Possibli l-Enemalta tieħu ħsieb tirranġa arbli tad-dawl perikolużi li hemm fi Triq Carmelo Penza Xgħajra minħabba li dawn se jaqgħu fuq xi ħadd? Billi f'din it-triq qed isir xogħol minn kuntrattur u billi dawn l-arbli ilhom irrappurtati xhur, possibli jittieħdu passi fi żmien qasir?
Response (GATT, AUSTIN)
Wara li l-Enemalta ġiet infurmata fit-13.5.03 bdiet il-proċedura biex jiċċaqalqu ż-żewġ arbli li hemm fl-inħawi. Fil-fatt ix-xogħol għandu jsir fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid għalfejn il-bdiewa li jinsabu fl-inħawi Tal-Ħabel l-Abjad, l/o Żejtun jinsabu mingħajr ilma tat-tisqija? X'passi ħa jew qed jieħu d-dipartiment konċernat biex dawn il-bdiewa jkollhom l-ilma tat-tisqija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li r-rapporti li jircievi d-Dipartiment ta’ l-Agrikultura fi ħdan dan il-Ministeru dwar ħsarat fis-sistema tat-tqassim ta’ l-ilma jiġu mmedjatament riferuti lid-Dipartiment tad-Drenaġġ fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura.
F’dawn l-aħħar xhur kienet qiegħda ssir tiswija estensiva fuq ħsarat, anke vandali, fis-sistema tat-tqassim ta’ l-ilma mill-ġibjun ta’ Ħabel l-Abjad. Għalkemm għad hemm fejn iridu jsiru t-tiswijiet, ma jdumx ma jibda jitqassam l-ilma f’diversi friegħi minn dan il-ġibjun.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ilma tat-tisqija ta' Sant'Antnin qed jasal għand il-bdiewa b'riħa ta' drenaġġ? Possibbli jsiru investigazzjonijiet biex jiġi kkonfermat li dan l-ilma fil-fatt hu tajjeb għat-tisqija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien ġejt infurmat li kmieni x-xahar li għadda waslulna rapporti illi l-ilma li kien ħiereġ mill-impjant ta' Sant Antnin ma kienx qiegħed ikun ta' kwalita' tajba. Id-Dipartiment ivverifika minnufih mal-laboratorji tad-Dipartiment tad-Drenaġġ, li huma responsabbli għall-kwalita' ta' l-ilma, li għarraf illi dak l-ilma ma kien fih l-ebda ħsara għas-saħħa. Illum dan l-ilma reġa qiegħed joħroġ nadif bħal qabel.
Jista' l-Ministru, permezz tar-Roads Department, ġentilment jgħid fiex waslet it-talba sabiex isiru traffic lights fi Triq tal-Barrani, Żejtun (fil-junction li tgħaqqad Triq tal-Barrani, Żejtun, ma' Triq Vjal il-25 ta' Novembru, Żejtun) minħabba li din il-parti ta' Triq tal-Barrani hi ferm perikoluża u ta' spiss isiru inċidenti, uħud minnhom fatali?
Minħabba l-periklu kbir li hemm f'din il-parti ta' Triq tal-Barrani u fid-dawl tal-fatt li din it-talba ilha pendenti snin twal, jista' il-Ministru ġentilment jinformani meta bejn wieħed u ieħor se jsiru dawn il-lights?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet il-permessi meħtieġa biex dan il-junction isir wieħed ikkontrollat mit-traffic lights hekk kif inhu s-suġġerit mill-Onor. Interpellant u x-xogħol neċessarju mistenni li jsir aktar 'l quddiem.
Jista' l-Ministru ġentilment jikkonsidra l-każ ta’ żewġ familji li t-tnejn joqogħdu fi flats tal-gvern li talbu biex ipartu l-flat tagħhom bejniethom għax waħda miż-żewġ familji għandha tifel b'diżabilita` u l-flat tal-familja l-oħra hu aktar adattat għaliha? Id-dettalji taż-żewġ familji qed jintbagħtu separatament. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn għadhom ma nghatwx permess li jagħmlu dan meta ilhom li applikaw kważi erba’ xhur u anke ntalbu jmorru jieħdu ġurament?
