Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żejtun — Triq tal-Barrani - traffic lights

Question

Jista' l-Ministru, permezz tar-Roads Department, ġentilment jgħid fiex waslet it-talba sabiex isiru traffic lights fi Triq tal-Barrani, Żejtun (fil-junction li tgħaqqad Triq tal-Barrani, Żejtun, ma' Triq Vjal il-25 ta' Novembru, Żejtun) minħabba li din il-parti ta' Triq tal-Barrani hi ferm perikoluża u ta' spiss isiru inċidenti, uħud minnhom fatali? Minħabba l-periklu kbir li hemm f'din il-parti ta' Triq tal-Barrani u fid-dawl tal-fatt li din it-talba ilha pendenti snin twal, jista' il-Ministru ġentilment jinformani meta bejn wieħed u ieħor se jsiru dawn il-lights?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet il-permessi meħtieġa biex dan il-junction isir wieħed ikkontrollat mit-traffic lights hekk kif inhu s-suġġerit mill-Onor. Interpellant u x-xogħol neċessarju mistenni li jsir aktar 'l quddiem.

Portijiet — Taħrikiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx infurzar sabiex ma jkunx hemm ħsejjes żejda minn vapuri u bastimenti fil-portijiet tagħna? Kemm saru taħrikiet f' dan is-sens fis-sena li għaddiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Awtorita' Marittima, konxja mill-inkonvenjent li jistgħu joħolqu ħsejjes żejda minn xi vapuri, qiegħda taħdem mill-qrib ma' l-aġenti u mal-kaptana tal-vapuri sabiexjitnaqqas kemm jista' jkun dan l-inkonvenjent. Matul is-sena li għaddiet ma saret l-ebda' taħrika rigward dan is-suġġett.

Bormla — Parking Bay

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir xi parking bay riservata għal persuni b'diżabilita' fi triq Santa Tereża Bormla ħdejn il-knisja ta' Santa Tereża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mir-riċerka li saret mid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku ma nstabet l-ebda rikjesta mill-Kunsill Lokali għal parking bay riservata għal persuni b'diżabilita fi Triq Santa Tereża, Bormla ħdejn ill-knisja ta' Santa Tereża. Sadanittant id-Direttorat għall-Manigg tat-ser jara tistax issir.

Ħ'Attard — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrakkomanda li tingħata wiċċ xieraq lit-triq bl-isem Daħlet l-Istrinġitur f' Ħ'Attard, speċjalment in vista tal-fatt li din kważi kompletament żviluppata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-direttorat għat-Toroq għandu diversi talbiet għal xogħlijiet fejn l-iżvilupp għadu lura bħal f'dan il-każ, u għalhekk qiegħed fil-proċess biex jifformula pjan biex toroq bħal dawn li jkunu ilhom miftuħa imma ma jkunux żviluppati kompletament ikunu jistgħu jingħataw surfacing temporanju biex ir-residenti f'dawn it-toroq ma jibqgħux f'sitwazzjoni ta' nkonvenjent.

Zebra crossing — Triq Diċembru 13

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrakkomanda li tinżebagħ iż-zebra crossing ta' quddiem ir-riding school fi Triq Diċembru 13 (Ara site plan annessa under separate cover) minħabba li din marret għal kollox?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ż-zebra crossing li qed tintalab li terġa tinżebagħ qatt ma eżistiet.
Leg 9 PQ #38648 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir mera biex is-sewwieqa li jkunu ġejjin minn Triq Merħba Fgura (minn naħa ta' Tarxien) jkunu jistgħu jaraw min ser ikun ġej minn Triq is-Sur peress li hi xi ftit blind corner?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ma għamel l-ebda talba għal mera biex is-sewwieqa li jkunu ġejjin minn Triq Merħba Fgura (minn naħa ta' Tarxien) jkunu jistgħu jaraw min ikun ġej minn Triq is-Sur.

Flooding

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir bankina fuq in-naħa tar-residenzi San Josetto u Unicorn f'Misraħ il-Barrieri, Msida minħabba l-flooding li spiss jiġi kkawżat fid-djar kull meta jkun il-maltemp?

