Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35845 u jgħid kemm kien id-dħul miċ-ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarġu mill-uffiċjali tal-LESA u tal-Pulizija f'San Pawl il-Baħar bejn l-2022 u l-2025, maqsuma sena b’sena?
Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè – Encroachments
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35767 u jipprovdi lista dettaljata tal-encroachments kollha maħruġa mid-Dipartiment tal-Artijiet f’Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè, u jgħid meta se tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman sabiex ikun hemm identifikazzjoni ċara u trasparenza akbar dwar l-art mogħtija bħala encroachment, inkluż fejn applikabbli, li din tkun indikata fuq il-post?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Persuni li twieldu qabel l-1962 – Aġġustamenti tal-pensjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35766 u jgħid meta se jitħallas l-aġġustament tal-pensjoni għal dawk li twieldu qabel l-1962?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi permezz tal-Budget 2024 ddaħħlu żewġ miżuri sabiex jindirizzaw żewġ anomaliji maħluqa bir-riforma fil-pensjonijiet tal-2006.
L-ewwel miżura permezz ta’ emenda li ddaħlet fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali fl-2024 stess, kienet illi l-pensjonanti twieldu meta twieldu, għandhom jiżdiedu ta’ kull sena b’dak l-ammont li jkun jikkorrispondi għal sebgħin fil-mija miż-żieda perċentwali fil-paga medja nazzjonali kif pubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika mwaqqaf bis-saħħa tal-artikolu 9 tal-Att dwar l-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta għas-sena kalendarja ta’qabel miżjuda bi tletin fil-mija tar-rata tal-inflazzjoni kif pubblikata mill-imsemmi Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għas-sena kalendarja ta’ qabel.
Dan qabel kien japplika biss għall-pensjonanti li twieldu mill-1962 ‘il quddiem.
It-tieni miżura li wkoll bdiet titħaddem mill-2024 tirrigwarda proċess gradwali li fi tmiemu se jkun hemm Dħul Pensjonabbli Massimu wieħed għall-pensjonanti kollha, twieldu meta twieldu. B’dan il-mod dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u lis-salarju kurrenti tagħhom li kieku għadhom jaħdmu jaqbeż id-Dħul Pensjonabbli Massimu tagħhom, bdew jirċievu żieda addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li dvarja skont is-salarju. Dan seħħ fis-snin 2024 u 2025, fejn il-pensjonanti kollha eliġibbli rċevew ż-żidiet li ħaqqhom.
Il-proċess fuq iż-żidiet lil din il-kategorija ta’ pensjonanti ħaqqha għal din is-sena beda fi Frar u se jkun intemm sal-aħħar ta’ Mejju 2026.
Ta’ min jgħid lid-divarju maħluq fl-2006 fid-Dħul Pensjonabbli Massimu bejn il-pensjonanti li twieldu qabel u wara l-1962, permezz ta’ din il-miżura fl-aħħar 3 snin tnaqqas minn €6,407 għal €3,584, waqt lid-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ dawk imwielda qabel l-1962 żdied b’€5,076 fis-sena.
Jista' l-Prim Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34606 u jgħid jekk hemmx xi problema fil-kostruzzjoni fil-Units li huma assenjati diġà?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li m'hemm l-ebda problema fil-kostruzzjoni tal-units fil-binja msemmija, madanakollu, jidher li riċentament kien hemm xi dħul ta’ ilma tax-xita mill-appoġġ ta’ terzi, u dan qed jiġi indirizzat ukoll.
Jista' l-Prim Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34605 u jgħid jekk it-tender tal-car spaces fil-basement tal-blokka mibnija tal-Gvern fi Triq id-Demnuq fis-Siġġiewi hux ser jiġi ppubblikat u jekk le, x'inhu jżomm dan il-proċess?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li t-tender ser ikun qed joħroġ fiż-żmien opportun; wara li ġew organizzati bl-aħjar mod il-car spaces tal-blokka.
