Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li saret manutenzjoni fihom fil-ħames snin li għaddew u liema huma dawk l-iskejjel li se ssir manutenzjoni fihom fil-ħames snin li jmiss?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dok. 'A' jikkonċerna l-iskejjel kollha fejn sar xogħol ta' manutenzjoni u tisbiħ mill-ħaddiema tal-manutenzjoni li jinsabu kemm fl-iskejjel, kemm dawk li jinsabu fil-Kulleġġi, kif ukoll dawk li jinsabu fit-Technical Services Branch. Dok. 'B' hija l-lista ta' skejjel li fihom saru xogħlijiet ta' upgrading, manutenzjoni u refurbishment mill-FTS. Fil-ħames snin li ġejjin ix-xogħol ta' manutenzjoni u tisbiħ fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex ser jitkompla.

Skejjel — użu ta' tablets

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema sena se jkun qed jidħol fis-seħħ l-użu ta' tablet computers għall-istudenti tar-raba' sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Id-dħul tat-tablets se jkun parti mill-istrateġija nazzjonali tal-Litteriżmu u minn meta jidħlu jitħabbar meta titħabbar l-istrateġija.

Kontenut Diġitali aċċessibbli mit-tablets

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jimxi mal-ħsibijiet ta' amministrazzjoni preċedenti f'dak li huwa kontenut diġitali li jista' jiġi aċċessat mit-tablets li jingħataw lill-istudenti tar-raba' sena? Hemm xi kontenut minn dak li kien maħsub li l-Gvern Laburista mhux fi ħsiebu jintroduċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Għadu kmieni wisq biex tingħata l-informazzjoni mitluba.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — funzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu għall-Fondazzjoni tal-Iskejjel t'Għada (FTS) u jekk il-Gvern għandux ħsieb għal xi tibdil fil-funzjonijiet tagħha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed issir evalwazzjoni tal-operat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u deċiżjonijiet dwar il-futur tagħha jittieħdu wara li tintemm din l-evalwazzjoni.

Bini ta' skejjel — Pjan tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jibqa miexi fuq il-pjan ta' Gvern Nazzjonalista li jibni skola ġdida kull sena sas-sena 2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-pjan ta' Gvern Nazzjonalista li jibni skola ġdida kull sena sas-sena 2020 stmat li jiswa €60 miljun iżda ma kienx hemm programm ta' finanzjament għalih. Qabel ma l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tidħol għal impenji ġodda jrid isir programm ta' finanzjament ġdid u programm ta' ħlasijiet tad-dejn akkumulat ta' izjed minn €70 miljun.

Bini ta' skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema minn dawk l-iskejjel li kienu diġà ppjanati li jinbnew matul dawn il-ħames snin li jmiss mhux se jsiru taħt Gvern Laburista 2013 - 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 204.

MCAST — Bini tal-Campus

Question

Jista' l-Ministru jassigura lil din il-Kamra li l-bini tal-Campus tal-MCAST se jibqa għaddej kif ippjanat minn Gvern Nazzjonalista?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bħalissa qed issir evalwazzjoni tal-pjan tal-Gvern Nazzjonalista u deċiżjoni tittieħed wara li tintemm din l-evalwazzjoni.

ITS — Bini tal-Campus

Question

Jista' l-Ministru jassigura lil din il-Kamra li l-bini tal-Campus il-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) se jibqa għaddej kif oriġinarjament imħabbar minn Gvern Nazzjonalista?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi jaqa' taħt il-Ministeru għat-Turiżmu. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għat-Turiżmu.

Kunsill Malti għall-Kwalifiki — rilokazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki ġiex mqiegħed f'post xieraq minn din l-amministrazzjoni wara li tneħħa minn Casa Leoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Se jsiru sforzi serji biex jinstab post aktar addattat mil-lum.

Skejjel — San Benedittu - pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għall-iskola sekondarja ġdida tal-bniet tal-iskola San Benedittu f'Ħal Kirkop? Se jkompli l-proċess biex tinbena? Jekk din mhux se tinbena, liema se tkun l-iskola sekondarja tal-bniet għal dan il-kulleġġ? Minn meta se tibda tintuża?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat min-naħa tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada li l-proċess tal-MEPA f'dan l-istadju għadu għaddej.

Proċess ta' l-għażla

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-proċess ta' l-għażla tal-kapijiet ta' l-iskejjel tal-knisja f'Malta u Għawdex? Dan qed isir b'applikazzjoni interna jew b'sejħa pubblika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għazla ssir skond il-kriterji stabbiliti fil-Ftehim tat-23 ta' Mejju 1995 kif ammendat f'Addendum fl-1 ta' Lulju 2002 u kif ukoll reġa' ġie ammendat f'addendum fis-16 ta' Jannar 2006 bejn l-awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT. L-awtoritajiet tal-Knisja għandhom id-dritt li jgħazlu bħala kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja membri ta' Ordnijiet Reliġjuzi u fil-kazijiet ta' Seminarji membri tal-Kleru Djoċesan.

Kapijiet jaħdmu fl-istess skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm bħalissa kemm kapijiet ta' l-iskejjel tal-knisja li qabel kienu jaħdmu fl-istess skola fejn ġew appuntati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' kapijiet reliġjużi u lajċi li kienu jaħdmu fl-istess skola fejn ġew appuntati kapijiet huma wieħed u erbgħin.

