Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fir-rigward tal-Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli minn meta tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Għawdex – Landing sites tas-sajd – Interventi infrastrutturali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'interventi infrastrutturali saru biex jiġu mmodernizzati l-landing sites tas-sajd f'Għawdex minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ikkonċernat għandu landing site waħda f’Għawdex li tinsab fl-iMġarr.
Ta’ kull sena isir risk assessment ta’ health and safety tal-facilita’ liema rakkomandazzjonijiet jitwettqu matul is-sena.
Matul is-sena 2026, ġiet installata wkoll sistema ta' CCTVs madwar il-landing site tal-iMġarr filwaqt li ġiet allokata vettura elettrika lill-uffiċċjali tal-kontroll ġewwa Għawdex li tkun stazzjonata maġenb l-istess landing site.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li bħalissa qed jistudjaw fl-iskola medika fi ħdan l-Università ta’ Malta, maqsuma skont is-sena ta’ studju li jinsabu fiha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Il-Gżira – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3885 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fil-Gżira? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4038 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà u jgħid liema kienu dawk il-pajjiżi barranin li l-ġenituri b’ċittadinanza ta’dak il-pajjiż kellhom l-akbar numru ta’ trabi mwielda f’Malta bejn Jannar u Ġunju 2026?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għall-perjodu fil-mistoqsija għadu mhux disponibbli.
L-informazzjoni tas-sena 2026 tiġi kkompilata mill-NSO iktar tard matul is-sena d-dieħla.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4038 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà u jgħid liema kienu dawk il-pajjiżi barranin li l-ġenituri b’ċittadinanza ta’dak il-pajjiż kellhom l-akbar numru ta’ trabi mwielda f’Malta bejn Jannar u Ġunju 2026?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4037 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà u jgħid kemm mit-trabi li twieldu bejn Jannar u Ġunju 2026 kellhom:
i. ġenitur wieħed ta’ ċittadinanza Maltija; u
ii. iż-żewġ ġenituri ta’ ċittadinanza barranija?
Jista’ jgħid ukoll mil-liema pajjiżi huma l-ġenituri?
Trabi mwielda minn ġenituri li huma ċittadini Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4036 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà u jgħid kemm mill-2,375 tarbija li twieldu bejn Jannar u Ġunju 2026 huma Maltin, fejn kemm l-omm u l-missier huma ċittadini Maltin?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Infurmat li r-Reġistru Pubbliku huwa obbligat li jimxi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 272 sa 292A tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta) meta jkun qed jitfassal l-Att tat-Twelid.
Skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, ma hemm l-ebda obbligu legali li tinġabar informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-ġenituri jew tat-tarbija ġdida mwielda meta tiġi notifikata twelid tat-tarbija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3225 u 3851 u jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza l-piż finanzjarju li jista’ jaqa’ fuq sid ta’ vettura elettrika meta din il-vettura tkun trid tiġi skrappjata, partikolarment minħabba l-ispejjeż marbuta mat-trattament u r-rimi tal-batterija? Fid-dawl ta’ rapporti ta’ każijiet fejn konsumaturi ntalbu jħallsu spejjeż li allegatament laħqu l-€10,000, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jiġu kkonsidrati sabiex dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-konsumatur?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Excess Mortality u Temperature Attributable Mortality
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3184 u 3584 u jgħid jekk il-Gvern jikkalkulax l-excess mortality u t-temperature-attributable mortality waqt temperaturi estremi u heatwaves u, jekk iva, jispeċifika:
(a) is-snin u l-perjodu użati sabiex jiġi stabbilit il-baseline tal-imwiet mistennija;
(b) jekk il-baseline jiġix aġġustat għat-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ix-xejriet fit-tul u l-varjazzjoni staġjonali;
(c) liema kejl tat-temperatura jintuża u jekk jiġux ikkunsidrati l-umdità, it-temperaturi minimi ta’ billejl, it-tul u l-intensità tal-heatwave;
(d) jekk jiġux ikkunsidrati l-effetti differiti tas-sħana fuq il-mortalità fil-jiem ta’ wara;
(e) jekk l-analiżi tiġix aġġustata għal fatturi oħra, fosthom it-tniġġis tal-arja u l-prevalenza ta’ mard infettiv; u
(f) liema definizzjoni operattiva ta’ heatwave tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta?
