Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — Unaudited accounts

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija ta' mistoqsija parlamentari 8551, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-unaudited accounts annwali tal-kumpannija Gozo Channel li jkopru l-perijodu ta' bejn Ottubru 2003 u Settembru 2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Le, għaliex kif suppost jaf l-Onorevoli Interpellant, il-"management accounts" ikollhom ħafna nformazzjoni li tkun kummerċjalment sensittiva. Meta dawn l-"accounts" jiġu "audited" npoġġi fuq il-Mejda, l-"audited accounts".

Liċenzji tas-Sewqan

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu, jirrispondi mistoqsija parlamentari 8145 dwar persuni li tilfu t-12-il punt tagħhom wara li ħadu l-liċenzja tas-sewqan wara l-1 ta' Jannar ta' din is-sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi:- 1. s’issa ma kien hemm ebda persuna li tilfu it 12-il punt tagħhom. Ma ttieħdu l-ebda passi peress li s'issa ma kienx hawn każi bħal dawn. 2. F’każ li jkun hemm persuni li jtellgħu total ta’ 12-il punt isir li gej: Skond vetturi bil-mutur (licenzi tas-sewqan leġislazzjoni sussidjarja a. 34. (6) Meta detentur ta’ liċenzja tas-sewqan bi prova jintalab biex jidher quddiem qorti jew tribunal dwar reati li jidhru fis-Sitt Skeda, hu għandu jkollu fuqu l-liċenzja msemmija u l-kontroparti tagħha u l-Maġistrat jew il-Kummissarju għall-Ġustizzja għandhom il-poter li jikkonfiskaw l-imsemmija liċenzja jekk il-punti ta’ penali mniżżla fil-kontraparti ta’ l-imsemmija liċenzja flimkien mal-punti ta’ penali miżjuda bis-sentenza mogħtija minn dak il-Magistrat jew Kummissarju ghall-Ġustizzja jitilgħu għal tnax-il punt jew aktar. b. 35. Liċenzja tas-sewqan bi prova tiġi revokata jekk, f’xi żmien matul il-perijodu ta’ tliet snin bi prova, id-detentur ta’ dik il-liċenzja jkollu b’ kollox tnax-il punt ta’ penali jew aktar. 36. Sewwieq li jkollu l-liċenzja tas-sewqan bi prova revokata skond ma jidher fir-regolament 35, jista’ biss japplika għall- liċenzja ġdida tas-sewqan bi prova wara li jgħaddu tliet xhur mid-data tar-revoka billi jippreżenta applikazzjoni ġdida skond ma jidher fit-Taqsima III.

Liċenzji tas-sewqan

Question

Fl-iskema tat-12-il punt li daħlet minn Jannar ta' din is-sena għal min jieħu liċenzja tas-sewqan għall-ewwel darba, jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni kollha li tilfu it-12-il punt tagħhom u kemm itteħditilhom il-liċenzja? X'passi oħra ttieħdu jekk ittieħdu, f'każi bħal dawn?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Freeport — Kontijiet

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-kontijiet, awditjati jew le, tal-kumpanniji kollha tal-Malta Freeport tul dawn l-aħħar erba' snin sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Kap ta' l-Oppozizzjoni li kontijiet tal-Kumpaniji tal-Malta Freeport ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra aktar tard din il-Ġimgħa filwaqt li dawk ta' Malta Freeport Corporation Ltd ikunu lesti madwar erba ġimgħat oħra għar-raġuni li l-bejgħ tas-sussidjarja "Malta Freeport Terminals Ltd" hi kunsidrata bħala "material post balance sheet event" u trid tiġi rappurtata.

MEPA — Avviżi dwar applikazzjoni għal żvilupp

Question

Fl-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba l-avviżi tal-MEPA sabiex jinnotifikaw lill-pubbliku li hemm applikazzjoni għall-iżvilupp u għalhekk jistgħu jagħmlu l-oġġezzjonijiet tagħhom, twaħħlu fuq sit żbaljat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Verifika ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġieli rċieva ilmenti dwar nuqqas ta’ twaħħil ta’ site notices. Il-parti l-kbira minnhom ikunu verbali, jew permezz ta’ e-mail, u jissolvew fi żmien qasir. Ma tinżammx statistika dwarhom.

MEPA — Applikazzjonijiet li ġew rifjutati

Question

Fl-aħħar sentejn, jista' il-Ministru jgħid kemm ġew miċħuda jew rifjutati mill-MEPA applikazzjonijiet minħabba li l-applikant ma nnotifikax lis-sid tal-post jew minħabba li l-applikant ma kienx is-sid tal-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ebda statistika ma tinżamm f' dan ir-rigward.