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' taħriġ qed joffru l-iskejjel tal-knisja lill-kapijiet ta' l-iskejjel tagħhom li huma lajċi qabel dawn ma jiġu appuntati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Direttorati ta' l-Edukazzjoni u l-Kurja permezz tal-Kunsill għall-iSkejjel tal-Knisja inkarigat lil INSERM b'kollaborazzjoni ma' l-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali biex tħejji kors għall-għalliema u għalliema prospettivi. Dan il-kors 'Certificate in Catholic School Ethos' hu meqjus ta' benefiċċju għal kull għalliem li qed jaspira li jkollu pożizzjoni ta' tmexxija fl-iskejjel tal-Knisja. Dan il-kors hu maħsub li jgħin l-individwi wkoll biex jifhmu iżjed il-Missjoni ta' l-iskejjel tal-Knisja, jsiru iżjed familjari mal-kwalitajiet essenzjali ta' Edukzzjoni Kattolika u jitgħallmu iktar fuq il-prinċipji fundamentali u metodi baziċi ta' din l-edukazzjoni u l-pedagoġija. Informat ukoll li ħafna kongregazzjonijiet li jmexxu skejjel jaħtru reliġjużi bħala Direttur biex barra li jsegwi t-tagħlim formali jissorvelja wkoll l-immaniġġjar ta' l-iskola, jagħti pariri lil Kap ta' l-iskola dwar it-tmexxija bi tradizzjoni u viżjoni ta' dik il-kongregazzjoni. Hemm kongregazzjonijiet oħra li matul is-sena joffru lill-għalliema u amministraturi fl-iskejjel tagħhom, bosta korsijiet oħra biex itejbu l-ħiliet fit-tmexxija u l-amminstrazzjoni tagħhom fl-iskejjel.

Qormi — Luqa Road

Question

Jista' l-Ministru jara li t-tappiera li hemm quddiem Belfiore Hse, Luqa Rd, Qormi tiġi rranġata minħabba l-inkonvenjent kontinwu li qed toħloq lir-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-ADT ser tkun qed tqabbad kuntrattur sabiex jirranġa numru ta’ tappieri f’Hal-Qormi inkluż dik imsemmija.

Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni, u jekk iva għal liema perjodu mistenni jsir, dwal u cameras ta' sigurta fl-underpass li hemm bejn l-inħawi magħrufa tal-Bajjada f'Hal Qormi (ftit bogħod minnFlamingo Ltd) u Santa Venera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-dawl f’din il-mina kemm il-darba sar u jerġa’ jitkisser. Din is-subway għandha bżonn dekorażżjoni mill-ġdid u li jkunu installati cameras ta’ sigurta. Dan ix-xogħol għandu jingħata prijorita’ li tixraqlu. L-ADT sa tlesti l-istejjem neċessarji sabiex il-proġett jkun mplimentat għan-nofs is-sena d-dieħla.

Plot tal-Joint Office

Question

Wara li residenti minn Triq Dun Gorġ Fenech, Qormi ilhom jilmentaw li fit-triq imsemmija hemm xi plots tal-Joint Office li huma abbandunati u mingħajr il-ħitan rikjesti bil-liġi, bil-konsegwenza li dawn l-għelieqi qed jiġbru ħafna ħmieġ fihom, u għaldaqstant qed ikunu ta' inkonvenjenza għar-residenti ta' l-inħawi, jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga u jieħu passi, inkluż li jinbena ċ-ċint rikjest?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art fi Triq Dun Ġorġ Fenech, Qormi kienet amministrata mill-Uffiċċju Konġunt, imma ġiet trasferita lill-Awtorita' tad-Djar fis-sena 2003.

Irranġar ta' centre strip

Question

Jista' l-Ministru jitlob l-Awtorita' dwar it-Trasport tikkonsidra li tieħu ħsieb tirranġa c-centre stripta' Mdina Road (l-parti faċċata tas-Shopwise/ħdejn it-taraġ) li jidher li tinsab mitluqa b'ġebel mitluq fin-nofs, kurduna mkissra u mingħajr tisbiħ ta' siġar u pjanti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret minn uffiċċjali tal-ADT ma stabetx il-kundizzjoni kif deskrita fil-mistoqsija parlamentari. Għaldaqstant l-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jispeċifika eżatt liema parti tas-centre strip.

Art esproprjata

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet 25801 u 25802 jista' l-Ministru jgħid xi ħsebijiet għandu l-gvern dwar art esproprjata snin ilu u sal-lum baqgħet ma ntużatx għall-iskop li ġiet esproprjata għalih u li hi proprjeta' tas-sinjuri li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jipprovdi l-pjanta fejn turi preċiżament l-art in kwistjoni sabiex ikun jista’ jsir l-istħarriġ neċessarju dwar dan il-każ.

Santa Venera — Taraġ fil-bypass

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24378, 24653 u 24891 dwar talba biex jiġi rranġat t-taraġ li hemm jagħti minn Canon Road għal Santa Venera minn fuq il-bypass, jista' l-Ministru jgħid xi proġess sar sal-lum? Beda x-xogħol? Meta se jkun lest?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-imsemmi taraġ huwa kważi lest. Kulma jonqos hu li jsir tindif ta' xi' materjal.