Response (GALEA, ĊENSU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37982, jiena nfurmat li jekk il-bankina ssir il-bieb tar-remissa msemmija ma jkunx jista' jinfetaħ. Madankollu d-Direttorat tat-Toroq lesta survey tal-lokalita' u qed jirriżulta li hu possibbli titqaxxar ħotba li hemm fit-triq biex l-ilma jkun jista jimxi bla xkiel. Dan ix-xogħol hu mistenni li jitlesta fi żmien qasir skond il-prijoritajiet li jkollu d-Direttorat.

Toroq — Tiswija

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm għat-tiswija tat-toroq mal-pajjiż kollu li mtlew ħofor f' dawn il-jiem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport mill-ewwel implimentat pjan għall-azzjoni sabiex malli t-temp ibbnazza l-ħofor li tfaċċaw fit-toroq arterjali bħalha kaġun tal-maltemp bdew jissewew minn diversi kuntratturi li tqabbdu jagħmlu dan ix-xogħol. Fl-istess ħin l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tgħaddi informazzjoni lill-Kunsilli Lokali dwar il-ħofor li qed jiġu rrapurtati lilha permezz tal-freephone, biex dawn ukoll ikunu jistgħu jissewew. Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li f'ċirkostanzi fejn ix-xita tkun għadha nieżla, xogħol bħal dan ma jkunx jista' jsir b'mod tajjeb, u ħafna drabi l-istess xogħol jerġa jiġi ripetut, (kultant diversi drabi).

By pass tal-Gudja — Crash barrier

Question

Jogħġbu il-Ministru jara li tiġi installata crash barrier mill aktar fis possibli fil-by pass tal-Gudja, fiti qabel il-kappella ta' Bir Miftuħ mal-faċċata peress li ġraw għexieren ta' inċidenti b'karozzi li jkunu ġejin minn Ħal Luqa lejn il-Gudja jibqgħu deħlin fil-ħajt tar-razzett li hemm, bil-periklu li jintlaqat il-bidwi li jaħdem fir-razzett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tara x'l-aħjar li jsir.

Dingli — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li jirrakkomanda li jingħata wiċċ xieraq lit-toroq bl-isem Cliff Street u N/S in Cliff Street Dingli peress li dawn tista' tgħid li huma żviluppati kompletament minbarra t-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tħejji programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Toroq — Ħsarat

Question

Jista' l-Onorevoli Ministru jibgħat ħaddiema jirranġaw Brewery Street, Ħamrun peress li din mimlija ħofor u hija perikoluża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex terġa tispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant, wara li din kienet ġiet spezzjonata żmien ilu, biex jiġi stabbilit jekk sarx aktar żvilupp biex it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li triq l-Aħdar ġewwa Marsascala ssir matul din is-sena li ninsabu fiha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għadha kif ħarġet sejħiet għall-offerti biex isiru xogħolijiet fit-toroq San Gwakkin, Triq l-Immakulata u Hurd's Bank x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpelant isir aktar 'il quddiem.

Wied il-Għajn — Triq is-Sibbien

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 38593 u cioe' jgħid jekk ġietx esproprjata xi art sabiex issir Triq is-Sibbien, f'Wied il-Għajn? Jekk fl-affermattiv, kemm tħallsu flus għal din l-espropriation? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li turi l-area esproprjata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 38593.

Gżira — Zebra Crossing

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir zebra crossing fi Sliema Road, Gżira quddiem Luqa Briffa Street, Gżira minħabba l-għadd ta' inċidenti li jiġru hemmhekk?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku huwa ta' l-opinjoni li ma ssirx zebra crossing fi Sliema Road, Gzira junction ma' Triq Luqa Briffa minħabba li diġa hemm pelican crossing fi Sliema Road off junction ma' Triq Nazju Ellul li tiġi 100 metru bogħod mis-sit hawn fuq imsemmi.

Żebbuġ — Triq il-Kandlora

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmac triq ġdida fi Triq il-Kandlora, Ħaż-Żebbuġ, liema triq għalkemm hija sekondarja għadha ma tistax tinħadem mill-kunsill lokali għaliex għadhom ma sarux l-ewwel servizzi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Aworita' dwar it-Trasport qegħda tħejji program għal asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir skond il-prijoritajiet li jkun qed jirriżulta minn żmien għal żmien.

