Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru serqiet minn istituzzjonijiet reliġjużi din i-sena u x'insteraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, il-Pulizija kellha 34 rapport ta' serq minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi. Ħafna minn dawn ir-rapporti kienu jinvolvu oġġetti personali ta' persuni li jkunu attendew f'dawn il-postijiet
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm insterqu veikoli bil-mutur u minn ġol-veikoli din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-informazzjoni għax-xhur minn Jannar sa Settembru ta' l-2007 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24874, 24876, 24878, 25834, 27456, 27458, 27462, 27465 u 27996.
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni għax-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru ta' l-2007 dwar serq ta' vetturi hi ta' 39, 45 u 38 rispettivament, filwaqt dik dwar serq minn vetturi hi ta' 207, 283 u 243 rispettivament.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu sabiex jiġi ċċertifikat li barranin li jżuru Malta taħt tourist visa attwalment jitilqu minn Malta fit-terminu tal-mawra tagħhom?
Iħoss il-Ministru li wasal iż-żmien li jsir enforcement aktar bir-reqqa billi sid il-post fejn jiġu akkommodati dawn it-turisti tul il-mawra tagħhom ikun mgħobbi b’ċerta responsabbilta’ li jara li dawn jitilqu minn Malta fi tmiem il-mawra tagħhom?
Iħoss li hemm bżonn ta’ kontrolli aktar iebsa għall-influss ta’ persuni mingħajr permess biex jgħixu jew jaħdmu f’Malta, liema kontrolli għandhom isiru billi jerġgħu jiddaħħlu embarcation and disembarcation cards flimkien ma’ scanning elettroniku tal-passaporti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija kontinwament tagħmel spezzjonijiet għal-persuni ta’ nazzjonalita’ barranija li jistgħu jkunu Malta wara li tkun skadietilhom il-visa. Fil-fatt matul is-sena 2007, kien hemm 331 persuna li nstabu li kienu Malta irregolarment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-inkjesti li kienu pendenti quddiem il-Maġistrat Montebello?
Jista' jgħid kemm-il inkjesta ħalla warajh il-Maġistrat Montebello u kemm-il waħda ġiet konkluża u mibgħuta lill-AG?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi meta irtira l-Maġistrat Dr. Dennis Montebello, huwa kellu 67 inkjesta pendenti fil-Qorti ta’ Malta. Dawn ġew mgħoddija lil Maġistrat ieħor u minnhom fadal biss 3 pendenti.
Rigward il-Qorti ta’ Għawdex ninsab infurmat illi n-numru ta’ inkjesti pendenti ta’ dan il-Maġistrat hu ta’ 19.
Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm-il kumpilazzjoni ġiet reġistrata fis-snin 2006 u 2007 u kif kienu mqassma?
Jista' jgħid kull maġistrat kemm-il inkjesta ħa u kemm minnhom ġew konklużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kumpilazzjoni ġiet appuntata għas-sentenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Qorti ta’ Malta, mis-sistema kompjuterizzata, jirriżulta li hemm 177 kumpilazzjoni differiti għas-sentenza, filwaqt illi fil-Qorti ta’ Għawdex hemm 14.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħtina idea ta' kemm ilha pendenti l-itwal kawża kriminali?
Response (BORG, TONIO)
Il-kumpilazzjonijiet kriminali bdew jiġu reġistrati fuq sistema kompjuterizzata fis-sena 2000.
Ninsab infurmat illi minn stħarriġ manwali li għamel ir-Reġistratur fil-Qorti ta’ Malta jirriżulta li l-aktar kumpilazzjoni li ilha pendenti twassal għas-sena 1999.
Infurmat ukoll illi skond ir-rekords fil-Qorti ta’ Għawdex , il-kawża li ilha l-aktar pendenti hi waħda reġistrata fis-sena 1986.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru mwiet traġiċi din is-sena? X'tip kienu u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li tilfu ħajjithom traġikament matul is-sena 2007 kien kif ġej:
Kawża tal-mewt
Irġiel
Nisa
Total
Inċidenti tat-traffiku
11
3
14
Omiċidju
3
1
4
Suwiċidju
26
1
27
Overdose
7
1
8
Oħrajn
32
1
33
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru serqiet minn ġo djar u minn ġo outlets kummerċjali din is-sena u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-informazzjoni għax-xhur minn Jannar sa Settembru ta' l-2007 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24874, 24876, 24878, 25834, 27456, 27458, 27462, 27465 u 27996.
