Ir-Rabat, Malta - Vjal il-Ħaddiem - Kontroll ta’ sewqan eċċessiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex tittieħed azzjoni biex jiġi kkontrollat is-sewqan eċċessiv fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent ma hemm l-ebda talba jew ilment pendenti relatat ma’ sewqan eċċessiv f’din it-triq, ninfurmah li l-Awtorta’ tat-Trasport diġa’ approvat numru ta’
controlled pedestrian crossings
sabiex tiġi indirizzata s-sigurta’ pedonali.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Karozzi tal-Isptar użati minn ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk impjegati tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jistgħux jużaw karozzi tal-Isptar bil-logo tal-Isptar fuqhom għal xogħol privat tagħhom, jew jużaw l-istess vetturi għal xogħol konness ma’ kumpaniji jew għaqdiet li jaħdmu magħhom jew li huma membri fihom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-vetturi tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jintużaw biss għal xogħol relatat mal-Isptar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31409, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa biex jiġi effettivament implimentat ir-Regolament tal-UE 2024/1309, tenut kont ukoll li dan daħal fis-seħħ f’Novembru 2025?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-emendi inkwistjoni mistennija jiġu ppublikati fil-jiem li ġejjin fejn l-abbozz tal-liġi ġie emendat b’riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li saret.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29985, waqt li wieħed japprezza l-ħtieġa tal-explanatory notes, jista’ l-Ministru jqis li huwa iktar prattiku li l-explanatory notes isegwu direttament il-liġi li huma qed jispjegaw milli jiġu ppubblikati separatament f’xi ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern lil hinn mil-liġi kkonċernata, dan kif wara kollox hi wkoll il-prassi segwita f’diversi pajjiżi oħra, fejn l-explanatory notes anke jekk mhux parti mil-liġi, huma magħmula direttament wara l-liġi li allura qed ifissru?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-Noti ta’ Spjegazzjoni ma għandhomx jiġu ppubblikati wara l-leġiżlazzjoni kif qed jiġi suġġerit, peress l-imsemmija Noti ma jifformax parti mil-liġi u għalhekk ma għandhomx il-forza tal-liġi. Għaldaqstant, huwa idoneju li jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern separatament, del resto kif qed isir, fit-taqsima li tinkorpora l-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku inġenerali, fl-istess ġurnata li tiġi ppubblikata l-leġiżlazzjoni li jkunu qed jispjegaw u jirreferu għaliha. Inoltre, l-imsemmija Noti jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern mal-Avviżi tal-Gvern lill-pubbliku u mhux fis-Suppliment tal-Gazzetta li hu intiż esklużivament għall-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja. B’hekk qed jiġi sodisfatt l-element ta’ pubbliċità fir-rigward tan-negozji li jridu jaġġustaw għar-rikjesti l-ġodda tal-leġiżlazzjoni li se tidħol fis-seħħ, kif ukoll għaċ-ċittadini li se jiġu affettwati bl-istess leġiżlazzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea numru EU 2024/1385?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li fl-2018, l-artikoli sostantivi tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li fuqha hija bbażata d-Direttiva, saru esegwibbli bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta permezz tal-Att dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, Kap. 581 tal-Ligijiet ta’ Malta. Minkejja dan, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, sar eżerċizzju biex jigu identifikati l-emendi legali neċessarji sabiex tiġi implimentata d-Direttiva 2024/1385. Dan wassal għal abbozzar ta’ liġi u diversi laqgħat konsultattivi ma’ partijiet konċernati, primarjament ma’ entitajiet u għaqdiet mhux governattivi.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 35367 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u tgħid meta se jibda jopera l-Inclusion Hub fir-Rabat?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għat-tweġiba ta’ PQ 35368.
Skejjel – Laptops li ngħataw lill-istudenti - Taħriġ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35366 u ċjoè: B’referenza għall-istudenti li ngħatalhom laptop, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex qed jingħataw taħriġ dwar kif jużaw laptop?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, sabiex jiġi żgurat użu effettiv u responsabbli tal-laptops, inħarġet ċirkulari indirizzata lill-ġenituri u lill-iskejjel flimkien ma’ dokument edukattiv li jispjega fid-dettall il-funzjonijiet tal-laptops kif ukoll l-għodod ewlenin li għandhom jintużaw għal skopijiet edukattivi. Dan id-dokument għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-litteriżmu diġitali u joffri gwida ċara dwar l-użu xieraq tat-teknoloġija.
Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn il-laptops huma maħsuba għal użu edukattiv u l-istudenti jkunu dejjem iggwidati mill-għalliema u mill-ġenituri jew kustodji tagħhom waqt l-użu tagħhom. Meta l-għalliema jużaw il-laptops fil-klassi, huma jkunu qed juru b’mod viżiv u prattiku kif dawn għandhom jintużaw, u b’hekk l-istudenti jitgħallmu direttament permezz tal-eżempju. Ikun għaqli wkoll li meta wieħed iħares u jitkellem dwar dan is-suġġett, iħares lejn l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali.