Ladarba dawn huma kuntenti li jbiddlu l-flat bejniethom, għaliex għandhom idumu daqshekk biex jingħataw il-permess li jagħmlu dan, partikolarment meta l-familja li għandha l-persuna b’diżabilita` qed tistenna bil-ħniena li tbiddel il-flat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li t-talba li g[amel referenza g[aliha l-Onor. Interpellant qed ti;i nvestigata u mog[tija l-attenzjoni xierqa mid-Dipartiment kon/ernat.
Liġi dwar id-drittijiet ta' l-annimali — Avviżi legali
Question
B'referenza għal-Ligi dwar Drittijiet ta' l-Annimali li għaddiet mill-Parlament fil-Leġislatura l-oħra jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk ġewx ippubblikati l-legal notices li hemm referenza għalihom f'din il-liġi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Avviżi Legali li għandhom x’jaqsmu mal-Konvenzjoni tal-Council of Europe, diġa ġew ippreparati. L-Avviżi Legali l-oħra ser jiġu ppreparati hekk kif jiġi mwaqqaf il-Kunsill tal-Animal Welfare fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid għaliex il-komunita' li toqgħod fi Triq il-Wied, Żejtun m'aċċettawlhomx l-applikazzjoni għas-Servizz ta' l-elettriku? Possibli l-Enemalta tgħid meta se twassal is-servizz ta' l-elettriku lil dawn il-familji?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 38565 u cioe' jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba li ilha pendenti snin twal biex fi Triq tal-Barrani, Zejtun, in-naħa ta' Bir id-Deheb, jitkompla id-drenaġġ għax din il-parti minkejja li hemm diversi residenti għadha bla servizz ta' drenaġġ?
Billi dawn il-familji ilhom snin twal jitolbu biex jitkompla id-drenaġġ, possibbli ningħata informazzjoni fejn waslet din it-talba u meta hu maħsub li jsir? Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija tiegħi?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W396 li saret lil-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent u li ġiet imwieġba fis-seduta Numru 844 fit-13 ta' Jannar 2003, jista' il-Ministru jgħid:
Meta saru ilmenti mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar il-bini ta' din is-substation u jekk saru, sarux bil-miktub jew bil-fomm?
Meta ntlaħaq qbil bejn l-Enemalta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun?
Meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA għall-alterazzjonijiet skond il-ftehim milħuq?
Minħabba l-fatt li hemm problema kbira fost kumpanniji fil-viċinanzi li jħaddmu n-nies minħabba vultaġġ baxx meta hu maħsub li se tibda din is-substation u meta bejn wieħed u ieħor titlesta?
Possibbli l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li skond ir-rekords miżmuma mill-Korporazzjoni Enemalta, jirriżulta li l-ewwel ilment uffiċjali li sar mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar il-bini ta' substation fi Triq is-Suq sar fl-14 ta' Awissu 2002.
Il-qbil intlaħaq waqt laqgħa li saret fis-7 ta' Novembru 2002.
L-applikazzjoni biex tinbena substation f'post ieħor ġiet sottomessa fl-20 ta' Jannar 2003. L-applikazzjoni ġiet sottomessa dakinhar peress li l-Awtorita' Maltija ta' l-Ambjent u l-Ippjanar ma kienetx qed taċċetta applikazzjonijiet ġodda b'rizultat ta' azzjoni industrijali meħuda mill-impjegati ta' l-istess Awtorita'. Din l-applikazzjoni, li ggib in-numru 00147/03, kienet ġiet irritornata lill-Korporazzjoni peress li l-levy relattiva ma kienetx tħallset kollha. Il-pagament li kien sar ma setax jittieħed in konsiderazzjoni u l-applikazzjoni kienet ser tiġi ittrattata bħala "B1 full application".
