Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom ma jiġu approvati mediċini ġodda fis-suq lokali? Meta hu mistenni li l-applikazzjonijiet pendenti jiġu approvati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond in-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea ingħatajna tranzizzjoni għall-mediċini li sa l-aħħar ta' Novembru 2002 kienu awtoriżżati li jitpoġġew fuq is-suq Malti. Ġejna mitluba mill-kummissjoni biex nagħtuhom lista ta' dawn il-mediċini. Għal dawn il-mediċini biss għandna l-permess li nkomplu nużaw il-proċeduri li kienu jintużaw qabel. Għalhekk mediċini ġodda setgħu jitpoġġew fuq is-suq sa l-aħħar ta' Novembru 2002.
Proċedura ġdida, rigward il-liċenzjar ta' mediċini f' pajjiżi kandidati, ġiet diskussa f'laqgħa li saret f'Tallinn. Din il-proċedura għandha tiġi addottata f' Malta u ser tibda tintuża fl-istess żmien li ser jaddottawha l-pajjiżi kandidati l-oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura eżatta biex importatur japplika ħalli jdaħħal mediċini ġodda fis-suq lokali apparti li jipprovdi S.P.C., sample u marketing authorisation Dossier, speċjalment billi l-EMEA application forms mhux jiġu aċċettati gaħx m'aħniex membri sħaħ tal-UE, filwaqt li pajjiżna huwa l-uniku pajjiż firmatarju biex jidħol membru fl-UE li ma ffirmax il-Cadreac Agreement?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li fl-aħħar laqgħa li saret f'Talinn (2-4 ta' Ġunju 2003) bejn il-membri tal-Kummissjoni Ewropeja, pajjiżi membri, kif ukoll pajjiżi kandidati, ġiet diskussa l-proċedura l-ġdida rigward il-liċenzjar ta' mediċini f'pajjiżi kandidati, li għandha tintuża fil-ħdax il-xahar li fadal qabel is-sħubija (Ref: http://perf.eudra.org.). Din il-proċedura ġiet approvata mill-membri kollha tal-pajjiżi kandidati, inkluża Malta.
L-industrija internazzjonali, kemm dik involuta fil-manifattura ta' mediċini 'branded' (EFPIA), kif ukoll dik involuta fil-manifattura ta' mediċini ġeneriċi (EGA), ġiet infurmata b'din il-proċedura u ingħatat iċ-ċans li tagħmel il-kummenti tagħha. Dawn il-kummenti ġew diskussi u kkunsidrati għal l-aħħar darba fil-laqgħa f' Talinn.
Id-dokumenti finali dwar din il-proċedura qed jiġu miktuba bħalissa. Għandha ssir konferenza fis-Slovenja fejn din il-proċedura għandha tiġi ppublikata u mogħtija l-pubbliċita` meħtieġa għal kumpaniji kollha interessati.
Skond id-direttiva 2001/83/EC, il-proċess ta' evalwazzjoni tad-dokumenti mitluba ma l-applikazzjoni għall-liċenzjar biex titpoġġa mediċina fuq is-suq tieħu mhux iżjed min 210 ġranet qabel ma jkun hemm l-ewwel risposta rigward il-validita` ta' dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, billi baqa biss ħdax il-xahar għal sħubija fl-Unjoni Ewropeja, applikazzjonijiet li jiġu mitfugħa bħalissa ser jiġu proċessati fiż-żmien tas-sħubija. Wieħed irid jikkonsidra l-fatt li meta nkunu membri ta' l-Unjoni Ewropeja, ser nużaw il 'Mutual Recognition Procedure' u s-'Centralised Procedure' għal-liċenzjar ta' mediċini. Għal dawn il-proċeduri, ħafna mix-xogħol involut jsir mill-'European Agency for the Evaluation of Medicinal Products' (EMFA) u b'hekk ma jkollniex għalfejn nirrepetu dan l-istess xogħol aħna, hawn Malta.
Għaldaqstant, il-membri kollha tal-pajjiżi kandidati qablu mall-membri tal-Kummissjoni Ewropeja li l-proċedura ġdida għandha tiġi addottata għall-liċenzjar ta' mediċini f'pajjiżi kandidati u din għandha tiġi addottata minnflok il-'Cadreac Procedure'.
Malta bħall-pajjiżi kandidati l-oħra, ser taddotta din il-proċedura u ser taddottaha fl-istess żmien li ser jaddottawha l-pajjiżi l-oħra.