Development Control Commission

Question

Fl-aħħar sena, id-development control commission (DCC) kemm ħadet deċiżjonijiet li ma segwewx ir-rakkomandazzjonijiet tal-case officer ta' l-istess awtorita'? Kemm minnhom kienu jikkonsistu f'rakkomandazzjoni li applikazzjoni tiġi miċħuda u d-DCC approva? Kemm minnhom kienu jikkonsistu f'rakkomandazzjoni li applikazzjoni tiġi approvata u d-DCC ċaħdet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li mill l-ewwel ta’ Lulju 2003 sa l-aħħar ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp, fil-każijiet ta’ l-ewwel deċiżjoni, ħadet 943 deċiżjoni li jmorru kontra r-rakkomandazzjoni tad-Direttorat. Minn dawn id-deċiżjonijiet kien hemm 94 applikazzjoni li rrakkomandaw approvazzjoni tal-permess u ġew rifjutati mill-Bord fil-waqt li kien hemm 849 applikazzjoni li rrakkomandaw rifjut u ġew approvati mill-Bord. Ta' min jinnota li f’ sena l-Awtortia’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirċievi madwar 7,000 applikazzjoni għall-pernmess ta’ żvilupp.

Persuni li kienu jaħdmu bħala public attendants

Question

Kemm u min huma l-persuni li kienu jaħdmu bħala public attendants u li fi Frar 2004 ġew trasferiti sabiex jagħmlu xogħol ieħor?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema li kienu jaħdmu bħala public attendants u li fi Frar 2004 ġew trasferiti biex jagħmlu xogħol ieħor kienu dawn:- Carmel Ambinett 571861 M Bartholomeo Sciberras 314961 M George Farrugia 867350 M Bernard Fenech 781659 M Remigio Sacco 339650 M Charlie Pace 716357 M Carmelo Galea 535155 M Anthony Farrugia 8453 M Carmelo Vella 440559 M Anthony Caruana 843048 M Dawn ġew trasferiti bħala parti mill-proċess ta' Restructuring tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Taxxa tas-CET — Kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li għandhom kontijiet pendenti assoċjati mat-taxxa tas-CET u li skond l-ittra mibgħuta lilhom mid-dipartiment tal-VAT f'Marzu 2003, għadhom sa nofs Novembru 2003 ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar il-pożizzjoni tagħhom, humiex se jingħataw id-dritt li jħallsu il-kontijiet pendenti tagħhom fuq tul ta' żmien hekk kif kien qal il-Ministru tal-Finanzi stess fid-diskors tiegħu tal-Budget, is-sena l-oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ser jinforma lil dawk il-persuni li huma eliġibbli taħt l-iskema dwar il-posizzjoni tagħhom kif mwiegħed fl-ittra mibgħuta f’Marzu 2003 u skond kif imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2003. Għalhekk ma jidhirx li ser ikun hemm ħtieġa għal estensjoni fiż-żmien biex jitħallsu il-kontijiet pendenti.

Proċessar tat-tadam — Prezz lill-konsumaturi

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jagħti l-prezz tal-prodotti ta' tadam proċessat f'Malta lill-konsumaturi għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sax-xahar ta' Settembru)?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni miġbura mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni dwar market leaders ta' prodotti tat-tadam proċessat lokalment, jidher li l-prezzijiet varjaw minn ħanut għal ieħor b'riżultat ta' kompetizzjoni fis-suq. Qed tiġi annessa tabella li turi l-varjazzjoni bejn l-irħas u l-ogħla prezz li bihom kienu qed jinbiegħu dawn il-prodotti bejn 1999 u Settembru 2003.

Produtturi tat-tadam — Bdiewa li jissuplixxu t-tadam

Question

Tista' jekk jogħġbok għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sax-xahar ta' Settembru) tagħti din l-informazzjoni fir-rigward tal-produtturi tat-tadam u tal-bdiewa u jissuplixxuhom bit tadam ta' Malta: i) Is-Sussidju mogħti mill-Gvern għall kull kilo ta' tadam lokali - lill-bdiewa - lill-produtturi, ii) Il-prezz imħallas għal kull kilo ta' tadam mill-produtturi lill-bdiewa, iii) It-total ta' ħlasijiet li saru f'kull sena mill Gvern - lill-bdiewa - lill-produtturi, iii) Il-prezz tal-prodotti ta' tadam proċessat f'Malta lill-konsumaturi matul is-snin imsemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed nassumi li bil-kelma "produttur" l-Onor. Interpellant irid ifisser "proċessur". L-informazzjoni mitluba tinstab fit-Tabella annotata li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodotti ta' tadam proċessat lill-konsumatur, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat billi l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma jżommx statistika ta' din ix-xorta.