Jista’ jiddentifika d-dati tal-heatwaves jew tal-livelli ta’ twissija tas-saħħa relatati mas-sħana bejn Ġunju u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026? Jekk il-Gvern ma jikkalkulax l-excess mortality jew it-temperature-attributable mortality, jista’ jgħid għaliex dawn l-istimi ma jsirux u jekk hemmx il-ħsieb li tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-mard u tal-mortalità attribwibbli għas-sħana?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li r-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet juża s-snin 2017–2019 bħala baseline, aġġustat għat-tkabbir u l-età tal-popolazzjoni u l-varjazzjonijiet staġjonali.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta juża t-temperatura Celsius u jiddefinixxi mewġa ta’ sħana bħala temperatura ta’ aktar minn 30°C u mill-inqas 5°C ogħla min-normal. Id-dati tal-mewġiet ta’ sħana bejn Ġunju u Settembru kienu:
2023: 16–25 ta’ Lulju
2024: 20–22 ta’ Ġunju
2025: 24–27 ta’ Ġunju
2026: 24–27 ta’ Ġunju u 16–22 ta’ Lulju
L-effetti tas-sħana fuq il-mortalità fil-jiem ta’ wara jiġu kkunsidrati, peress li studji juru li dawn ġeneralment jidhru fi ftit jiem. Lokalment ma jsirx aġġustament għal fatturi bħat-tniġġis tal-arja u l-mard infettiv.
Fl-2024 ġiet introdotta sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tas-saħħa u l-mortalità minn Mejju sa Settembru. Din tiġbor data dwar is-servizzi tal-kura primarja, l-emerġenza, l-ambulanzi, id-dħul fl-isptar, il-mortalità u t-temperaturi. Id-data, flimkien mat-tbassir tat-temp għal sebat ijiem, tintuża biex jiġu mmudellati l-imwiet u l-ammissjonijiet mistennija fl-isptar u fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4076 u jgħid jekk ġiex ikkummissjonat l-istudju msemmi fil-Miżura 135 tal-Baġit 2026 dwar l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini li jinbena mis-sena 2030? Jekk iva, jista' jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid lil min ingħata, permezz ta' liema proċess ta' akkwist, b'liema valur u meta huwa mistenni jitlesta? Jekk le għaliex u meta se jiġi kkummissjonat?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istudji relatati mal-Miżura 135 tal-Baġit 2026 ġew ikkummissjonati permezz ta’ sejħiet għall-offerti skont kif titlob il-proċedura. Dawn l-istudji huma mistennija jitlestew bejn it-tieni kwart tal-2027 u t-tieni kwart tal-2028.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit Il-Qortin, fix-Xagħra, Għawdex, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2022? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit tal-Qortin, fix-Xagħra, Għawdex, kien jintuża bħala miżbla mhux ikkontrollata bejn l-1968 u l-2004, fejn tul is-snin ġew depożitati madwar nofs miljun tunnellata ta’ skart. B’investiment ta’ €3.3 miljun, WasteServ trasformat dan is-sit fi spazju miftuħ u aħdar ta’ madwar 50,000 metru kwadru u fl-2022 infetaħ għall-użu rikreattiv mill-familji.
Wara l-għeluq tal-miżbla, saru diversi fażijiet ta’ riabilitazzjoni ambjentali sabiex is-sit jiġi restawrat u eventwalment ikun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku. Dawn ix-xogħlijiet inkludew l-installazzjoni ta’ sistema għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-gass, is-siġillar u l-landscaping tas-sit, it-tħawwil ta’ madwar 23,000 arbuxxell indiġenu u l-bini ta’ ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni. Fl-aħħar fażi saru aktar xogħlijiet sabiex is-sit ikun sigur u aċċessibbli għall-pubbliku, fosthom l-installazzjoni ta’ lqugħ, xatbiet u rixtelli madwar il-manifolds tal-gass, kif ukoll il-ħolqien ta’ parkeġġ, mogħdijiet aċċessibbli u park għall-klieb.
Qabel it-tlestija tal-proġett, kienet issir ukoll manutenzjoni ġenerali tas-sit u tal-impjant tat-trattament tal-gass. Din kienet tinkludi, fost oħrajn, manutenzjoni tal-pompi u tal-bjar tal-gass, tal-veġetazzjoni u tal-ħitan tal-konfini tal-impjant, kif ukoll manutenzjoni tal-flare u monitoraġġ perjodiku tal-gass.