L-unika differenza li għandu jkun hemm rigward il-liċenzjar ta' mediċini f'pajjiżi kandidati għandha tkun il-prezz li ser tiswa din il-proċedura ('fees'). Kull pajjiż għandu jiddeċiedi kemm ser ikun il-prezz li l-industrija għandha tħallas biex tingħata l-liċenzjar għal kull mediċina li trid tpoġġi fuq is-suq ta' dak il-pajjiż.
Ta' min wieħed jinnota illi f'Malta hawn il-kultura li applikazzjoni biex jitpoġġa prodott fuq is-suq, tiġi pproċessata mill-lum għal għada. Din il-kultura trid tinbidel. L-industrija internazzjonali hi mdorrija li tistenna 210 ġranet għal-ipproċessar tal-applikazzjoni għax tifhem il-kumplessita` tal-proċess u kif diġa ntqal kemm -il darba il-'marketing authorisation holders' hija din l-istess industrija, u mhux l-importaturi lokali.
Wara l-ġurnata ta' sħubija, Malta tkun tista tuża l-istess proċeduri eżistenti illum fil-pajjiżi membri.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-gross salaries xahar b'xahar individwalment tal-impjegati li jaħdmu mal-fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi bejn Jannar 2002 u l-aħħar ta' Novembru 2002?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 37317 jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li tul l-ewwel ħdax-il xahar ta' din is-sena ħadu kura għall-HIV skond il-protokoll approvat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2002 kien hemm 35 pazjent li ngħataw kura għall-HIV skond il-protokoll approvat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-mediċini għall-kura li tingħata lill-pazjent li jkun ibati minn Hepatite C? Kemm hu t-tul tal-perijodu ta' din il-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-kura li d-dipartiment tas-Saħħa jagħtu għall-pazjenti bil-Hepatitis B u C hija l-mediċina 'interferon alpha 2B'.
Għalkemm matul din is-sena nħarġu seba` permessi mid-'Drugs and Therapeutics Committee' għal din il- mediċina, tnejn biss minn dawn kienu għall-pazjent bil-Hepatitis C u ingħatalhom wara li ssodisfaw il-protocol meħtieġ. L-oħrajn kienu: erbgħa għall-'Chronic Myeloid Leukemia' u wieħed għall-'Metastatic Cancer of the Kidneys'. Ma kien hemm ebda approval maħruġ għall-Hepatitis B.
L-ispiża mill-bidu tas-sena sal-llum għal din il-mediċina hi ta` LM12,583 u tinkludi l-pazjenti kollha imsemmija hawn fuq.
Il-pazjenti bil-Hepatitis C jiġu approvati għall-perjodu ta` sitt xhur jew sena imma jistgħu jiġu mġedda wara dan il-perjodu. Il-kura titwaqqaf jekk ma jkunx hemm rispons pożittiv.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Federazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FSM) ħaditx loan minn xi bank lokali? Jekk fl-affermattiv liema hu l-bank jew banek? Kemm hu l-ammont ta' self? Kemm hu l-imgħax fuq dan is-self? F'kemm żmien huwa mistenni li l-FSM tħallas lura dan id-dejn? Il-Gvern qed jagħmel tajjeb għal dan id-dejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ħadet loan mill-Bank of Valletta PLC. Il-Fondazzjoni għandha faċilita ta` loan ta` LM25 miljun lira u sa llum kien hemm LM10,541,708 minnhom li ġew utilizzati. L-imgħax fuq is-self huwa ta` 4.8% per annum. Dan is-self huwa mistenni li jkun imħallas f'salt (lump sum) sal-31 ta` Diċembru 2002. Il-Gvern Malti għamel garanzija għal dan il-loan.
Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk l-impjegati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi li huma ntitolati għal Lm150 fix-xahar fuel allowance jiħdux din l-allowance kollha fix-xahar jew jekk jiħdux biss l-ammont skond l-irċevuti li huma jippreżentaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-allowance li titħallas lil xi mpjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi tammonta għal Lm155 fix-xahar u m'hiex sempliċiment fuel allowance. Din l-allowance tkopri l-użu tal-karozza privata għal skopijiet ta' xogħol, spejjeż ta' konsum ta' fuel, spejjeż oħra tal-vetturi kkonċernati (eż. insurance, liċenzji, etċ) u wear and tear. Peress li din l-alllowance hija lump sum tifforma parti mis-salarju u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, kif deskritt fil-kuntratt tax-xogħol u għalhekk ma jiġux ippreżentati rċevuti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-mediċini għall-kura li tingħata lill-pazjent li jkun ibati minn Hepatite B? Jista' jgħid kemm hu t-tul tal-perijodu ta' din il-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt fid-domanda Parlamentri Numru 37319.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet sena b'sena fl-1999, 2000, 2001, 2002 minn infermiera jew qwiebel barranin biex jaħdmu f'Malta jew mal-Gvern jew mal-privat? F'kull każ x'nazzjonalita' kellhom, u min minnhom ġie approvat u ngħata liċenzja biex jaħdem f'Malta mal-Gvern jew mal-privat? Kemm ġew approvati liċenzji biex jaħdmu mal-privat u kemm ġew approvati biex jaħdmu mal-Gvern? Kemm hemm każi pendenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ingaġġati l-ħaddiema fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u li jaħdmu mal-FSM fuq bażi part-time?