Ir-Rabat, Bormla, Is-Siġġiewi u l-Imsida - Proġetti ta’ Akkomodazzjoni Soċjali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31940 u 35028 u jgħid fiex waslu l-proġetti ta’ Akkomodazzjoni Soċjali fir-Rabat u Bormla, u l-estensjoni tas-Siġġiewi u l-Imsida?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li l-proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali fl-Imsida u fis-Siġġiewi tlestew u ma hemmx estensjonijiet ippjanati, filwaqt li l-proġett ta' Bormla ser jitkompla fiż-żmien li ġej. Rigward ir-Rabat, l-Awtorità tad-Djar għandha żewġ appartamenti li se jkunu qed jiġu riġenerati fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm dam għaddej ix-xogħol fi Triq Hompesch fil-Fgura u f’liema ħinijiet kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq Hompesch fil-Fgura kien jirrikjedi li tingħalaq it-triq u sabiex jiġu evitati problemi ta’ traffiku, dan ix-xogħol seta biss isir matul il-lejl.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31140 u 34089 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31140, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu dwar iż-zebra crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li m’għandu xejn xi jżid mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 34088.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35391 u jgħid x’inhu l-perċentwal li jinqata’ mill-pensjoni meta koppja tirċievi pensjoni waħda peress li r-raġel biss kien jaħdem u l-mara tkun rikoverata ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule (SVPR), filwaqt li r-raġel jibqa’ jgħix waħdu fid-dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fejn hemm pensjoni kontributorja waħda u wieħed jew waħda mill-konjuġi jidħol jew tidħol f’dar tal-anzjani, 70% tal-pensjoni titħallas lil min jibqa’ fir-residenza tiegħu jew tagħha. It-tnaqqis relatat mar-residenza fid-dar tal-anzjani jsir mit-30% li jifdal jew minn dħul ieħor.
Ix-Xgħajra - Xgħajra Tornados - L-art madwar il-pitch
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34416 u 35390 u jgħid jekk l-art madwar il-pitch tax-Xgħajra Tornados ġietx devoluta lill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat?
Edukaturi - Applikazzjonijiet - Lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tibqa’ valida applikazzjoni ta’ persuna li tapplika għal kariga ta’ edukatur, meta ma tkunx ġiet ingaġġata u tibqa’ fuq lista ta’ stennija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li r-riżultati huma validi għal sena mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat, sakemm is-sejħa ma tispeċifikax li huma validi għal sentejn.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il miżura regolatorja ttieħdet da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) minħabba allegat ksur tal-L.S.378.20 - Regolamenti dwar Kuntratti għal kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali? F’kull każ, jista’ jgħid x’inhu l-istatus attwali?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li sa issa ma ttiħdux miżuri regolatorji da parti tad-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) fir-rigward tar-Regolamenti dwar Kuntratti għal Kontenut Diġitali u Servizzi Diġitali, peress li ma rriżultax li kien hemm ksur ta’ dawn ir-Regolamenti.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan id-Digital Investigations Unit li jagħmel parti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm professjonisti f’dan il-Unit u x’inhu l-irwol u l-grad ta’ kull persuna?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li fi ħdan id-Digital Investigations Unit hemm żewġ impjegati: Senior Professional Officer (E Enforcement) u Senior Administrative Officer (Digital Investigations and Support). Is-Senior Professional Officer (E Enforcement) jappoġġja l-attivitajiet ta’ infurzar relatati mal-konformità tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-swieq diġitali, li jinkludu l-koordinazzjoni u l-ġbir ta’ evidenza f’azzjoni ta’ infurzar; filwaqt li s-Senior Administrative Officer (Digital Investigations and Support) iwettaq funzjonijiet li jinkludu l-monitoraġġ diġitali u l-assistenza fil-proċessi ta’ investigazzjoni u infurzar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ġietx stabbilita database elettronika nazzjonali li tkun disponibbli għall-pubbliku a tenur tal-artikolu 15 tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635 u jekk iva, jista’ jipprovdi l-link?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li ma ġietx stabbilita database elettronika nazzjonali a tenur tal-artikolu 15 tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk qattx saru xi proċeduri legali a tenur tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635 u jekk iva, minn min u x’inhu l-istatus attwali ta’ dawn il-proċeduri?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li mill-2023 sal-lum ma sarux azzjonijiet rappreżentattivi taħt l-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi, Kap. 635.