Legislature:
Category:
Reset

Programm INK

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-programm INK għal persuni b'diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kemm ibbenefikaw persuni b'diżabilità minn dan il-programm, minn meta daħal fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Inċentivi għal min jimpjega persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-inċentivi li qegħdin jingħataw lil min jimpjega persuni b'diżabilità? Jista’ jgħid ukoll meta daħlu fis-seħħ dawn l-inċentivi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1742.

Inċentivi għal min jimpjega persuni b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-inċentivi li qegħdin jingħataw lil min jimpjega persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll meta daħlu fis-seħħ dawn l-inċentivi?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Persuni b’diżabilità – Dħul mhux intaxxat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu, preżentement, id-dħul mhux intaxxat għal persuni b’diżabilità li joqogħdu fi djar privati għall-persuni b’diżabilità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Rapport dwar ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema data l-Awtorità tad-Djar irċeviet l-ewwel rapport dwar il-ħsarat fis-soqfa tal-kumpless ta’ garaxxijiet ta’ Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa, f’liema data ġiet iċċertifikata bħala dangerous structure, u jqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Sussidji fuq il-fertilizzanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    x’kienet l-ispiża totali għall-Gvern tas-sussidji fuq il-fertilizzanti fl-2025; ii.   x’inhi l-ispiża stmata għall-2026; u iii.   kemm ġew allokati flus għal dawn is-sussidji fil-Baġit 2027?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża totali għall-Gvern għas-sussidji fuq il-fertilizzanti mħallsa fl-2025, b’rabta mal-iskema tal-2024, kienet tammonta għal ftit aktar minn €1.27 miljun. Fir-rigward tas-snin 2026 u 2027, il-finanzjament ġej minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt “Agri-Reserve”, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Fertilizzanti.

Marsaskala – Impjant għat-trattament tal-iskart tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm daħlu trakkijiet li jġorru skart tal-annimali (demel) fl-impjant għat-trattament tal-iskart tal-annimali f’Marsaskala, fl-2025 u minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar; ii.    kemm kien il-volum totali (f’m³ jew f’tunnellati) ta’ skart tal-annimali (demel) li daħal f’kull wieħed minn dawn il-perjodi; u iii.   kemm hi l-kapaċità massima ta’ kemm jista’ jilqa’ skart dan l-impjant kuljum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- impjant għat-trattament  tas-srew f’Marsaskala, imħaddem mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), matul l-2025 ġew ikkonsenjati 251,986 metru kubu ta’ srew, ekwivalenti għal madwar 16,799 vjaġġ, filwaqt li bejn Jannar u Settembru 2026 ġew ikkonsenjati 180,672 metru kubu, ekwivalenti għal madwar 12,045 vjaġġ. L-għadd ta’ vjaġġi huwa stmat abbażi ta’ tagħbija medja ta’ 15-il metru kubu għal kull vjaġġ, filwaqt li t-tqassim xahar b’xahar mhuwiex disponibbli. Il-kapaċità ta l- impjant għat-trattament  tas-srew f’Marsaskala hija ta’ madwar 600 - 800 metru kubu kuljum.