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni għax-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru ta' l-2007 dwar serq minn djar hi ta' 84, 67 u 63 rispettivament, filwaqt dik dwar serq minn stabbilimenti kummerċjali hi ta' 48, 44 u 66 rispettivament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm itellgħu nies l-qorti fuq każi ta' vjolenza domestika din is-sena u x'sess kienu? Kemm kienu Maltin u kemm barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u t-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu anzjani l-Qorti din is-sena u għal liema reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 595 persuna anzjana, cioe' ta' l-fuq minn 60 sena, li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija fuq diversi reati kriminali, fosthom reati kontemplati fil-Kodiċi Kriminali, fir-Regolamenti tat-Traffiku, fir-Regolamenti dwar il-Klieb, fir-Regolamenti dwar Żibel u Skart, fir-Regolamenti dwar l-Armi u fir-Regolamenti dwar Liċenzji tan-Negozju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il inkjesta ġew reġistrati fis-snin 2006 u 2007? Kemm-il waħda minn dawn l-inkjesti rċieva kull maġistrat u kemm ġew mibgħuta lill-AG?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'ġara mill-inkjesti li kienu pendenti quddiem il-Maġistrat Joe Cassar?
Jista' jgħid kemm kien hemm? Min ħadhom? Kemm-il waħda ġiet assenjata u konkluża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-inkjesti li kienu pendenti quddiem il-Maġistrat Dr. Joe Cassar LL.D. għaddew għand il-Maġistrat Dr. Giovanni Grixti, LL.D.
Infurmat ukoll illi kien hemm 217-il inkjesta pendenti li minnhom 50 ġew konklużi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kunsiderazzjoni ta l-Gvern Malti lit-talba tal-World Islamic Call Society, Malta Branch sabiex l-biċċa art li hemm bejn il-boundary wall tal-Islamic Centre u l-boundary wall tal-ħabs ta' Kordin tiġi żviluppata mill-Islamic Centre biex tipprovdi support services għall-komunita' Islamika u ukoll għall-membri tal-mixed families f'pajjiżna? B'hekk tkun tista' tiġi akkomodata skola sekondarja, childcare centre etc u faċilitajiet oħra anċillari.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond is-South Malta Local Plan, l-art f'Kordin li kienet applikat għaliha il-World Islamic Call Society hija riservata bħala żona ta' rikreazzjoni. Għal din ir-raġuni, f'Marzu ta' l-2007, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern kienet irrifjutat it-talba li kienet għamlet din is-soċjeta' għall-art in kwistjoni.
B’riferenza għall-każ tat-tifla ta’13-il sena li ntbaghtet mill-Qorti sabiex isservi sentenza ta’ ħabs fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Kordin u sussegwentement fl-iSptar Monte Karmeli, jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemm xi pjan sabiex isiru xi arranġamenti differenti sabiex xi problemi li setgħu inqalgħu, fil-fatt ma jseħħux?
Response (BORG, TONIO)
Il-liġi ma teskludix inkarċerazzjoni u deprivazzjoni tal-ħelsien lill-minorenni u dan minħabba li f'ċerti ċirkostanzi, is-serjeta' tar-reati kommessi jiġġustifikaw tali miżura. Tibqa' fid-diskrezzjoni tal-Qorti li tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ. Fil-fatt jeżistu diversi pieni li ma jiċħdux lill-minorenni l-liberta' personali tiegħu jew tagħha, eż: ordni ta' probation, sentenza sospiża, servizz fil-komunita' u liberazzjoni bil-kundizzjoni li ma jsirx reat ieħor fi żmien speċifikat.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu – jew dipartimenti li jaqgħu taħtu – kienux involuti f’xi art li qed jingħad li fuqha se tinbena l-Ambaxxata Ċiniża fl-akkwati ta’ Pembroke? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti aktar dettalji dwar din l-art bħal per eżempu, fejn tinsab, id-daqs tagħha, it-titlu, kundizzjonijiet ta’ trasferiment, eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Ambaxxatur tar-Repubblika Popolari tal-Poplu taċ-Ċina għamel talba verbali lit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għal art biex fuqha tinbena l-ambaxxata ta' dak il-pajjiż. Il-Gvern qiegħed preżentement jevalwa din it-talba. Għaldaqstant, għadu mhux il-mument li jingħataw id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru testijiet mill-pulizija għal sewqan taħt l-influwenza ta' l-alkoħol din is-sena u kemm kienu pożitivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2007, kien hemm 169 sewwieqa ta' vetturi, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv, li minnhom 112 nstabu li kienu qed isuqu vettura taħt l-influwenza tax-xorb, filwaqt li 41 irrifjutaw li jagħmlu jew ma komplewx it-test.