – Laqgħat tal-bord – Diskussjonijiet dwar il-policies

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2513 u 2514, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ddiskutiex il-feedback li ngħata mill-stakeholders fuq il-policies imħabbra fl-20 ta’ Awwissu 2026? Jekk iva, jista’ jgħid meta saret il-laqgħa jew laqgħat tal-bord li ddiskutew dan il-feedback?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-‘feedback’ u r-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati u sar tibdil.

MFHEA – Advisory Committee

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ l-Advisory Committee tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) minn Ottubru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’suġġetti ġew diskussi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kumitat Konsultattiv jiltaqa' skont kif stipulat fil-Kap 607 tal-Liġijiet ta’ Malta. Ninsab infurmat li l-bord imsemmi matul il-perjodu msemmi ltaqa’ 4 darbiet u li informazzjoni addizzjonali hi ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

MFHEA – Laqgħat tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) ltaqa’ mal-ħaddiema tal-Awtorità, mal-istituzzjonijiet edukattivi, mal-Kamra tal-Kummerċ u mal-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interepellant li ninsab infurmat li l-irwol tal-bord huwa wieħed strateġiku u ta’ governanza.

MFHEA – Istituzzjonijiet edukattivi – Applikazzjonijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kinitx deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) li applikazzjonijiet ġodda għal istituzzjonijiet edukattivi li daħlu matul is-sena 2026, jitqiegħdu fuq il-lista ta’ stennija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interepellant li ninsab infurmat li l-irwol tal-bord huwa wieħed strateġiku u ta’ governanza.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – Riħa ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hix qed tittieħed azzjoni fuq ir-riħa tinten ta’ drenaġġ fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar (bejn Triq Ramon Perellos u Triq Jean de la Valette)? Jekk iva, x’azzjoni qed tittieħed?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar irwejjaħ fiż-żona indikata tul dawn l-aħħar erba’ xhur. Minkejja dan, il-Korporazzjoni aċċessat Triq San Pawl u bdiet tissiġilla għadd ta’ tappieri li setgħu kkontribwew għall-ħruġ ta’ rwejjaħ fl-inħawi.

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – Riħa ta’ drenaġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hix qed tittieħed azzjoni fuq ir-riħa tinten ta’ drenaġġ fi Triq San Pawl, f’San Pawl il-Baħar (bejn Triq Ramon Perellos u Triq Jean de la Valette)? Jekk iva, x’azzjoni qed tittieħed?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Parkeġġi personalizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġi personalizzati humiex jinħarġu skont in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza jew skont il-permess tal-blue badge? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex it-tabella tal-parkeġġ tinbidel min-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza għal numru tal-blue badge?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parkeġġi personalizzati jistgħu jinħarġu skont il-bżonn tal-persuna, jiġifieri jew billi jkun indikat in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura jew inkella n-numru tal-Blue Badge tal-persuna konċernata, abbażi ta’ dak stipulat fl-Avviż Legali 113 tal-2024.

Karozzi tal-linja – Sound system

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jiġu ċċekkjati l-karozzi tal-linja biex jiġi assigurat li s-sound system tkun qiegħda tiffunzjona? Jista’ jgħid ukoll kif qed jiġi assigurat li din is-sound system tkun mixgħula biex b’hekk, persuni neqsin mill-viżta, ikunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku mingħajr xkiel?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta jwettqu medja ta’ 50 spezzjoni kuljum fuq il-karozzi tal-linja. Fost l-aspetti li jiġu vverifikati waqt dawn l-ispezzjonijiet hemm il-funzjonament xieraq tas-sistema tal-awdjoannunzji (Audio Announcement System). F’każijiet fejn din is-sistema ma tkunx qed tiffunzjona kif suppost, tinġibed l-attenzjoni tal-operatur sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa u s-sistema terġa’ titqiegħed f’kundizzjoni tajba għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