Ir-Rabat, Malta – Sit madwar iċ-Ċentru Għajn – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit madwar iċ-Ċentru Għajn, fir-Rabat, Malta sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2017? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma kien inawgurat iċ-Ċentru Nazzjonali Għajn għall-Għarfien dwar il-Konservazzjoni tal-Ilma fl-2017, fir-Rabat, is-sit fejn jinsab fl-inħawi tan-Nigret kien mitluq.
Bil-proġett imwettaq mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma dan inbidel f'faċilità edukattiva għall-għarfien dwar l-enerġija u l-ilma permezz ta’ diversi installazzjonijiet, attivitajiet u mezzi interattivi ta’ tagħlim. Is-sit jinkludi wkoll żoni rikreattivi aċċessibbli għall-pubbliku, fosthom spazju għal-logħob tat-tfal, ġonna b’passaġġi pedonali, siġar u pjanti ornamentali, gazebo, kif ukoll spazju żgħir fil-forma ta’ teatru fil-beraħ li jikkontribwixxu għall-valur edukattiv u ambjentali tal-post.
Fl-2023 wettaqna proġett ieħor li permezz tiegħu l-bejt tal-binja nbidel fi green roof
,
li huwa magħmul minn 3,000 pjanta u jintuża għal skopijiet xjentifiċi sabiex jiġbor informazzjoni li tista' tintuża fi proġetti futuri. Dan il-proġett jesplora l-potenzjal ta' din l-infrastruttura ħadra għall-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li jagħmel il-bini aktar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija.
Heritage Malta – Siti li ntużaw għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tas-siti storiċi taħt il-kura jew il-ġestjoni ta’ Heritage Malta li ntużaw bħala location għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2475, tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-investiment ta’ €400 miljun previst fil-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għall-għaxar snin li ġejjin huwa allokat speċifikament għall-manutenzjoni, it-titjib u l-espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ? Tista’ tagħti lista tal-proġetti ewlenin previsti, tindika l-lokalitajiet li se jkunu milquta, l-ispiża stmata ta’ kull proġett u ż-żmien mistenni għall-implimentazzjoni tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 4273, inżid ninfurmaha li t-tisħiħ ewlieni fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ huwa pjanat li jkun fis-seħħ sal-2031, waqt li x-xogħlijiet fuq in-network tal-ġbir tad-drenaġġ huwa mmirat li jitlestew sal-2034.
Fost il-proġetti li diġà jinsabu għaddejjin, hemm dak li minn Erba’ Mwieżeb iwassal sal-Veċċja f'San Pawl il-Baħar, ix-xogħlijiet fuq in-network bejn is-Santwarju u l-Għadira fil-Mellieħa, kif ukoll interventi oħrajn ta’ tiġdid u titjib fin-network fi Vjal il-Labour, iż-Żejtun. Qed jitmexxew ukoll il-proċessi meħtieġa sabiex jinbdew b’mod imminenti t-tkabbir tal-impjant t’Għawdex, flimkien ma’ interventi ppjanati f’Sant’ Antnin u Ta’ Barkat. Ix-xogħol tat-tkabbir tal-impjant taċ-Ċumnija fit-Tramuntana ta' Malta tnieda fil-bidu ta' din is-sena u għaddej skont il-pjan.
Proġetti oħrajn ewlenin li se jsiru jinkludu mejnijiet ġodda mill-Pwales sa Għajn Żnuber; xogħlijiet fuq in-network tad-drenaġġ fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli; tibdil tal-mejn f'Tal-Ħlas, Ħal Qormi b’mina ġdida; tkabbir tal-mejn fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi; mejn ġdid fi Triq Diċembru Tlettax sal-pumping station tal-Marsa; mejnijiet ġodda f'Tas-Sliema, Buġibba u l-Qawra, fin-Nofsinhar ta' Malta, u nħawi oħra fit-Tramuntana ta' Malta li se jkunu qed jiġu maqsuma f'diversi fażijiet ta' implimentazzjoni; tisħiħ ta' pumping stations prinċipali fin-Nofsinhar ta' Malta; u mina ġdida mir-Rabat (Għawdex) sal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ eżistenti.
Il-programmar tax-xogħlijiet fuq in-network huwa suġġett għal kordinazzjoni ma’ xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru minn entitajiet oħrajn, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku. Meta l-proġetti jkunu waslu biex jinbdew, il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma tippubblika l-informazzjoni rilevanti permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa u fuq il-websajt uffiċjali tagħha.
