Jista' il-Ministru jiċċara l-punt ta' kemm ser titlef flus il-kaxxa ta' Malta u jonqos l-introjtu finanzjarju ta' l-istat hekk kif tidħol fis-seħħ is-sistema li l-VAT fl-EU tibda tiġi mħallsa at source?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2004 ser ikun hemm ftit iktar ritardjar fil-ħlas tal-VAT minħabba li t-taxxa tal-VAT tibda tinġabar meta jsiru t-transazzjonijiet lokali u mhux meta l-prodotti jaslu fid-Dwana kif isir bħalissa. Konsegwentament, ħlasijiet ta’ refunds ta’ VAT jonqsu ukoll. Dan ma jkunx ifisser telf ta’ flus għall-kaxxa ta’ Malta imma sempliċiment li d-dħul tal-VAT jieħu ftit iktar fit-tul biex jinġabar minn bejgħ lokali sakemm id-dħul jistabbilixxi ruħu iktar tard matul is-sena 2004 u jilħaq il-livelli normali”.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċerta persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - fl-iskola tal-junior lyceum tal-bniet Margaret Mortimer f'Sta. Lucija qegħda timponi fuq l-istudenti tal-form 1 li jixtru biss prodotti skolastiċi li tiddetta hi? Jista' jgħid jekk din għandhiex permess tagħmel dan? Jekk fin-negattiv, x'passi se jittieħdu ħalli dan l-abbuż jieqaf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna indikata separatament ma aġixxietx minn rajha iżda fuq struzzjonijiet tal-Kunsill Skolastiku ta' l-iskola imsemmija.
Il-Kunsill Skolastiku ta' din l-iskola joffri servizz lill-ġenituri ta' l-istudenti kollha li jattendu l-iskola (u mhux biss tal-Form I) billi jġib l-iskola il-kuntrattur li jagħmel diversi partijiet ta' l-uniformi ħalli jbiegħhom lil dawk il-ġenituri li jkunu jridu jixtruhom mill-iskola. Ċertu items oħra ta' l-uniformi jinbiegħu mill-iskola stess.
F'din l-iskola sar dan il-bejgħ fuq ix-xewqa tal-ġenituri, u l-Kunsill Skolastiku aġixxa fuq din it-talba. Il-Kapijiet ta' l-iskejjel ġew infurmati b'memorandum li fl-iskejjel ma għandux isir bejgħ jekk mhux ta' oġġetti li huma 'school identity builders' bħal, per eżempju, school diaries, badges, ingravajjet, eċċ...
Dipartiment ta' l-artijiet — Trasferimenti ta' artijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern meta ttrasferixxa l-art: a) f'Manoel Island; b) f'Tigne' Point; c) fil-Cottonera; u d) f'Ta' Pintu? Kemm daħħal u kemm jistenna li se jdaħħal il-lands department kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statement li juri d-dħul minn proprjeta` tal-Gvern li ġiet trasferita għall-proġetti ta` Manoel Island, Tigne`, Cottonera u Pinto Wharf.
In vista tal-fatt li l-Amministrazzjoni qegħda tisħoqq tant dwar is-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-post tax-xogħol, jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuni ċertifikati li huma effetwati minn kundizzjojni ta' saħħa xejn tajba jew minħabba raġunijiet mediċi inkella naxxenti mill-istess post tax-xogħol, dawn iċ-ċertifikati qegħdin jiġu injorati u l-vittmi ta' tali sitwazzjonijiet qegħdin jiġu soġġetti għall-kondizzjonijiet psikoloġikament xejn xierqa u dan f'diversi skejjel f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tagħti importanza kbira lis-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol. Ma nafx b'każi ta' persuni b'ċertifikati mediċi li qed jiġu injorati. Jekk. l-Onor. Membru jgħarrafni b'xi każ partikolari, dan ikun jista' jiġi evalwat u kkonsidrat skond il-merti tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - rigward benefiċċji soċjali dovuti lilha u cioe' children's allowance, qegħdin jesiġu minnha, ripetutament l-istess dokumenti bil-konsegwenza li sal-lum għadha ma rċevietx dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Korporazzjoni Enemalta — Każ dwar ċitazzjoni nru. 853/98/FDP
Question
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-korporazzjoni Enemalta ma tridx tottempora ruħha mis-sentenza tad-9 ta' Frar, 2001 fl-ismijiet (ara l-informazzjoni li qed tintbagħat separatament) Ċitazzjoni Nru. 853/98/FDP stante illi din il-pendenza ma ġietx regolata xort'oħra? Jista' jara li d-drittijiet tal-persuna ndikata - id-dettalji ta' l-istess persuna qed jintbagħtu separatament - ma jibqgħux jiġu kalpestati?