Dipartiment tal-VAT — Kontijiet pendenti tat-taxxa tas-CET

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif, skond l-avviż li kien ingħata lil dawk li għandhom kontijiet pendenti assoċjati mat-taxxa tas-CET fl-ittra mibgħuta lilhom mid-dipartiment tal-VAT Marsu, 2003, dawn l-istess nies għadhom ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar il-pożizzjoni tagħhom hekk kif imwiegħed f'din l-istess notifikazzjoni? Jista' jgħid għaliex dan il-proċess qed jieħu daqshekk fit-tul meta n-notifikazzjoni stess li ħarġet f'Marzu ta' din is-sena titlob li kollox jiġi mħallas sa mhux aktar tard mill-aħħar ta' Diċembru? Ma jaħsibx li meta d-dipartiment qed jieħu daqshekk fit-tul biex jagħti statements aġġornati, qed ikun qed jitfa' pressjoni żejda fuq is-self-employed meta dan huwa mitlub iħallas kollox sa Diċembru li ġej?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-raġuni għax ma ntbagħtitx informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ dawk il-persuni li kienu eliġibbli taħt l-iskema kif kien imwiegħed fl-ittra mibgħuta f’Marzu 2003, hi li d-Dipartiment għad għandu numru ta’ każi li qegħdin jiġu pproċessati. Fejn il-każ ġie ffinalizzat il-persuna konċernata ġiet notifikata. Il-proċess miexi normali meta wieħed jikkunsidra n-numru konsiderevoli ta’ persuni li ġew eliġibbli taħt l-iskema.

Eta' tal-pensjoni

Question

Fil-każ ta' mara li bdiet taħdem fis-sena 1977 u waqfet taħdem fis-sena 1993 taħt il-liġijiet tal-pensjoni tal-lum, din il-mara suppost intitolata għall-pensjoni tas-60 sena. Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu illi meta min jinsab f'dan il-każ u jmur l-uffiċċju tas-servizzi soċjali ġewwa l-Belt qed jgħidulu li meta l-eta' tal-pensjoni ssir ta' 61 sena, persuna f'dan il-każ ma tkunx intitolata għall-pensjoni? Veru li qed jgħidu lill-persuni li jinsabu f'dan il-każ li jekk l-eta' tal-pensjoni ssir ta' 65 sena jridu jaħdmu tliet snin aktar biex jikkwalifikaw għall-pensjoni? Jekk hu minnu li qed jingħataw dawn il-pariri mill-ufiċċju tas-servizzi soċjali tal-Belt, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-pariri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex persuna jkollha dritt għall-Pensjoni għal Min Jirtira trid tissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji u kontributorji fid-data ta’ l-irtirar skond il-provedimenti relatati ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. L-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali huma obbligati li jagħtu l-informazzjoni mitluba fattwalment u skond il-provedimenti tal-liġi msemmija kif tkun fis-seħħ meta din l-informazzjoni tintalab u mhux fuq suppożizzjonijiet jew tbassir. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu dettalji ta’ każ jew każijiet fejn uffiċjali tad-Dipartiment mhux qed josservaw dan l-obbligu, jgħaddihomli, anki b’mod kunfidenzjali, biex ninvestiga.

Pensjonijiet — Collective Agreement

Question

Tista' tindaga għaliex pensjonanti li kienu jaħdmu mal-Kumpanija Farsons, li taħt kundizzjonijiet normali, ikollhom il-pensjoni tagħhom aġġustata mal-Collective Agreement tal-kumpanija, ilhom minn Jannar tas-sena 2002 ma jirċievu ż-żidiet li kellhom jinħarġu skond il-collective agreement ta' dak iż-żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li r-reviżjonijiet tal-pensjonijiet li għamel referenza għalihom l-Onor. Kap ta’ l-Oppożizzjoni issa tlestew u l-ammont il-ġdid dovut mistenni jitħallas mal-pagament tal-pensjoni ta’ Ottubru.
Leg 9 PQ #37093 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sħubija fl-Unjoni Ewropea — Twaqqif ta' bordijiet fil-qasam tal-biedja