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn meta ġew ingaġġati mal-FSM, f'kull każ, kemm kienet il-paga ta' dawn l-individwi?
Jista' l-Ministru jagħti dawn id-dettalji bl-isem ta' l-impjegati nvoluti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għandha żewġ impjegati fuq bażi part time. Dawn l-impjegati ġew ingaġġati kif ġej:
Isem: Sur Edwin Muscat
Kariga: Procurement Manager
Ġie mpjegat: 1 ta' Awwissu 2002
Pakkett Finanzjarju: LM7,500 per annum (Lm625 fix-xahar)
Benfiċċi: Mobile Phone
Siegħat fil-ġimgħa: 25
Isem: Perit William Carbonaro
Karriga: Contracts Manager
Ġie mpjegat: 14 ta' Mejju 2001
Pakkett finanzjarju: Lm7,200 per annum (Lm600 fix-xahar)
Siegħat fil-ġimgħa: 24
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba fl-2002 instab li ilma tal-vit ma kienx tajjeb għal konsum uman?
Liema lokalitajiet kienu nvoluti u kemm-il darba kienu nvoluti matul din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li matul din is-sena ma kien hemm l-ebda lokalita' fejn l-ilma tal-vit ma nstabx tajjeb għall-konsum mill-bniedem.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet ta' rutina tad-demm isiru lill-klandestini li jaslu f'Malta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma jsiru l-ebda testijiet tad-demm bħala rutina fuq il-klandestini li jidħlu f'Malta. Dawn isiru biss meta jkun hemm indikazzjoni klinika.
Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Każi ta' mard fost il-ħabsin
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin jeżistix protokoll miktub dwar proċeduri f'każi ta' mard fost il-ħabsin? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jqiegħed dan il-protokol miktub fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal mard infettiv.
Jekk dan hu il-każ, ninsab infurmat illi ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin jintuża l-istess protocol għal mard infettiv bħal ma juża il-Ministeru tas-saħħa. F`każi bħal dawn dejjem jiġu ikkonsultati il-konsulenti relevanti tad-dipartiment tas-saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża fis-sena tal-mediċini għall-kura li tingħata lill-pazjent li jkun qed ibati mill-HIV u li jaqa' fil-protokoll approvat dwar il-kura tal-HIV?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li mhux possibbli li tingħata ċifra eżatta ta` l-ispiża fis-sena għall-kura ta` kull pazjent bl-HIV fuq bażi individwali, peress li dan jiddependi mit-tul ta` żmien li l-pazjent ikun taħt il-kura.
Għaldaqstant, qegħda tingħata ċifra ta` l-ispiża totali għall-kura tal-pazjenti kollha bl-HIV bejn l-ewwel ta` Jannar u l-aħħar ta` Novembru 2002, liema ċifra tlaħħaq is-somma ta` LM118,614.
Tobba barranin — Applikazzjonijiet biex jaħdmu Malta
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet sena b'sena fl-1999-2000-2001-2002 minn tobba barranin biex jaħdmu f'Malta jew mal-Gvern jew fil-privat? F'kull każ x'nazzjonalita' kellhom u min minnhom ġie approvat u ngħata liċenzja biex jaħdem f'Malta mal-Gvern jew mal-privat? Kemm ġew approvati liċenzji biex jaħdmu mal-privat u kemm ġew approvati biex jaħdmu mal Gvern? Kemm kemm każi pendenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Hija d-Diviżjoni tas-Saħħa li tilqa' applikazzjonijiet minn tobba barranin biex jiġu mpjegati mall-Gvern meta jkun hemm postijiet vakanti u ma jkunx hawn Maltin biex jimlewhom.