Pjan ta’ azzjoni kontra ż-żunżan orjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid taħt liema Vot u Item tal-Estimi Finanzjarji 2027 huwa ffinanzjat il-pjan ta’ azzjoni ta’ €1 miljun kontra ż-żunżan orjentali mħabbar fil-21 ta’ Ottubru 2026? Jista’ jgħid ukoll: i.    kif inhu maqsum dan l-ammont bejn il-miżuri differenti tal-pjan; ii.   min se jkun responsabbli biex jiżgura li dan il-pjan ta’ azzjoni jitwettaq; u iii.  x’inhuma l-miri li se jintużaw biex jiġi stabbilit jekk il-programm irnexxiex u jekk il-problema taż-żunżan orjentali f’pajjiżna ġietx imrażżna?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-dettalji mħabbra mill-Gvern fi stqarrija PR 261766 li nħarġet mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel fil-21 ta’ Ottubru 2026. Id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji għall-2027 ta’ dan il-ministeru se jiġu diskussi fis-seduta tat-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2026. Il-pjan ta’ azzjoni kontra l-bagħal taż-żunżan se jiġi ffinanzjat minn fondi nazzjonali allokati lill-ministeru matul l-2026, fondi allokati għall-2027 u fondi tal-Unjoni Ewropea, fejn applikabbli. Id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel huwa responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-pjan, b’kollaborazzjoni mal-entitajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati. Il-monitoraġġ tal-effettività tal-pjan se titwettaq permezz ta’ ċensiment dwar il-popolazzjoni tan-naħal f’Malta. Din hija waħda mill-miżuri tal-pjan u tipprovdi informazzjoni fuq bażi annwali sabiex tiddetermina l-impatt ta’ dawn l-istess miżuri. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-pjan se tiġi segwita fil-forum li se jitwaqqaf b’rabta ma’ dan is-suġġett. Dan l-organu se jkun ifformat minn organizzazzjonijiet, esperti u partijiet oħra interessati u se jkollu l-opportunità li jirrakkomanda azzjonijiet sabiex il-miżuri jiġu addattati skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Pensjonanti tas-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti tas-servizz preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa n-numru ta’ pensjonanti li għandhom dawn l-etajiet: i.    bejn 65 u 70 sena; ii.   bejn 71 u 75 sena; iii.  bejn 76 u 80 sena; iv.  bejn 81 u 85 sena; v.   bejn 86 u 90 sena; vi.  bejn 91 u 95 sena; vii. bejn 96 u 100 sena; u viii. minn 101 ’il fuq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor.  Interpellanta li n-numru ta’ pensjonanti tas-servizz li tħallsu fl-aħħar t’Ottubru 2026 kien ta’ 12,519. In-numru ta’ pensjonanti skont l-etajiet indikati huwa skont it-tabella t’hawn taħt: Etajiet Numru ta’ pensjonanti bejn 65 u 70 sena 1,283 bejn 71 u 75 sena 1,773 bejn 76 u 80 sena 2,960 bejn 81 u 85 sena 2,092 bejn 86 u 90 sena 1,363 bejn 91 u 95 sena 595 bejn 96 u 100 sena 109 minn 101 ’il fuq 8 Irid jingħad li pensjonanti tas-servizz speċjalment dawk tal-forzi dixxiplinati jistgħu joħorġu bil-pensjoni qabel l-età propja tal-irtirar. Fil-fatt hemm 2,336 pensjonant iehor li ghandhom anqas minn 65 sena.

Żieda fil-pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żieda ta’ €3.59 fil-pensjoni li ser ikun qed jagħti l-Gvern hijiex ser tingħata mill-1 ta’ Jannar, 2027? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-pensjonanti li ser jieħdu din iż-żieda, maqsuma f’pensjonanti li jieħdu l pensjoni tal-irtirar, dik tal-invalidità, dik tar-romol kif ukoll l-anzjani li jirċievu l-pensjoni tal-età?

Response (FALZON, MICHAEL)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor Interpellanta li minn Jannar illi ġej, il-pensjonanti ser jaraw żieda ta' €10 fil-ġimgħa, inkluża l-COLA, mhux kif skorrettament qed tipprova timplika hi u l-Oppożizzjoni. Eventwalment, tul il-leġislatura l-pensjonanti ser jiżdiedu b'€50 fil-ġimgħa. Dan filwaqt li l-limitu tad-dħul minn pensjonijiet eżenti mit-taxxa se jiżdied b'€520, għal €37,624 fis-sena. Dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed a kuntrarju tal-Oppożizzjoni. Intant, d-diskussjoni fuq l-estimi finanzjarji marbuta mal-Ministeru se jiġu diskussi it-Tlieta 17 ta' Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni nru 70, Mozzjoni ta' Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, diskussa fis-Seduta Nru 25, nhar it-Tlieta, 20 Ottubru 2026.

Baġit 2027 – Trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi

Question

B’referenza għall-Baġit tas-26 ta’ Ottubru 2026, fejn ġie mħabbar li ser ikun jista’ jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-nisa miżżewġa li ser jibbenefikaw minn din il-miżura? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx irġiel miżżewġa li ser ikunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura, u jekk iva, kemm huwa n-numru tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li bis-saħħa tal-miżura msemmija mħabbra fil-Budget għas-sena 2027,  madwar 3,200 mara ser ikunu eliġibbli għall-Pensjoni taż-Żewġ Terzi maħduma fuq għaxar snin kontribuzzjonijiet, għall-ewwel darba. Raġel wieħed ser ikun eliġibbli taħt din il-miżura. Barra minn hekk, madwar 3,800 mara u tlett (3) irġiel ser ikunu eliġibbli għal żieda fil-bonus li jitħallas darba fis-sena (DCB), bis-saħħa tal-miżura tat-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi. Ninforma ukoll illi permezz tal-Budget 2027 il-bonus li jitħallas darba fis-sena (DCB) ser ikun qiegħed jiżdied ukoll permezz taż-żieda tal-Għoli tal-Ħajja.