Question

Jista' jekk jogħġbu l-Ministru jagħti l-lista' ta' l-organizzazzjonijiet, bordijiet, kumitati u organi oħra li jkollhom jitwaqqfu fil-qasam tal-biedja, governattivi u oħrajn, biex jassiguraw it-tmexxija tal-politika agrikola komuni ta' l-Unjoni Ewropea f'Malta fil-każ li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab fin-National Position Paper on Agriculture li kopja tagħha tinsab fil-Website tal-MIC.
Leg 9 PQ #36460 Sitting 805 2002-10-28 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Performance Management Programmes

Question

Nagħmel riferenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi 36101. Kif qal tajjeb il-Prim Ministru qed nirreferi għall-impjegati li b'riżultat tal-ftehim milħuq bejn il-gvern u l-unions f'Awissu 2001 ser ikun possibli li ċerti uffiċjali fis-servizz pubbliku ġewwa Għawdex ser igawdu minn paga għola konnessa ma' skala għola minn dik li jinsabu fiha. Billi dawn l-impjegati għandhom ir-rakkomandazzjoni meħtieġa fl-aħħar tliet performance management programmes (PMP's) qabel id-data li fiha jkunu intitolati għall-progression, u billi ħafna minn dawn il-PMP's ilhom mimlija u lesti għal iktar minn 6 xhur u b'hekk l-eżerċizzju ilu mitmum għal żmien twil, jista' il-Prim Ministru jgħid għal-liema raġuni dawn il-PMP's qed jinżammu mill-ministeru għal Għawdex? Jaf li minħabba t-traskuraġni żejda min-naħa tal-ministeru, il-proċess fejn jidħlu impjegati fis-servizz pubbliku f'Għawdex huwa wieqaf u x'passi se jieħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-“Performance Management Programmes” (PMPs) u r-rapporti l-ohra konnesi maghhom ta’ mpjegati Ghawdxin fis-Servizz Pubbliku illi huma ntitolati ghal skali ta’ salarji oghla minn dawk li qeghdin fihom skond il-Ftehim mal-“Unions” ta’ Awissu 2001, ghandhom jaslu l-“Management and Personnel Office” fi zmien qasir biex ikunu ipprocessati flimkien ma’ PMPs ohrajn
Leg 9 PQ #36101 Sitting 798 2002-10-14 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Performance Management Programmes

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għal-liema raġuni l-performance management programmes u rapporti oħra relatati ta' uffiċjali fil-grad ta' prinċipal u prinċipal anzjan fis-servizz pubbliku ġewwa Għawdex għadhom ma ntbagħtux lil management and personnel office? Għand min huma miżmuma dawn ir-rapporti fil-ministeru għal Għawdex? Jaf il-Prim Ministru li minħabba t-traskuraġni ta' xi impjegat għoli fil-ministeru għal Għawdex dawn ir-rapporti ma jistgħux jiġu proċessati u minħabba f'hekk ċertu uffiċjali fis-servizz pubbliku ġewwa Għawdex għadhom m'humiex jieħdu s-salarju ta' l-iskala l-ġdida li qegħdin fiha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi ghall-impjegati li, b’rizultat tal-ftehim milhuq bejn il-Gvern u l-Unions f’Awissu 2001, ser ikun possibli ghalihom li jgawdu minn paga ghola konnessa ma’ skala ghola minn dik li jinsabu fiha. Dawn l-impjegati ser tkun tista’ tinghatalhom “progression” jekk ikollhom rakkomandazzjoni mehtiega fl-ahhar tlett “Performance Management Programmes” (PMPs) qabel id-data li fiha jkunu intitolati ghal “progression”. Dan l-ezercizzju jinvolvi mijiet ta’ impjegati. Ninsab infurmat li fil-Ministeru ghal Ghawdex qed isir l-istess ezercizzju li ghandu jigi mitmun f’qasir zmien.
Leg 9 PQ #33672 Sitting 744 2002-05-27 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ħabs

Question

Jista' l-Ministru jinforma x'rapport/rapporti sar/saru dwar inċident li nqala' fis-7 ta' Mejju 2002 fil-female section tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin, bejn gwardjana u priġuniera, fejn allegatament, ta' l-ewwel sawtet lil tat-tieni? X'azzjoni ttieħdet sa' issa dwar dal-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-inċident li seħħ fil-Female Section nhar is-7 ta` Mejju 2002 kien wieħed negliġibli. Dak li ġara kien li minħabba l-lingwa, gwardjana u priġuniera ma setgħux jifhmu lil xulxin. L-allegazzjoni li uffiċjala sawtet lil priġuniera hija totalment infondata. Ma ttieħdu l-ebda passi kontra kemm il-priġuniera u l-anqas xi gwardjana.