Prezzijiet tal-fjuwil – Miżuri ta’ protezzjoni għall-familji u n-negozji
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2473, tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern f’sussidji fuq il-prezzijiet tal-fjuwil matul l-2024, l-2025 u sal-aħħar xahar li għalih hemm data disponibbli fl-2026, separatament għal kull sena? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwil, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sussidju u l-protezzjoni tal-familji u n-negozji, u jekk iva, x’inhuma l-parametri ewlenin ta’ dan il-pjan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2473, dan il-Gvern jibqa’ kommess li jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Bħalma smajna fit-tħabbir tal-Baġit, din is-sena s-sussidji sabiex ma jiżdidux il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils mistennija jiswew lill-Gvern madwar €392 miljun. Matul l-aħħar snin, bejn l-2022 u l-2026, l-ispiża ta’ dawn is-sussidji ammontat għal €1.35 biljun. Dan ifisser li €1.35 biljun baqgħu fil-bwiet tan-nies u n-negozji tagħna.
Intenni li kif urejna tul dawn l-aħħar snin, permezz ta’ ppjanar sod u ekonomija b’saħħitha, il-pajjiż għandu l-kapaċità li jwieġeb għal ċirkostanzi internazzjonali diffiċli u jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-impatt tagħhom. F’ambjent internazzjonali tal-enerġija li jibqa’ imprevedibbli, din hija l-aqwa garanzija li pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jilqa’ għal xokkijiet futuri u jirreaġixxi skont iċ-ċirkostanzi.
.
Permessi ta’ żvilupp - Appelli pendenti - Sospensjoni tax-xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2468, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Abbozz ta’ Liġi dwar ir-riforma tas-sistema tal-appelli fl-ippjanar jipprevedix is-sospensjoni tax-xogħlijiet relatati ma’ permess ta’ żvilupp sakemm jiġi deċiż appell pendenti, u jekk le, jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jintroduċi tali dispożizzjoni sabiex jiġi evitat li jsir żvilupp irriversibbli qabel ma tingħata deċiżjoni finali dwar l-appell?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interepellant li l-Abbozz ta' Liġi sabiex jemenda Varji Liġijiet dwar it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għadda mill-istadju tat-tieni qari fis-27 ta' Ottubru 2026 u jinsab issa fi stadju ta' kumitat.
ERA - Deċiżjonijiet dwar proġetti ta’ impatt ambjentali sinifikanti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2467, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jintroduċi miżuri sabiex id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti jkunu akkumpanjati minn spjegazzjoni dettaljata tal-kriterji tekniċi u xjentifiċi applikati, il-valutazzjoni tal-alternattivi kkunsidrati, u r-raġunijiet għalfejn ġew aċċettati jew miċħuda r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat u l-oġġezzjonijiet imressqa mill-pubbliku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti huma msejsa fuq spjegazzjoni dokumentata mħejjija mid-Direttorat tal-Affarijiet Regolatorji fi ħdan l-ERA, li fost oħrajn tinkludi rendikont tal-proċess segwit, il-kriterji tekniċi u xjentifiċi rilevanti li jkunu tqiesu bħala parti mill-valutazzjoni tal-proġett, il-valutazzjoni tal-alternattivi kunsidrati, il-kummenti ambjentalment rilevanti li l-Awtorità tkun irċeviet matul il-proċess, u r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttorat imsemmi. Din id-dokumentazzjoni tkun ukoll disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità, hekk kif stabbilit fir-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (VIA).
Il-minuti tal-laqgħat tal-Bord huma disponibbli għall-pubbliku li jiddokumentaw id-deċiżjoni tal-Bord jinkludu riferiment għall-preżentazzjonijiet li jsiru waqt il-laqgħa tal-Bord (kemm mill-konsulenti li jkunu wettqu l-istudju kif ukoll mid-Direttorat), li jkunu bbażati fuq id-dokumentazzjoni msemmija, u l-kummenti li jsiru mill-parteċipanti inkluż il-pubbliku preżenti. L-istess minuti jirreġistraw id-diskussjoni u/jew il-punti mqajma mill-membri tal-Bord, kif ukoll jekk il-Bord jaqbilx mar-rakkomandazzjonijiet u mar-raġunament tad-Direttorat. Anke dawn il-minuti jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità, bħalma jesiġu r-Regolamenti dwar il-VIA.