Speed cameras – L-ogħla speed milħuq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2957 fl-intier tagħha u jgħid x’kien l-ogħla speed li ntlaħaq matul din is-sena minn kull waħda mill-ispeed cameras imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ix-Xewkija – L-inħawi Tal-Barmil – Ġnien il-Kunsill – Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill, fl-inħawi Tal-Barmil fix-Xewkija, li tħabbar f’Awwissu 2023 bħala l-ewwel ġnien “carbon neutral” f’Għawdex, u jgħid: i.    liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu; ii.   jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih; iii.  x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett; iv.  jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u v.   meta hu mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kuntrattur magħżul biex iwettaq il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill kien ipprovda d-dokumenti u l-istudji meħtieġa skont l-obbligi kuntrattwali tiegħu, kif ukoll installa ċint temporanju madwar is-sit. Madankollu, ma ġewx irreġistrati xogħlijiet ulterjuri fuq is-sit u għaldaqstant ma sar l-ebda pagament lill-kuntrattur. Fid-dawl ta’ dan, Project Green infurmat lill-kuntrattur bit-terminazzjoni tal-kuntratt u imponiet penali li jammontaw għal €54,148, li jirrappreżentaw il-massimu permess skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali. L-Aġenzija qed tevalwa l-passi li jmiss sabiex il-proġett ikun jista’ jitkompla, inkluża l-possibbiltà li jiġu segwiti proċeduri alternattivi ta’ akkwist. Project Green se tkun qed iżżomm lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija infurmat dwar il-passi li se jittieħdu sabiex il-proġett jitmexxa ’l quddiem.

Ix-Xewkija – L-inħawi Tal-Barmil – Ġnien il-Kunsill – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill, fl-inħawi Tal-Barmil fix-Xewkija, li tħabbar f’Awwissu 2023 bħala l-ewwel ġnien “carbon neutral” f’Għawdex, u jgħid: i.    liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu; ii.   jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih; iii.  x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett; iv.   jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u v.    meta hu mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi tal-linja – Rotta X300 minn Mater Dei direzzjoni Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-karozzi tal-linja tar-rotta X300 ikollhom biżżejjed spazju għall-passiġġieri li jitilgħu mill-waqfa tad-daħla prinċipali tal-Isptar Mater Dei, direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa fil-ħinijiet ta’ filgħodu b’mod partikolari għall-ħaddiema Għawdxin li jkunu temmew x-xiftijiet ta’ billejl?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ser taghmel monitoraġġ mill-bus stop tal-Isptar Mater Dei fil-ħin imsemmi sabiex b’hekk ikollha stampa iktar ċara tad-domanda li hemm fuq ir-rotta X300 u X299.

Karozzi tal-linja – Rotta 150 minn Lascaris għal MCAST Paola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba mill-1 ta’ Ottubru 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, is-servizz tal-karozzi tal-linja tar-rotta 150, li hija skedata li tgħaddi u tieqaf fl-istage ta’ Lascaris fil-Belt Valletta (ħdejn it-terminal tal-fast ferry) għall-ħabta tas-7.45 a.m. u li tintuża mill-istudenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid: i.    ma għaddietx mill-imsemmija waqfa; ii.   waslet tard meta mqabbel mal-ħin skedat; u iii.  naqset li tieqaf minħabba li kienet mimlija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Proġetti strateġiċi – Inawgurazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 781 u għal-lista fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 780, jista’ l-Ministru jindika s-sena li fiha se jkun qed jiġi inawgurat kull proġett strateġiku elenkat fil-lista tal-proġetti strateġiċi kollha, kif ukoll id-data li ser ikun komplut b’mod separat?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żmien meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ kull proġett strateġiku jvarja skont l-offerta li tkun ġiet rakkomandata u approvata, kif ukoll skont id-data tal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt formali. Għaldaqstant, iż-żmien previst għall-eżekuzzjoni ta’ kull proġett ivarja skont in-natura u l-karatteristiċi partikolari tal-proġett inkwistjoni.

Spazju industrijali – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 778 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal spazju industrijali u x’inhi l-medja taż-żmien li applikant jistenna sabiex tiġi deċiża l-applikazzjoni tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa il-Malta Enterprise għandha 38 applikazzjoni, madanakollu wieħed ma jistax jagħti medja taż-żmien tal-applikazzjonijiet pendenti għal fatt illi kull applikazzjoni hija differenti skont it-tip ta’ operat.