Il-Korporazzjoni Enemalta ma tistax tibda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq is-sit il-ġdid li ġie issuġġerit mill-Kunsill Lokali qabel joħroġ il-permess relattiv.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 23339 li ġiet imwieġba fit-2 ta' Frar 2001, jista' il-Ministru jinvestiga u jinfurmani għaliex arblu in kwestjoni baqa' fejn kien minkejja li fit-tweġiba tiegħu għal dik il-mistoqsija parlamentari (23339) ġejt aċċertat li 'qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa biex l-arblu msemmi jitneħħa fl-aqsar żmien possibli'? Għaliex minkejja li għaddew aktar min sentejn l-Enemalta baqgħet ma ħaditx passi? Possibli l-Ministru ġentilment jieħu passi biex jassigura li din id-darba l-Enemalta tieħu passi kif ġejt imwiegħed sentejn ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata biex jittieħdu l-passi meħtieġa bla dewmien u jekk hemm xi intopp niġi infurmat.
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ser tieħu ħsieb biex jitneħħa x-xaħx li kien tħalla mill-kuntrattur meta ġie ordnat jieqaf mix-xogħol. Huwa ser jiġi ordnat jibni ċint temporanju madwar il-post fejn kienet qed tinbena s-substation.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex parti minn Triq l-Imriekeb, M'scala, li qed issir bħalissa mill-kuntrattur se titħalla kollha blat u mħarbta kif inhi għaliex hemm servizzi tal-Maltacom u Enemalta li huma fil-wiċċ?
Jaqbel il-Ministru li mhux aċċettabbli li parti minn din it-triq tiġi rranġata filwaqt li l-parti l-oħra titħalla kif inhi?
Possibbli din l-informazzjoni tiġi investigata u ningħata risposta dwar x'se jiġri eżatt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat illi fil-preżent qed isiru diskussjonijiet mal-Maltacom sabiex il-
cables
li qegħdin fil-wiċċ jitbaxxew għal-livell meħtieġ minn din il-korporazzjoni bħal ma diġa ġie mifthiem ma' l-Enemalta fir-rigward tal-
cables
tad-dawl. Meta dan ix-xogħol jitlesta t-triq tkun tista titlesta kollha.
X'inhi r-raġuni li għadhom ma sarux it-traffic lights fit-Triq tal-Barrani, Żejtun eżatt mal-junction ta' Vjal il-25 ta' Novembru Żejtun? Billi f'dan il-post isiru għadd ta' inċidenti xi drabi fatali meta hu maħsub li jsiru u jitlestew dawn it-traffic lights? Jaħsibx il-Ministru li fid-dawl ta' l-inċidenti serji f'dan il-post dawn il-lights għandhom jingħataw preferenza?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġet il-permessi meħtieġga biex dan il-Junction isir wieħed ikkontrollat mit-traffic lights u x-xogħol neċessarju ikun jista' jsir aktar 'il quddiem skond kif jippermettu l-prijoritajiet li għandu quddiemu d-Direttorat.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi li għamilt qabel dwar Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun, hemm il-ħsieb li din issir mill-Gvern la darba l-parti ta' Wied il-Għajn saret mill-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u dik il-parti taż-Żejtun baqgħet qisha wiċċ il-qamar? Billi dan l-aħħar saret trinka fil-parti tat-triq imsemmija li kompliet ħaffret it-triq u issa spiċċat fi stat li hu perikoluż li ssuq fiha u fid-dawl tal-fatt li minn din it-triq jgħaddu eluf ta' karozzi kuljum possibbli niġi nfurmat jekk din hux se ssir? Jista' ir-Roads Department iżur din it-triq qabel iwieġeb il-mistoqsija tiegħi biex jikkonferma hu stess f'liema stat tinsab?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtja għal-Mistoqsija Parlamentari nru.36476.
Madankollu tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex terġa tiġi tispezzjona din it-triq sabiex ikun zgurat illi t-tiswija tat-trinka li qed jirreferi għalija l-Onor. Interpellant tkun sodisfaċenti biex ma jkunx hemm periklu għal min jgħaddi minn hemm.
X'inhi r-raġuni li l-MEPA baqgħet ma ħallsitx żewġt kontijiet ta' prodotti li nxtraw xhur ilu, li d-dettalji dwarhom qed nehmeż under seperate cover? Possibli jittieħdu passi biex dawn il-kontijiet jitħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara xi diffikulta` amministrattiva se jsir il-ħlas fuq dawn iż-żewġ kontijiet żgħar.
