Legislature:
Category:
Reset
Active:

Engineered landfill ta' l-Għallis — Ġebel tal-qawwi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se tkun il-kwantita' ta' ġebel tal-qawwi li se jinqata' biex issir il-landfill ta' l-Għallis? Jista' jgħid x'se jsir minn dan il-materjal maqtugħ u jekk huwiex se jintuża?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' materjal li jrid jinqata' biex issir il-landfill ta' l-Għallis, x'ser isir minn dan il-materjal u jekk huwiex ser jintuża qed jiġi determinat fl-Environmental Impact Assessment (EIA). Madanakollu, huwa stmat li l-ammont ta' materjal li jrid jiġi mqatta' sabiex l-ewwel cell ġo dan is-sit tkun tista' tibda topera jammonta għal madwar 4.5 miljun tunnellata.
Leg 10 PQ #2978 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-istaff taċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi jieħdu leave u sick leave bl-addoċċ? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm min jiffirma u ma jidħolx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-istaff taċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi jieħu l-leave tiegħu wara li jagħmel it-talba bil-miktub lin-Nursing Officer jew lid-Deputy Nursing Officer. In-Nursing Officer jagħmel it-talba tiegħu lid-Departmental Nursing Manager u dan irid jiġi approvat. Riġward is-sick leave d-dipartiment ma għandu l-ebda kontroll fuq kemm jittieħed, biss isir kontrol b'verifikazzjoni ta' sick leave minn tobba ta' kumpanija privata. Fuq jekk hux minnu li hemm min jiffirma u ma jidħolx jista jingħad li dan l-aħħar kien hemm każ wieħed u li ttieħdu l-passi dixxiplinarji kontra l-impjegat immedjatament. Jekk l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni differenti nitolbu jgħaddijieli b'mod kunfidenzjali.

Għawdex — Munxar - Xogħol ta' panel beating ġo garaxx bla permess

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex minkejja li fid-19 ta' Awissu, 2003 l-Enforcement Officer tal-MEPA ssiġilla garaxx fi Triq Xlendi, il-Munxar, Għawdex li għal dawn l-aħħar snin kien qed jagħmel xogħol ta' panel beater/sprayer bla permess f'area skedata (Enf. no: 00373/01) u ta' dan anke ġie mmultat, liema multa għadha ma ġietx imħallsa, dan l-istess garaxx għadu sal-lum matul il-ġurnata kollha jagħmel xogħol ta' panel beating?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn meta ġie ssiġillat il-makkinarju konness ma’ xogħol ta’ spraying / panel beating, fid-19 ta’ Awwissu 2003, saru numru ta’ spezzjonijiet. Il-garaxx in kwestjoni nstab magħluq ħlief f’ okkażjoni waħda. Fil-garaxx instab li l-makkinarju kollu li ġie ssiġillat baqa’ ssiġillat, filwaqt li ma nstab ebda makkinarju ndustrijali ġdid ieħor. Peress li f’ dan l-istadju m’ hemmx provi biżżejjed li s-sit qed jintuża għal użu kummercjali, l-Awtorita’ ser tibqa’ tgħasses biex jiġi osservat l-ordni li ngħatat fl-Avviż numru ECF 373/01.
Leg 10 PQ #2918 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Eżami għal Assistant Chief Printer