Tista’ l-Ministru tgħid liema miżuri speċifiċi qed jittieħdu mill-Gvern biex jipproteġi l-ambjent naturali ta’ Kemmuna, fid-dawl tal-iżviluppi proposti u tal-istatus ta’ Kemmuna bħala żona ta’ valur ambjentali u naturali sinifikanti? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux valutazzjonijiet kumulattivi tal-impatt ambjentali tal-iżviluppi preżenti u proposti fuq Kemmuna, u jekk iva, iqiegħed kopja ta’ dawn il-valutazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa qegħdin jiġu implimentati diversi inizjattivi sabiex jipproteġu u jtejjbu l-ambjent naturali ta’ Kemmuna. Dawn jinkludu:
Ir-restawr ta’ ħabitats naturali permezz ta’ proġetti mmexxija mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta, fosthom ir-riabilitazzjoni tal-artijiet mistagħdra fil-Qala ta’ Santa Marija u r-restawr ta’ żoni agrikoli abbandunati permezz tat-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni.
Ir-reintroduzzjoni ta’ speċi mhedda li nqerdu minn Kemmuna, bit-taħwil ta’ speċi rari u r-reintroduzzjoni ta’ annimali rari, permezz ta’ pjan għar-restawr, bħalma huma l-bużaqq (il-ħuta nazzjonali) u r-ruppja (pjanta tal-art mistagħdra).
Qed jiġu mneħħija speċi aljeni invażivi li jistgħu jagħmlu ħsara lill-bijodiversità lokali, flimkien ma’ miżuri biex jiġu protetti u rriġenerati l-ambjenti naturali u l-veġetazzjoni indiġena tal-gżira.
Qed isir xogħol ta’ protezzjoni ta’ żoni ekoloġikament sensittivi, fosthom l-għaram tar-ramel (sand dunes) u l-frigana (tip ta’ xagħri endemiku għal Malta), permezz ta’ delimitazzjoni ta’ żoni, kontroll tal-aċċess u ġestjoni ta’ passaġġi sabiex jitnaqqsu l-ħsarat ikkawżati mit-tgħaffiġ tal-veġetazzjoni u mill-attività tal-bniedem.
Fl-istess waqt, għaddej it-tkattir ta’ speċi mhedda, permezz ta’ arranġament mal-Ġonna Botaniċi tal-Argotti, sabiex ikollna materjal indiġenu għar-reintroduzzjoni u r-restawr f’Kemmuna.
It-titjib tal-indafa u l-ġestjoni ambjentali, inkluż it-tneħħija ta’ skart u strutturi mhux xierqa, inizjattivi ta’ tindif fuq l-art u fil-baħar, u miżuri ta’ sorveljanza u infurzar sabiex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ambjent naturali, huma wkoll inizjattivi oħrajn li qed isiru f’Kemmuna.
Dan flimkien ma’ ġestjoni aħjar tal-viżitaturi fiż-żona tal-Blue Lagoon, permezz ta’ sistema ta’ prenotazzjoni u kontroll tan-numru ta’ viżitaturi, li qed issir minn entitajiet terzi, flimkien ma’ titjib fil-ġestjoni tal-iskart, faċilitajiet sanitarji u infurzar, bil-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq din iż-żona ambjentalment sensittiva.
Bħalissa għaddej ukoll proġett b’kofinanzjament mill-UE sabiex nimplimentaw il-miżuri għal ħarsien tal-Marine Protected Area, li tinkludi wkoll miżuri għall-ħarsien tal-alka.
Dawn l-inizjattivi jiffurmaw parti minn ħidma kontinwa sabiex Kemmuna tibqa’ titgawda mill-pubbliku, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħabitats naturali, l-ispeċi u l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħha jkunu protetti għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Ninforma wkoll li l-proġett tal-lukanda u l-bungalows f’Kemmuna, li kien kopert mill-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp PA 04777/20, kien suġġett għal Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u għal valutazzjoni skont ir-Regolamenti dwar il-Protezzjoni tal-Flora, Fawna u Ambjenti Naturali. F’dawn il-valutazzjonijiet jitqies ukoll l-impatt kumulattiv fuq l-ambjent, u għal dan il-għan jiġu kunsidrati anke żviluppi oħrajn li jkunu jinsabu fiż-żona ta’ influwenza tal-proġett. Abbażi ta’ dan il-proċess, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrakkomandat għadd ta’ kundizzjonijiet u miżuri biex l-impatt fuq l-ambjent naturali ta’ Kemmuna jittaffa jew jiġi evitat. Id-dettalji rilevanti huma disponibbli pubblikament fuq is-sit elettroniku tal-ERA, u jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġna
https://era.org.mt/era-project/ea-21-00001/
.