Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali kinitx talbet biex tinbeda inkjesta fuq il-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u kif l-annimali kienu qed jingħataw is-servizz mediku? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid għaliex l-annimali baqgħu jintbagħtu hemm sakemm tneħħa kull dubju?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali mhuwiex l-awtorità kompetenti biex jinvestiga kliniċi privati. Ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-kliniċi privati jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur responsabbli għas-servizzi veterinarji, skont ir-Regolamenti dwar il-Liċenzjar ta’ Stabbilimenti Veterinarji Privati.
Jista’ l-Ministru jgħid biex miet il-kelb tar-razza Shih Tzu nhar il-Ġimgħa 17 ta' April, 2026 u jikkonferma li dan kien kelb li ġie kkunfiskat mingħand sidu għax ma kienx trattat sewwa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Klinika - Annimali mejta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm annimali li mietu ġewwa l-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wara li ġew megħjuna mill-ambulanza, u jaqsam in-numri skont l-ispeċi differenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-istatistika għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid fi x’ħin jiġu invistati u trattati minn veterinarju l-annimali misjuba fit-triq wara d-9.00 pm ladarba l-veterinarju jidħol biss fil-klinika għall-visti mill-4.00 pm ’l quddiem sa madwar it-8.00 pm jew id-9.00 pm? Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li ħafna drabi dawn l-annimali lanqas jingħataw xi forma ta’ anaesthetic jew painkiller sakemm ikunu qed jistennew li jiġu invistati, liema ħin jista’ jkun twil anke madwar 20 siegħa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta dwar il-ħin li fih jiġu eżaminati u ttrattati l-annimali misjuba fit-triq wara d-9:00pm. Il-kuntratt bejn id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u l-klinika kuntrattata jistipula b’mod ċar li s-servizz ta’ emerġenza għandu jkun disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, inklużi l-weekends u l-festi pubbliċi. Dan ifisser li, skont l-obbligi kuntrattwali, kull annimal misjub fit-triq irid jiġi riċevut u eżaminat minn veterinarju malli jasal il-klinika, irrispettivament mill-ħin tal-ġurnata. Barra min hekk, il-klinika hija obligata li topera skond il-ligi sussidjarja SL 437.106, Regolamenti dwar il-Liċenzjar ta’ Stabbilimenti Veterinarji Privati u linji gwida maħruġa mill- Kunsill tal-Kirurġi Veterinarji li jirregola l-professjoni f’ dan il-qasam.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Annimali sokkorsi mill-ambulanza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'ser isir mill-annimali tat-triq li qed jiġu megħjuna mill-ambulanza, peress li l-klinika li kienet tintuża mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali kienet qed tħallihom għal sigħat twal mingħajr attenzjoni veterinarja? Jista’ jgħid ukoll x’ser ikun qed jagħmel biex jara li xi ħadd jieħu r-responsabbiltà għal dan?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 35935, fejn ġew indirizzati l-istess kwistjonijiet ta’ kura veterinarja u l-obbligi kuntrattwali.
CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34001 u 35222 dwar is-sejħa 'CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo', fejn ġie mwieġeb li “s’issa saru seba’ toroq minn dan il-framework agreement. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’bini mill-ġdid ta’ toroq u asphalt.”, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawn is-seba’ toroq (isem tat-triq u raħal) u kemm ġiet tiswa kull triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li din l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Sptar Mater Dei – Senior executives – Uniformijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta s-senior executives li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei ser jingħataw uniformijiet ġodda, wara li ilhom snin ma jingħataw uniformijiet?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol riparatorju kollu fuq ix-xogħol ta’ pavimentar tal-Pjazza tal-Knisja (il-parti minn Triq Karmenu Ciantar) fl-Imqabba, minn meta nfetħet uffiċjalment sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx topographical survey qabel ma ngħata wiċċ tat-tarmac ġdid fi Triq Santa Katerina, l-Imqabba (minn Triq San Innoċenzu sa Triq Karmenu Ciantar / Pjazza tal-Knisja) biex jiġi identifikat fejn iżomm l-ilma tax-xita? X’xogħol riparatorju se jsir biex jitneħħew l-għadajjar tal-ilma tax-xita kif indikat fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament, li qed jikkawżaw inkonvenjent kbir għal min juża t-triq, speċjalment għal dawk li jgħaddu bil-mixi? Jista’ jgħid ukoll kemm ġie jiswa x-xogħol kollu relatat mal-kisi ta’ din it-triq bit-tarmac?
Is-Siġġiewi – Ta’ Brandin – Problema ta’ vultaġġ għoli
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35755, tista’ l-Ministru tgħid meta se tissolva l-problema ta’ vultaġġ għoli fi Triq Ta’ Brandin, is-Siġġiewi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-problema ssolviet wara li fil-jiem li għaddew saru xogħlijiet fuq l-apparat tas-substation relatat mat-triq indikata.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35754, fejn intqal li “Wara li jsiru xogħlijiet ta’ trinek mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew minn Enemalta, dawn jerġgħu jinksew bit-tarmak skont il-kundizzjonijiet maħruġin minn Transport Malta.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-kundizzjonijiet jistipulawx perjodu ta’ żmien sakemm l-asfalt irid jerġa’ jsir wara tali xogħlijiet, peress li huwa nnutat li wara li t-trinek jiġu miksija bil-konkos, ħafna drabi jitħallew f’dan l-istat għal ġimgħat jew saħansitra xhur?
Tista’ l-Ministru tispjega l-proċess tal-performance appraisals tal-impjegati tar-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS)? Tista’ tgħid ukoll għaliex waqt l-appraisal ta’ diversi impjegati, apparti l-Head of Unit, kienu wkoll preżenti s-CEO u l-HR, li hija xi ħaġa li ma kinitx prassi fis-snin ta’ qabel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-proċess tal-performance appraisals fi ħdan ir-REWS huwa wieħed intern u mmexxi skont il-proċeduri tar-Riżorsi Umani sabiex jiġi żgurat trattament ġust, konsistenti u transparenza tal-proċess.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm irriżenjaw jew telqu persuni mir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS), mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi kkunsidrat li meta persuni li jgħixu bil-benefiċċji soċjali u jkollhom bżonn apparat tal-isleep apnea li jinkera mid-Dipartiment tas-Saħħa, jingħataw l-għajnuna biex id-depożitu jkun aktar affordabbli jew jitħallas bin-nifs?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru rċeviex ilmenti li s-servizz tas-Silver T qed ikun fully booked mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ l-Ministru jassigura li l-anzjani kollha li jkollhom bżonn is-servizz tas-Silver T mil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar fil-fatt jingħataw dan is-servizz?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma rċeviet l-ebda ilment li s-servizz tas-Silver T qed ikun fully booked fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.
Jista’ l-Ministru jgħid liema banek kummerċjali huma awtorizzati jaħdmu f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm-il fergħa għandu kull wieħed minn dawn il-banek, u f’liema rħula għandhom preżenza fiżika?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35847 u jgħid kemm kien id-dħul miċ-ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarġu mill-uffiċjali tal-LESA u tal-Pulizija fl-Imġarr, Malta bejn l-2022 u l-2025, maqsuma sena b’sena?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35846 u jgħid kemm kien id-dħul miċ-ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarġu mill-uffiċjali tal-LESA u tal-Pulizija fil-Mellieħa bejn l-2022 u l-2025, maqsuma sena b’sena?