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se tintgħażel il-karta ta' l-eżami li se ssir fl-iStamperija tal-Gvern għal Assistant Chief Printer? Minn min issir l-għażla ta' l -istess karta? Hemm lok għal dan il-post, meta l-istess stamperija trid tnaqqas l-ispejjeż u mhux iżżidhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-“Board” approvat mill-“Public Service Commission” ser jagħmel il-karta ta’ l-eżami għall-post ta’ “Assistant Chief Printer”. Il-karta tkun tikkonsisti f’mistoqsijiet tekniċi konnessi mad-doveri tal-post. Skond l-istruttura preżenti ta’ l-Istamperija tal-Gvern, il-post ta’ “Assistant Chief Printer” għad hemm bżonnu.
Leg 10 PQ #2920 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li permezz tagħha ċertu persuna li ismu qed jintbagħat separatament, li x-xogħol tiegħu hu wieħed bir-roster ta' BBO, pero' jagħmel change of duties bl-addoċċ sabiex it-Tnejn u l-Ħamis qatt ma jkun xogħol peress illi għandu xogħol ieħor ta' pitkali, qiegħed ikun dejjem barra l-bini tal-health centre ta' Ħal Qormi oltre dak indikat? Jista' jgħid x'permess għandu u min tahulu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 2923. Hija policy tad-dipartiment li n-Nursing Officer u d-Deputy Nursing Officer jagħmlu ftehim bejniethom (change of duty) sabiex kuljum ikun hemm dejjem wieħed preżenti fiċ-Ċentru tas-Saħħa. Għalhekk change of duty issir wara li tiġi ikkonsidrata din il-policy u wara li jintalab permess ta' l-Awtorita konċernata, jiġifieri d-Deputy Nursing Manager in charge mill-lokal. Nursing Officer bħal kull impjegat ieħor jista' jagħmel xogħol privat li jrid basta dan isir barra l-ħin tax-xogħol u bil-permess tad-Diviżjoni.
Leg 10 PQ #2921 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fil-health centre ta' Ħal Qormi: a) is-securities huma kollha Qriema? b) Għalfejn hemm għaxar health assistants u nursing aides fir-reception?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fid-Dipartiment tal-Kura Primarja tas-Saħħa l-impjegati kollha jintbgħatu fil-post tax-xogħol tagħhom kif allokati mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani. Dan jinkludi lis-security officers. L-għaxar Health Assistants jew Nursing Aides imsemmija jaħdmu fuq roster u għalhekk qatt ma jkunu jaħdmu flimkien. In-numru minimu mal-ġurnata huwa ta' tliet impjegati u n-numru massimu huwa ta' ħamsa.
Leg 10 PQ #2922 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk iċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi jkunx miftuħ għall-pubbliku nhar ta' Ħadd? Jekk fin-negattiv, jista' jispjega x'inhi r-raġuni li permezz tagħha il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, dejjem jirrapportaw għax-xogħol meta fost il-ġimgħa ma tarhomx hemmhekk?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Iċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Ħal Qormi ma jkunx miftuħ nhar ta' Ħadd minħabba nuqqas ta' tobba. Dan sar wara ftehim li ntlaħaq bejn id-Dipartiment tas-Sahha u l-Union tat-tobba. Hija policy tad-Dipartiment li NOs u DNOs taċ-Ċentri tas-Saħħa li ma jiftħux il-Ħadd, jidħlu għax-xogħol fiċ-Ċentri rispettivi tagħhom. Huma jaħdmu skond ir-roster u għalhekk jidħlu meta jkun jmisshom biex jagħmlu x-xogħol amministrattiv li jkun akkumulat matul il-ġimgħa u biex jippjanaw ix-xogħol tal-ġimgħa li tkun ġejja.
Leg 10 PQ #2923 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tas-Saħħa

Ħal Qormi — Ċentru tas-saħħa - Impjegata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li permezz tagħha ċertu persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li taħdem fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Ħal Qormi u li x-xogħol tagħha hu dak ta' BBDOO, qatt ma tirrapporta għax-xogħol fil-grant ta' l-Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-Nursing Officer u Deputy Nursing Officer huma responsabbli Għat-tmexxija taċ-Ċentri tas-Saħħa. Minħabba li n-Nursing Officer jaħdem fuq BBO roster u d-Deputy Nursing Officer bil-BBDOO roster isr ftehim bejniethom (Change of Duty) sabiex kuljum ikun hemm dejjem wieħed preżenti fiċ-Ċentru tas-Saħħa. Dan isir wara li jintalab permess ta' l-Awtorita konċernata.
Leg 9 PQ #38480 Sitting 872 2003-02-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Kampjuni ta' l-arja

Question

Jista' il-Ministru jiżvela jekk il-MEPA ħaditx xi kampjuni ta' l-arja sabiex timmoniterja l-arja speċjalment f'żoni urbani għal-livelli ta' heavy metal u asbestos?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s`issa ttieħdu l-ewwel kampjuni biex jinstabu l-livelli ta` ċomb fl-arja. Monitoraġġ ta` asbestos f`żoni urbani mhux normali li jittieħed.
Leg 9 PQ #38482 Sitting 872 2003-02-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Tniġġiż ta' l-arja — Complaints

Question

Jista' l-Ministru jirrileva kemm daħlu complaints fir-rigward ta' tniġġiż ta' l-arja u kemm instabu postijiet li ma kenux konformi? Kemm ittieħdu passi legali u nħarġu ċitazzjonijiet mill-ispetturi ta' l-Ambjent tal-MEPA kemm ilha mwaqqfa din l-istituzzjoni? Kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-ispetturi tal-Waste Management Section tad-Direttorat għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, speċjalment vis-a-vis rimi ta' skart kontra l-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn April 2002 sal-lum, minn total ta' hamsa u disghin (95) complaint, kien hemm tlieta u sittin (63) minnhom li kienu relatati mal-kwalita` ta' l-arja. Infurmat ukoll illi sal-lum ma kien hemm l-ebda kontravenzjoni dwar l-arja. Fis-sena 2002 kien hemm sebghin (70) enforcement notice and stop orders fuq rimi ta' skart kontra l-ligi.
Leg 9 PQ #38483 Sitting 872 2003-02-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

UE — Kyoto Protocol

Question

Kif Malta se jirnexxielha tiġi konformi mat-traġitti tal-Kyoto Protocol hekk kif issir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea? Veru li Malta jkollha tfendi għal rasha f'dan ir-rigward? Il-Kummissjoni Ewropea kienet sodisfatta bil-pjanijiet li kellha Malta meta rratifikat dan il-Protokoll?