Dawk it-tobba (speċjalisti) barranin li qagħdu għall-intervista fl-ispeċjalita', għaddew u ngħataw liċenzja biex jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern, ġew minn dawn il-pajjiżi kif jidher hawn taħt:
Fl-1999 kien hemm sittax (16) -l applikazzjoni minn tobba barranin għal mall-Gvern kif ukoll applikazzjoni waħda (1) mall-privat. Dawn ġew mill-Kanada, Renju Unit, Libja (2), Bulgarija, Yugoslavia (3), Repubblika Ċeka, Ukraine, Repubblika Slovakka (2). Polonja (4). Minn dawn inħarġu tmien (8) liċenzji biss għal tobba barranin li ġew minn dawn il-pajjiżi: Yugoslavia (3), Repubblika Slovakka (2), Repubblika Ċeka, Ukraine u Polonja. U lkoll ġew impjegati mall-Gvern.
Fl-2000 kien hemm għoxrin (20) l-applikazzjoni għal mall-Gvern biss u dawn kienu minn Yugoslavia (8), Polonja (2), Repubblika Slovakka (4), Italja, Russja, Ukraine (3) u Svizzera. Minn dawn inħarġu sittax (16) liċenzja għal tobba barranin li ġew minn dawn il-pajjiżi: Ukraine (3), Yugoslavia (5), Polonja, Repubblika Slovakka (4), Svizzera, Russja u Italja. U lkoll ġew impjegati mall-Gvern. Matul din is-sena, tabib barrani li sar ċittadin Malti, qagħad għall-eżami statutorju u wara li għadda minn dan l-eżami ngħata l-liċenzja biex ikun jista jaħdem mall-privat.
Fl-2001 kien hemm sittax (16)- l applikazzjoni għal mall-Gvern biss u dawn ġew minn Russja, Repubblika Ċeka (2), Macedonia (2), Polonja, Yugoslavia (3), Repubblika Slovakka (3), Bulgarija (2), Ukraine u Albanija. L-applikazzjonijiet ġew ipproċessati u milqugħha kollha.
Fl-2002 kien hemm tmien (8)- l applikazzjoni għal mall-Gvern biss u dawn ġew minn Ukraine, Polonja (3), Russja (2), Yugoslavia u Macedonia. Minn dawn inħarġu erba' (4) liċenzji għal tobba barranin li ġew minn dawn il-pajjiżi: Russja (2), Yugoslavia u Polonja. U lkoll ġew impjegati mall-Gvern
L-impjieg ta' tobba barranin mall-Gvern isir fuq bażi ta' kuntratt għal sena.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li l-insetti riżultat ta' fawran ta' drenaġġ li hemm fil-plot li qed tinbena fil-kantuniera bejn triq il-Parroċċa u triq San Pawl in-Naxxar jiġu kkontollati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fil-post indikat, plot li qiegħda fi Triq il-Parroċċa kantuniera ma` Triq San Pawl, in-Naxxar, irriżulta li kien hemm diversi tnixxijiet ta` drenaġġ li qiegħed jikkontribwixxi għal tali nkonvenjent. Diġa` ttieħdu l-passi neċesarji dwar ħafna minn dawn id-difetti, tant li saru diversi tiswijiet fuq is-sistema tad-dreanġġ ta` diversi residenzi fil-viċin. Baqa` biss nixxiegħa waħda li dwarha qed isir l-istħarriġ meħtieġ biex jiġi allokat l-għajn.
Fuq ir-rigward ta` insetti fil-plot indikat, intbagħat avviż lis-sid biex dan ineħħi l-ilma li nġema partikolarment wara x-xita li għamlet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-Tarznari ta' Malta ntalbux biex jibnu jew jitfgħu offerta għall-bini taċ-ċumnija ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq li ġiet tiswa Lm131,174 eskluż il-VAT?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tarznari ġew mitluba biex jitfgħu offerta għall-bini taċ-ċumnija ta` l-isptar Mater Dei madanakollu minħabba problemi minn naħa tagħhom għażlu li ma jagħmlux dan.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ rapporti tal-konsulenti SECTAR imqabbda mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi biex jevalwaw l-offerti mitfugħa għas-sejħa għall-offerti ta' apparat mediku, għamara u affarijiet relatati magħhom għall-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?
Response (DALLI, JOHN)
Naħseb li l-Onor. Membru japprezza li mhux prudenti li waqt il-proċess ta’ aġġudikazzjoni, li għadu għaddej, jiġi ppublikat materjal bħal dak li qed isemmi fil-mistoqsija tiegħu għaliex mingħajr dubju jekk dan isir tiġi vizjata l-integrita’ tal-proċess.
B'referenza għar-risposta għall-msitoqsija parlamentari numru 36825, jista' l-Ministru jgħid apparti d-detail design, lil min ingħata x-xogħol tas-subcontracting kollu mill-konsorzju Skanska Malta J.V.?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.