Possibli l-Ministru jintervjeni personalment biex issir il-pedestrian crossing li ilha tintalab xhur sħaħ fil-post li d-dettalji tiegħu qed nehmeż under separate cover? Billi fil-post imsemmi hemm periklu kbir għal dawk li jkunu jaqsmu, possibli ssir f'qasir żmien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku approva pedestrian crossing fil-post irreferut għalih mill-Onor. Interpellant fl-1 ta' Novembru 2002 skond il-pjanta maħruġa mid-Direttorat għat-Toroq hawn annessa.
Għandu jiġi nnutat li l-bżonn ta' din il-pedestrian crossing huwa minħabba stabbiliment kummerċjali. Għalhekk huwa rakkomandat li, kif suppost irriżulta mit-Traffic Impact Assessment ta' dan l-iżvilupp, din il-pedestrian crossing għandha tiġi implimentata bħala parti mill-proġett ta' l-istabbiliment kummerċjali u mhux mill-Awtorita' Dwar it-Trasport.
Awtorita' ta' l-Immaniġġjar tat-Toroq — Double yellow lines
Question
Possibli li l-Awtorita' ta' l-Immaniġġjar tat-Traffiku tieħu passi minnufih biex isiru double yellow lines mal-garage tad-dar li d-dettalji tagħha qed nehmeż under seperate cover għaliex il-persuna msemmija ta' spiss titlef ix-xogħol minħabba li ma tkunx tista' iddur bix-xarabank tagħha hi u ħierġa mill-garage? Billi dġa saret talba bil-miktub mill-Awtorita' dwar it-Trasport u anke minni personalment imma baqa' ma sar xejn, possibli jittieħdu passi rimedjali fl-aqsar żmien possibli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku rċieva t-talba bil-miktub mingħand il-persuna rriferuta għaliha mill-Onor. Interpellant u għadda kopja ta' dan l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat. Sa llum dan id-Direttorat ma rċieva l-ebda risposta mill-Kunsill.
Iżda, għandu jiġi kjarifikat li l-każ imsemmi huwa problema ta' enforcement li jaqa' taħt ir-responsabilita' tal-Pulizija jew Gwardjani Lokali skond ir-Regolamenti Dwar il-vetturi bil-Mutur, 1994 paragrafu 77.
Possibli li l-Enemalta tara li l-kuntrattur li tqabbad minnha biex jibda xogħol fuq is-substation fi Triq is-Suq, Zejtun f'Lulju li għadda u kellu jieqaf wara li twaqqaf mill-Kunsill Lokali, jnaddaf ix-xaħx u ħmieġ ieħor li ħalla warajh fil-post u li qed iħammeġ it-triq?
Possibli li l-Enemalta tieħu passi immedjati biex minnufih tagħti jew tibni ilqugħ madwar ħofra kbira li għamlet fl-istess triq fejn kienet ġejja is-substation qabel jaqa' xi ħadd għax kif inhi hi ferm perikoluża?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Membru ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba li ilha pendenti snin twal biex fi Triq tal-Barrani, Zejtun, in-naħa ta' Bir id-Deheb, jitkompla id-drenaġġ għax din il-parti minkejja li hemm diversi residenti għadha bla servizz ta' drenaġġ?
Billi dawn il-familji ilhom snin twal jitolbu biex jitkompla id-drenaġġ, possibbli ningħata informazzjoni fejn waslet din it-talba u meta hu maħsub li jsir?
Possibli l-Maltacom tara li jissewwa t-telephone li n-numru tiegħu qed nehmeż taħt seperate cover għax dan qiegħed f'buisness u hu ferm bżonjuż? Billi issa ilu fuq ġimgħa bil-ħsara, posibli dan jissewwa fl-iqsar żmien possibli? Tista' il-maltacom tinnota li minkejja li l-klijent ġie nfurmat li l-ħsara hi mis-sett tiegħu u s-sett inbidel, din il-linja baqgħet bil-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ħsara li saret riferenza għaliha issewwiet.