Response (BORG, TONIO)

Dan il-Ministeru ma hux responsabbli għal traġitti, la bil-baħar u lanqas bl-art. Jekk l-Onor. Membru bi "tragitti" qed jifhem 'targets', jiġifieri miri. Malta rratifikat il-Kyoto Protocol fis-sena 2000. Ta` min isemmi li Malta antiċipat lill-UE fir-ratifika ta` dan il-Protocol. L-obbligi taħt il-Protocol mhux ser jinbidlu bi sħubija fl-UE. Bħala firmatarja tal-Protocol, Malta għandha l-possibilta` li taħdem bi sħab ma` pajjiżi oħra biex tnaqqas il-Greenhouse Gases. Malta ma kellha l-ebda obbligu li tissottometti xi pjani għar-ratifika ta` dan il-Protocol.
Leg 9 PQ #38484 Sitting 872 2003-02-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

UE — Environment for Europe

Question

Peress li fil-11 ta' Diċembru, 2002 l-Ministru responsabbli għall-Ħarsien ta' l-Ambjent kien wieġeb għall-mistoqsija parlamentari 37770 (Seduta 839) fir-rigward tal-UNECE u l-proċess ambjentali ta' l-Ewropa "Environment for Europe" li l-informazzjoni mitluba kienet qegħda tinġabar, jista' l-Ministru jgħid jekk din l-informazzjoni inġabritx s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Malta rratifikat il-Konvenzjoni ta` l-Aarhus u iffirmat il-Konvenzjoni ta` Stockholm. Il-kontribuzzjoni ta` Malta s`issa kienet tikkonsisti fil-parteċipazzjoni ta` uffiċjali f`attivitajiet tal-UNECE. Malta ma ħadet l-ebda assistenza minn dan il-proċess. Malta kommessa li twettaq l-obbligi relatati ma` rappurtar ta` data. Malta se tibda tirraporta din id-data minn din is-sena. Il-Kummissjoni Ewropea m`għamlet l-ebda kumment dwar negliġenza.
Leg 9 PQ #38485 Sitting 872 2003-02-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Dredging wastes

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema siti qiegħda l-MEPA tagħti permess biex jiġi mormi dredging wastes? Għamlet xi studji jew analisi biex tkun tista' tkejjel jekk kienx hemm xi ħsara ambjentali? Kemm ittieħdu kampjuni mill-Waste Management Section ta' dredging material jew ta' skart ieħor li l-MEPA tat permess biex jintrema l-baħar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi permessi għal depositu ta` dredging material jingħataw f`area stipulata f`Avviż Legali 128 ta` 1997, jiġifieri 35o55.1'N, 014o34'E. Il-MEPA qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-materjal li jingħata permessi biex jiġi mormi jiġi spezzjonat.
Leg 9 PQ #38486 Sitting 872 2003-02-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

UE — Habitats/bird directive

Question

Fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 37779 li l-Onor. Ministru għall-Ambjent qal fis-17 ta' Diċembru, 2002 (Seduta 841) ma weġibx jekk il-Gvern Malti huwiex lest li jonora xi struzzjonijiet ebsin li tista' toħroġ il-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-Habitats Directive u l-Birds Directive hekk kif Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, speċjalment f'dawk li jirrigwardaw il-kaċċa u l-insib. X'jagħmel il-Gvern Malti jekk dawn l-istruzzjonijiet ġodda jkunu se jnaqqsu xi drittijiet li l-Gvern qed isostni li ġab fin-negozjati vis-a-vis il-kaċċaturi u n-nassaba?

Response (BORG, TONIO)

Il-ftehim li ġab il-Gvern ta` Malta dwar il-kaċċa u l-insib sar ma` l-Unjoni Ewropea. Hekk kif Malta ssir membru, kull tibdil li jsir irid isir bi qbil mal-Gvern Malti.
Leg 9 PQ #38468 Sitting 871 2003-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Rimi ta' sludge fil-baħar

Question

Il-Gvern wiegħed li sa s-sena 2004 mhux ser jitfa' aktar sludge fil-baħar? Xi pjanijiet hemm sabiex il-Gvern jonora din il-wegħda? Saru xi analiżi sa issa fuq xi sludges mill-MEPA sabiex isir xi pjan?