Gżira — Traffic Control Board

Question

Jista' it-traffic control board jieħu deċiżjoni dwar it-talba li kellha titressaq quddiemu mill-Kunsill Lokali Gżira f'isem il-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ma jkunx hemm parking quddiem il-garage tagħhom fl-istess triq billi ċerti drabi lanqas ikunu jistgħu joħorġu il-karozza tagħhom mill-garage minħabba l-parking bl-addoċċ li jsir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-problema riferuta hija waħda ta' enforcement li taqa' taħt ir-reponsabilita' tal-Pulizija u/jew tal-Gwardjani Lokali skond ir-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur, 1994, Paragrafu 77.

M'Scala — Triq l-Imriekeb - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex parti minn Triq l-Imriekeb, M'scala, li qed issir bħalissa mill-kuntrattur se titħalla kollha blat u mħarbta kif inhi għaliex hemm servizzi tal-Maltacom u Enemalta li huma fil-wiċċ? Jaqbel il-Ministru li mhux aċċettabbli li parti minn din it-triq tiġi rranġata filwaqt li l-parti l-oħra titħalla kif inhi? Possibbli din l-informazzjoni tiġi investigata u ningħata risposta dwar x'se jiġri eżatt?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat illi fil-preżent qed isiru diskussjonijiet mal-Maltacom sabiex il- cables li qegħdin fil-wiċċ jitbaxxew għal-livell meħtieġ minn din il-korporazzjoni bħal ma diġa ġie mifthiem ma' l-Enemalta fir-rigward tal- cables tad-dawl. Meta dan ix-xogħol jitlesta t-triq tkun tista titlesta kollha.

Żejtun — Traffic lights

Question

X'inhi r-raġuni li għadhom ma sarux it-traffic lights fit-Triq tal-Barrani, Żejtun eżatt mal-junction ta' Vjal il-25 ta' Novembru Żejtun? Billi f'dan il-post isiru għadd ta' inċidenti xi drabi fatali meta hu maħsub li jsiru u jitlestew dawn it-traffic lights? Jaħsibx il-Ministru li fid-dawl ta' l-inċidenti serji f'dan il-post dawn il-lights għandhom jingħataw preferenza?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet il-permessi meħtieġga biex dan il-Junction isir wieħed ikkontrollat mit-traffic lights u x-xogħol neċessarju ikun jista' jsir aktar 'il quddiem skond kif jippermettu l-prijoritajiet li għandu quddiemu d-Direttorat.

Żejtun — Toroq

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi li għamilt qabel dwar Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun, hemm il-ħsieb li din issir mill-Gvern la darba l-parti ta' Wied il-Għajn saret mill-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u dik il-parti taż-Żejtun baqgħet qisha wiċċ il-qamar? Billi dan l-aħħar saret trinka fil-parti tat-triq imsemmija li kompliet ħaffret it-triq u issa spiċċat fi stat li hu perikoluż li ssuq fiha u fid-dawl tal-fatt li minn din it-triq jgħaddu eluf ta' karozzi kuljum possibbli niġi nfurmat jekk din hux se ssir? Jista' ir-Roads Department iżur din it-triq qabel iwieġeb il-mistoqsija tiegħi biex jikkonferma hu stess f'liema stat tinsab?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtja għal-Mistoqsija Parlamentari nru.36476. Madankollu tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex terġa tiġi tispezzjona din it-triq sabiex ikun zgurat illi t-tiswija tat-trinka li qed jirreferi għalija l-Onor. Interpellant tkun sodisfaċenti biex ma jkunx hemm periklu għal min jgħaddi minn hemm.

Żejtun — Triq il-Bajja ta' San Tumas

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-bajja ta' San Tumas fiż-Żejtun minħabba li dan l-aħħar inqalgħet u allura tinsab fi stat ħażin ħafna, b'tali mod li trid issir mill-ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għal -Mistoqsija Parlamentari nru. 38567.