Baġit 2027 – Trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi

Question

B’referenza għall-Baġit tas-26 ta’ Ottubru 2026, fejn ġie mħabbar li ser ikun jista’ jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi, jista’ l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar din il-miżura u minn meta ser tibda din il-miżura? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern huwiex ser jimponi massimu ta’ kontribuzzjonijiet li jistgħu jiġu trasferiti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-miżura mħabbra fil-Budget għas-sena 2027 tkompli tibni fuq miżuri oħrajn mħabbra f’Budgets preċedenti sabiex aktar persuni jiġu eliġibbli għal ħlas tal-Pensjoni Kontributorja. Fil-fatt, dawn il-miżuri flimkien mal-aħħar miżura, ser ikunu b’kollox ippermettew lil 7,000 persuna, kważi kollha nisa miżżewġin, li għall-ewwel darba jibdew jirċievu Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar li mingħajr tali miżuri ma kien qatt ikollhom. Il-parametri tal-miżura huma dawn ·      Trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet bejn konjuġi, sħab f’unjoni ċivili u koabitanti reġistrati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet. ·      Jistgħu jiġu ttrasferiti sa 260 kontribuzzjoni — ekwivalenti għal ħames snin. ·      Il-kontribuzzjonijiet trasferiti jistgħu iwasslu għal pensjoni minima jew żieda fil-Bonus Annwali (DCB) imħallas lil min ma jikkwalifikax għall-pensjoni. Min jista jibbenefika ·      Iż-żewġ membri tal-koppja jkunu laħqu l-età rispettiva tal-irtirar. ·      Min jittrasferixxi jkun qed jirċievi Pensjoni Kontributorja tal-Irtirar, b’medja ta’ mill-inqas 50 kontribuzzjoni fis-sena. ·      Min jirċievi jkun qed jieħu d-DCB jew meta jagħlaq l-età tal-irtirar ikun intitolat biss għad-DCB, mingħajr dritt għal pensjoni abbażi tal-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha stess. ·      Min jirċievi għandu jkollu mill-inqas 50 kontribuzzjoni mħallsa (kważi sena). Ir-rekwiżiti għal min jittrasferixxi ·      Jekk twieled qabel l-1962: ikollu aktar minn 1,820 kontribuzzjoni mħallsa u akkreditati — 35 sena. ·      Jekk twieled fl-1962 jew wara: ikollu aktar minn 2,080 kontribuzzjoni mħallsa u akkreditati — 40 sena. ·      Jista’ jittrasferixxi biss il-kontribuzzjonijiet li jaqbżu l-limitu applikabbli, sa massimu ta’ 260 (5 snin). Minn meta ser tidħol fis-seħħ il-miżura ·      Il-miżura ser tidħol fis-seħħ mit-2 ta’ Jannar 2027 ‘il quddiem u mhux ser ikun hemm il-ħtieġa ta’ applikazzjoni.  Kull min hu eliġibbli ser ikun qiegħed jiġi nfurmat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali stess.

Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet – Raġunijiet għad-dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2948 u jgħid għaliex l-Aġenzija Identità qed taqbeż iż-żmien statutorju stabbilit mil-liġi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex l-applikazzjonijiet jiġu deċiżi fiż-żmien preskritt?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Aġenzija Identità tosserva t-termini previsti mil-liġi fir-rigward tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal Permess ta’ Residenza. Madankollu, f’ċerti każijiet, minħabba l-kumplessità tal-eżami u l-verifiki meħtieġa, inkluż dawk li jinvolvu entitajiet oħra, jista’ jkun meħtieġ aktar żmien biex l-applikazzjoni tiġi skrutinizzata b’mod adegwat.

Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet – Żmien ta’ proċessar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2947 u jgħid x’kien iż-żmien medju li ħadet l-Aġenzija Identità biex tipproċessa u tiddeċiedi applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont il-kategorija tal-applikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew deċiżi applikazzjonijiet wara li skada ż-żmien statutorju stabbilit mil-liġi, u kemm applikazzjonijiet għadhom pendenti llum, lil hinn minn dak iż-żmien?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Settur agrikolu – Strument Finanzjarju għall-bdiewa żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-Istrument Finanzjarju mħabbar mill-Gvern waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2024 u baġits oħra sussegwenti biex bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jixtru art agrikola, ħalli jkunu jistgħu jidħlu fis-settur agrikolu? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm bdiewa żgħażagħ li gawdew minn din l-inizjattiva, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena, u kemm kien l-ammont finanzjarju li gawdew minnu bdiewa żgħażagħ grazzi għall-istess Strument Finanzjarju fl-istess perjodu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Prodotti lokali reġistrati bħala PDO/PGI

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati prodotti lokali ġodda bħala PDO/PGI taħt sistemi Ewropej ta' kwalità minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk il-miri previsti, hekk kif imħabbra waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2024, intlaħqux jew le? Jekk le, jista’ jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex dawn il-miri previsti ma ntlaħqux u x'ser jagħmel il-Gvern biex dawn il-miri jibdew jintlaħqu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sistema diġitali komprensiva għas-sajd u l-akwakultura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fis-sistema diġitali komprensiva għas-sajd u l-akwakultura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min gawda minn dan l-investiment, kemm investa flus il-Gvern f'dan il-proġett u x'riżultati tanġibbli kellu l-Gvern minn dan l-investiment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-miżura mħabbra fil-Baġit tal-2023 tirrigwarda l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Fisheries Information Integration System (FIIS). Il-proġett għandu valur globali ta’ madwar €4.7 miljun u huwa ffinanzjat permezz tal-European Maritime, Fisheries and Aquaculture Fund (EMFAF). Sabiex jiġi implimentat dan il-proġett, sar proċess ta’ akkwist pubbliku. Il-FIIS huwa maħsub sabiex jintegra disa’ sistemi ewlenin tas-sajd fi pjattaforma waħda. Minn dan l-investiment ser jibbenefikaw kemm id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kif ukoll is-sajjieda, fost oħrajn permezz ta’ proċessi aktar diġitali u tnaqqis fil-paperwork. Is-sistema hija mfassla wkoll sabiex tippermetti lis-sajjieda jużaw apparat bħal tablets u mobile phones għar-rappurtar u għall-aċċess għall-informazzjoni tagħhom. Matul l-2026 sar xogħol fuq id-disinn u fl-arkitettura tas-sistema b’emfasi fuq il-Fishing Vessel Register, il-Vessel Monitoring System (VMS) u qed jiġu ttestjati wkoll GPRS ġodda fuq bastimenti tas-sajd lokali.

Strateġija Nazzjonali tal-Carbon Farming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fir-rigward tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Carbon Farming minn meta tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) implimentat diversi miżuri mill-Istrategija Nazzjonali tal-Carbon Farming. Fl-2023, l-ARPA nediet proġett pilota tal-agroforestrija, li permezz tiegħu ngħatat għajnuna finanzjarja lill-benefiċjarji bejn l-2023 u l-2025. Barra minn hekk, l-ARPA amministrat Skema ta’ Agroforestrija ffinanzjata minn fondi nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, li taħtha nħarġu żewġ sejħiet fl-2025 u fl-2026. Il-benefiċjarji tal-iskema bħalissa jinsabu fil-perjodu ta’ manutenzjoni, li għandu jdum għal mill-inqas erba’ snin mid-data tal-pagament finali. L-ARPA tamministra wkoll l-Iskema għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija (Soil Management Plan – SMP), li permezz tagħha l-bdiewa huma mħeġġa jħejju u jimplimentaw pjanijiet speċifiċi għall-art tagħhom sabiex jindirizzaw l-erożjoni, il-kompattazzjoni u l-livelli baxxi ta’ materja organika fil-ħamrija. Dawn il-pjanijiet jikkontribwixxu lejn il-konservazzjoni u ż-żieda tal-karbonju organiku fil-ħamrija u, għalhekk, lejn l-objettivi tal-Carbon Farming.