Response (GATT, AUSTIN)
Wara li l-Korporazzjoni tilfet il-kawża fil-Qorti dwar il-bini ta' din is-substation ippruvat tasal bi ftehim amikevoli mal-persuna konċernata. Iżda dan permezz ta' l-avukat tiegħu ma aċċettax l-offerti li għamlitlu l-Korporazzjoni u baqa jinsisti għall-Lm70,000 li kien qed jitlob għal dan il-plot. Billi l-Korporazzjoni ħasset li dan kien prezz esaġerat għal plot ta' substation, hija bdiet tfittex sit alternattiv biex tirreloka din is-substation. Fil-fatt diġa bdew proċeduri fuq sit ieħor fil-viċinanzi, li hu teknikament aċċettabbli u diġa nħareġ il-permess mill-MEPA fuq dan is-sit. Wieħed għandu japprezza li l-Enemalta ma tistax toħroġ minn din is-substation u tħalli l-akkwati kollha mitmugħa minnha, inkluża r-residenza tal-persuna konċernata, mingħajr elettriku sakemm ma jkollha substation oħra fil-viċinanzi.
Jista' il-Ministru jintervjeni fil-każ - id-dettalji qegħdin jintbagħtu separatament - stante illi l-persuna li min għandu qiegħed jintalab il-ħlas kien ħareġ minn negozju tant illi l-kont jidher fuq isem ġdid li kien ġie mogħti wara l-ħruġ tiegħu mill-istess?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-ammont mitlub jirrapprezenta l-kontijiet li ħalla pendenti l-konsumatur meta telaq mill-post fis-7 ta' Settembru 1999.
Gwardjani lokali — Regolamenti dwar parkeġġ f'zoni ristretti f'każi ta' emerġenza
Question
Jista' il-Ministru jikkonsidra l-ħruġ ta' regolamenti/linji gwida lill-gwardjani lokali sabiex f'każi ta' emerġenza, bħalma hu l-każ ta' anzjan li jgħix fid-dar ta' l-anzjani Marina Home li jirrikjedi l-bdil ta' ċilindru ta' l-ossiġnu u l-parkeġġ huwa kważi impossibbli, il-fatt li wieħed jieqaf fuq zona ristretta sakemm jgħabbi lill-istess pazjent, ma jkunx il-każ li persuna tiġi mmultata? Jekk fl-affermattiv, jista' ikun il-każ li l-gwardjan bin-nru. 122 jiġi avżat b'dan?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Membru li l-Gwardjani Lokali normalment jimxu fuq ir-regolamenti/linji ta` gwida li jistgħu jingħataw lilhom f`każi ta` emerġenza mill-Kunsill Lokali fejn ikunu qegħdin jagħmlu l-beats tagħhom.
Għaldaqstant nixtieq nissuġġerixxi lill-Onor. Membru biex it-talba tiegħu jagħmilha lill-Kunsill ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir l-aħħar pagament in konnessjoni ma' arretrati tal-BICAL?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Kontrollur qiegħed bħalissa fil-proċess li jillikwida il-kumpaniji assoċjati mal-BICAL biex b'hekk tkun tista' issir distribuzzjoni lid-depożitanti u kredituri tal-Bank.
Jista' il-Ministru jara li l-wire li jidħol fid-djar sabiex jissuplixxi l-kurrent elettriku lil tlett idjar fosthom Il-Ħarruba fi Triq Dun Nard Mallia fiż-Żurrieq jiġi mibdul bħal kumplament stante li konsegwenza ta' dan in-nuqqas il-provvista qegħda tkun baxxa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ix-xogħol meħtieġ biex tissaħħaħ il-provista ta' l-elettriku fl-inħawi msemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili sa l-aħħar ta' Lulju 2003.
Jista' il-Viċi Prim Minstru jgħid, fir-rigward tal-persuni li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatament, x'inhi r-raġuni li mil-pensjoni tagħha qegħda dejjem titnaqqas l-ammont ta' Lm5 wara li din kienet ġiet aġġustata?
Jista' il-Minsitru jivverifika l-kawża wara r-raġuni li permezz tagħha l-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu separatament annessi, wara li saret rettifikazzjoni, reġa beda jitnaqqas l-ammont ta' Lm5 mil-pensjoni tagħha?
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta kien l-aħħar li nħarget sejħa għal grad ta' senior messenger? Hemm il-ħsieb li din is-sejħa ssir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-aħħar sejħa għall-mili ta’ postijiet fil-grad ta’ “Senior Messenger” ħarġet fl-1 ta’ Marzu, 1999.