Jista’ l-Ministru jagħti raġuni għalfejn kandidati residenti Għawdex qed ikollhom joqogħdu għal ċerti eżamijiet pubbliċi f’Malta, bħal każ tas-Security Guards, meta din kienet wegħda elettorali li kull eżami pubbliku jsir f’Għawdex għal dawk ir-residenti Għawdxin? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm eżamijiet oħra barra dak indikat li kandidati Għawdxin kellhom jagħmluhom Malta mingħajr ma ngħataw l-għażla li jistgħu jagħmluhom f’Għawdex stess? F’każ li kien hemm minn dawn l-eżamijiet, jista’ jagħti lista tagħhom u kemm kien hemm kandidati minn Għawdex għal kull eżami, u jaqsam din l-informazzjoni għal kull eżami?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet lokali normalment isiru kemm fiċ-ċentri tal-eżamijiet f’Malta kif ukoll fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet f’Għawdex, ir-Rabat (Victoria).
Kumpaniji tal-Karnival - Post għall-ħidma - Kajselli, Xewkija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34661 u jgħid x’inhi r-raġuni li sal-lum għad m'hemmx post fejn il-kumpaniji tal-Karnival jistgħu jaħdmu, minkejja diversi wegħdiet li saru fl-aħħar snin u l-maġġoranza assoluta tal-kumpaniji xorta mhux jitħallew jużaw il-post tal-Gvern magħruf bħala l-Kajselli fix-Xewkija, minkejja li jidher li dan il-post għandu l-faċilitajiet neċessarji sabiex dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jippreparaw ix-xogħol tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti mill-popolazzjoni studenteska tal-Università ta’ Malta li huma Maltin, studenti mill-Unjoni Ewropea u studenti barra mill-Unjoni Ewropea, f’numri assoluti u persentaġġi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Maltese
EU
Non-EU
9,240
1,446
1,434
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti mill-popolazzjoni studenteska tal-Università ta’ Malta li huma mature students, f’numri assoluti u persentaġġi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt;
Popolazzjoni studenteska
Mature Students
Persentaġġ
12,120
580
4.79%
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema età persuna titqies bħala mature student u għalhekk mhux neċessarjament irid ikollha l-kwalifiki kollha neċessarji, skont il-proċedura tal-Università?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-Regolament 6 (c) tar-Regolamenti għad-Dħul jistipula li persuni li:
“ikunu għalqu t-23 sena sal-ewwel semestru tal-Kors li jkunu applikaw għalih,
li minn hawn ’il quddiem jissejħu bħala “Studenti Adulti,” u jkunu meqjusa li
huma eliġibbli għad-dħul mill-Bord tad-Dħul fuq il-bażi ta’ assessjar biex jiddetermina jekk dawn l-applikanti jistgħux jilħqu l-istess livelli akkademiċi bħall-applikanti li jidħlu skont ir-regolament 12.”
Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed isiru l-lectures għall-persuni li jattendu l-Università tat-Tielet Età?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li bħalissa, il-lectures għall-persuni li jattendu l-Università tat-Tielet Età qed isiru f’dawn il-lokalitajiet:
Floriana - Catholic Institute, Floriana
Sliema - St. Patrick’s School, Sliema
Cottonera - Cottonera Resource Centre, Birgu
Birżebbuġa - Birżebbuġa Day Centre, Triq Birżebbuġa, Birżebbuġa
St Paul's Bay - Assisi Hall, St. Paul's Bay
Mellieħa - Mellieħa Day Centre, Mellieħa
Gozo Victoria - Il-Ħaġar – Heart of Gozo Museum and Cultural Centre, Victoria
Gozo Xewkija - University Campus, Ix-Xewkija
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-ammont tal-onorarja qabel u wara ż-żieda għal kull direttur individwali fil-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-diretturi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ingħatawx żieda medja ta’ madwar 16% fl-onorarja annwali tagħhom fl-aħħar sena finanzjarja?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27778, jista' l-Ministru jaġġorna l-lista sħiħa tal-pjanċi tal-vetturi li jispiċċaw bl-ittri ‘GY’ u ‘LY’, kif ukoll jipprovdi n-numru tal-liċenzja tal-operaturi tal-vetturi rispettivi, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi direttur ta’ xi kumpanija li rebħet kuntratti għal-lifts fil-housing estates, li għandu kariga pubblika jew relazzjoni ma’ persuna f’kariga pubblika?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li filwaqt li fl-istadju tal-aġġudikazzjoni tal-offerti tkun saret analiżi għall-kunflitt ta’ interess, din tkun normalment limitata għall-persuni li jokkupaw karigi fi ħdan l-Awtorità tad-Djar. Għalhekk filwaqt li nikkonfermaw li l-ebda fornitur ta’ servizz ma kien relatat ma uffiċċjali tal-istess Awtorità, m’hemmx informazzjoni li tkopri wkoll kull kariga pubblika in ġenerali.
Housing Estates – Kuntratti tal-lifts – Diretturi u azzjonisti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jipprovdi l-ismijiet tad-diretturi u tal-azzjonisti tal-kumpaniji kollha li rebħu kuntratti relatati mal-lifts fil-housing estates, kif iddikjarati fir-reġistri pubbliċi?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li l-Awtorità tad-Djar tiċċekkja l-ismijiet mis-sit pubbliku tal-Awtorità kompetenti u cioè l-Malta Business Registry, fiż-żmien tal-aġġudikazzjoni tal-offerti. Però, minħabba konsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, mhix f’pozizzjoni li tipprovdihom.