Response (BORG, TONIO)

Jista` l-Onor. Membru jgħid għal liema tip ta` sludge qed jirreferi.
Leg 9 PQ #38469 Sitting 871 2003-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Planning Directorate/Impjegati/Bullying

Question

Kemm hemm rapportati każi ta' bullying jew disprezz minn naħa ta' impjegati tal-Planning Directorate versu impjegati tal-Environment directorate fi ħdan il-MEPA? X'passi dixxpiplinarji ittieħdu mid-direttur ġenerali fid-dawl ta' dawn il-każijiet jekk dawn tassew seħħew? Għaliex dawn il-każi ma ġewx irrapportati mill-ewwel lill-bord tal-MEPA?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda rapport ta` bullying jew disprezz minn naħa ta` impjegati tal-Planning Directorate fil-konfront ta` impjegati ta` l-Environment Protection Directorate.

Incineraturi

Question

Il-Gvern Nazzjonalista wiegħed lill-poplu li sa l-aħħar ta' din is-sena ser jagħlaq l-inċineraturi kollha peress li dawn qegħdin ikunu ta' detriment sħiħ. Jista' il-Gvern jgħid f' liema stadju qiegħed sabiex il-proġetti li għandu f'dan ir-rigward tassew iseħħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bħalma jaf l-Onor Interpellant, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura m'għandu l-ebda inċineratur taħt it-tutela tiegħu u dawn l-inċineraturi jaqgħu taħt Ministeri oħra. Xorta waħda nikkonferma li numru ta' l-Inċineraturi eżistenti jridu jingħalqu sa' l-aħħar ta' din is-sena. Għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel l-mistoqsija lill-Ministri kkonċernati biex ikollu tagħrif aktar dettaljat.
Leg 9 PQ #38471 Sitting 871 2003-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Lead Replacement Petrol

Question

Jista' il-Ministru jiżvela fejn matul is-sena 2002 il-MEPA sabet li l-livelli ta' benzene fl-arja kienu jeċċedu l-livelli dikjarati taħt regolamenti maħruġa minn din l-istess amministrazzjoni? X'passi ttieħdu mill-MEPA biex dawn il-livelli jonqsu? Vera li bil-Lead Replacement Petrol hu maħsub li l-emissjonijiet ta' benzene fl-arja jistgħu jiżdiedu?

Response (BORG, TONIO)

Id-data li nġabret bħalissa qed tiġi inserita u r-riżultat ser jiġi finalizzat dalwaqt. Skond indikazzjonijiet li għandna mhux ser ikun hemm emissjonijiet ogħla ta` benzene fl-arja bl-użu tal-Lead Replacing Petrol.
Leg 9 PQ #38474 Sitting 871 2003-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

MEPA — Cartagena Protocol

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Malta rratifikatx il-Cartagena Protocol? X'għamlet il-MEPA f'dawn l-aħħar 11-il xahar f'dan ir-rigward?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37705.
Leg 9 PQ #38476 Sitting 871 2003-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fabbriki Maltin — Impatt ekonomiku

Question

X'se jkun l-impatt ekonomiku fuq fabbriki Maltin li jippakkjaw ikel u xorb biex dawn jiġu konformi mad-direttivi u r-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea fejn jirrigwardjaw l-ippakkjar, l-iskart mill-ippakkar kif ukoll il-materjal u l-livelli ta' kontaminanti fl-ippakkjar ta' dawn l-affarijiet? X'ser ikun l-impatt ekonomiku fuq il-konsumatur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li anke fil-qasam tal-produzzjoni ta' l-ikel, diġa' hemm numru ta' fabbriki lokali li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq Ewropew. Dawn diġa' jikkonformaw mar-regolamenti u mad-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea u ma hemm l-ebda raġuni għalfejn minn jipproduċi għas-suq lokali biss ma għandux ikun f'qagħda li jagħmel l-istess. Ir-regolamenti u d-direttivi jixirqu lill-konsumatur Malti u jistenna li jkunu osservati. Il-Gvern qiegħed jgħin biex dan il-għan jintlaħaq fl-iqsar żmien possibbli anke permezz ta' skemi ta' assistenza, kemm mill-IPSE kif ukoll mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Dwar l-implikazzjonijiet f'aktar dettal, ta' min jgħid li dawn ivarjaw minn prodott għall-ieħor. Fil-fatt l-IPSE ħejjiet numru ta' studji settorjali, fejn uħud minnhom diġa' ġew ippubblikati. L-impatt fuq il-konsumatur mistenni li jkun pożittiv taħt kull aspett. Ta' min ifakkar li dawn it-tip ta' prodotti kważi kollha għad għandhom levies qawwija fuqhom. Għalhekk, minkejja l-introduzzjoni ta' standards aktar esiġenti f'dak li għandu x'jaqsam ma' ippakkjar u affarijiet oħra, xorta mistenni li dawn il-prodotti ser jorħsu sinifikament meta Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea u l-levies jispiċċaw għal kollox.