Eżami ieħor isir meta jkun il-waqt.
Awtorita' tad-djar — Promozzjoni ta' office supervisor
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni taċ-chairman ta' l-awtorita' tad-djar wara d-deċiżjoni li tingħata promozzjoni ta' office supervisor meta dan ix-xogħol diġa' hemm is-senior messenger li qiegħed jagħmlu? Jista' jgħid għalfejn din il-persuna se tingħata privileġġ sabiex minn skala 5 titla' awtomatikament għal skala 2? Jista' jeskludi partaġġaniżmu f'din id-deċiżhjoni u fuq liema kriterji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga ta' Office Supervisor jirrifletti d-diversi tibdiliet fl-Organizzazzjoni ta' l-Awtorita' tad-Djar kif ukoll il-volum ta' xoghol fi hdanha.
Il-grad jirrifletti r-responsabilita' li l-persuna f'dan il-grad ser tidhol ghalihom. Din il-persuna giet mahtura unanimament minn Bord ta' ghazla kompost minn zewg Membri tal-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar u l-Ufficcjal tar-Rizorsi Umani ta' l-istess Awtorita'.
Jista' il-Ministru jara li Triq il-Kunċizzjoni Bengħajza B'Bugia, li ritratt tagħha qiegħed jintbagħat separatament titkompla u ma titħalliex fl-istat li hi għax qed tkun ta' periklu l-aktar matul il-lejl?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari numru 35823.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qedgħin jintbagħtu separatament, tnaqsulha madwar Lm150 mill-pensjoni tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29772 f'Seduta 642.
Jista' il-Ministru jgħid: X'permessi hemm għar-rigward ta' drenaġġ (skart ta' annimali u nies) li qiegħed jintefa' fil-manhole fil-kontrada tat-torba limiti ta' l-Imqabba/Qrendi? Jekk fl-affermattiv jista' il-Ministru jgħid għalfejn dan qiegħed jintefa' hawn meta (a) dan suppost jintefa' l-Marsa, (b) fuq ordnijiet speċifici skart simili li kien jintefa' ftit aktar il-fuq ġie mwaqqaf? Xi prekawzzjonijiet qed jittieħdu sabiex ma ssirx ħsara lir-raba' tal-madwar, lin-nies li jiffrekwentaw l-area u s-swieqi tar-raba' fil-viċinanza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall korrispondenza hwan annessa, jista' il-Ministru jgħid x'possibilita' hemm li din it-triq titwessa'. (Rigward post tan-nar San Ġużepp Ħal Għaxaq)
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari nru. 37211.
Jista' il-Minsitru jgħid x'possibilita' hemm li Triq Giovanni Scicluna, Triq is-Settembrina, Triq l-Isparvier, Triq Patri G Grima, Triq M Zammit, Triq Sebestjan Saliba, Triq San Ġorġ, parti minn Triq it-Tumbarellu , Triq Sagra Familja, Triq Indri Magrin, Triq it-Telleritu, Triq ta' Loretu, Triq ir-Raħħal, Triq il-Ġibjun, Triq it-Tilliera, Triq il-Ħobbejża, Triq tal-Millieri, Triq il-Lellux, u Triq in-Niġem f'Ħal Għaxaq jiġu mogħtija wiċċ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport flimkien mal-Kunsill Lokali qegħda tħejji programm biex jiġu mibnija diversi toroq madwar Malta kollha u għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond l-esiġenzi ta' dan il-programm.
Jista' il-Ministru jgħid jekk: a) hemmx xi applikazzjoni pendenti mad-dipartiment ta' l-artijiet, Estate Management jew il-Joint Office sabiex biċċa art li tgħati għal fuq Triq San Mikiel, fiż-Żurrieq tiġi mgħoddija lil soċjetajiet privati li isimhom qed jintbagħat separatament? b) jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslet din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li la d-Dipartiment tal-Artijiet u l-anqas dak tal-Estate Management ma rċieva talba għal xi art fiż-Żurrieq mill-persuni li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Ninsab infurmat ukoll li għalkemm kien hemm talba għax-xiri ta` art tal-Gvern administrata mill-Uffiċċju Konġunt li tagħti għal fuq Triq San Mikiel fiż-Żurrieq l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata peress li l-art in kwistjoni hija riservata għal żvilupp mill-Awtorita` tad-Djar. L-applikant kien infurmat. Fil-frattemp, id-Dipartiment qed jara jekk l-Awtorita` għadhiex interessata f`din l-art.