Legislature:
Category:
Reset
Active:

Affarijiet Barranin — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-ministeru, segretarjat parlamentari, meta jagħti l-każ, u mid-dipartimenti governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu żaret pajjiżi barra minn Malta minn Ottubru 1998 sal-lum? Minn min kienu magħmula d-delegazzjonijiet msemmija? Fuq liema xogħol attendiet kull delegazzjoni? Kemm swiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.

Ambaxxati barranin — Impjegati Maltin

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li ħaddiema Maltin impjegati f'Ambaxxata ta' pajjiż fl-Ewropa qed jiġu mitluba jaħdmu sigħat ta' xogħol li mhux suppost?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-Ministeru tiegħi m'huwiex infurmat uffiċċjalment li hemm xi ħaddiema Maltin, impjegati ma' Ambaxxata ta' pajjiż Ewropew, li qed jintalbu jaħdmu siegħat ta' xogħol li mhux suppost. Nirriferi lill-Onorevoli Membru wkoll għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5368.

Ambaxxati — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' protezzjoni mill-gvern għandhom il-ħaddiema Maltin li jaħdmu fl-Ambaxxati mil-lat ta' kondizzjonijiet ta' xogħol?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-Kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema Maltin impjegati ma' Ambaxxati barranin f'Malta huma dawk miftiehma bejn il-partijiet. Ma jkunx hemm normalment bżonn li l-Ministeru tiegħi jintervjeni biex jassigura li l-kundizzjonijiet miftiehma jkunu konformi mal-liġijiet Maltin jew li dak li ġie miftiehem qed jiġi osservat. Madankollu, kull meta ħaddiema Maltin ilmentaw mal-Ministeru li ma baqgħux igawdu minn kundizzjonijiet ta' xogħol aċċettabli, dan l-ilment dejjem tressaq għall-attenzjoni ta' l-Ambaxxata barranija konċernata.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-gvern minn Settembru sal-lum, fuq safar, kuntatti u oħrajn, biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea? Liema huma l-pajjiżi kkonċernati?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni bi tweġiba għal din il-Mistoqsija, u għal dik simili Numru 5057, qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

OECD — Rapporti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li Malta beħsiebha tfittex li tissieħeb fi ħdan l-OECD?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Jiena nfurmat illi l-Ministeru għal Servizzi Ekonomiċi qed jeżamina l-possibilita', jiġifieri r-rekwiżiti u l-effetti, ta' sħubija Maltija fl-Organiżazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD).

EU — Interessi fuq self

Question

Ma jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li Malta tkun qed tkompli titgħabba b'piżijiet kbar ta' interessi fuq self, jekk u meta l-Unjoni Ewropea tagħtina xi self anke jekk ikun b'imgħaxxijiet baxxi?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nitlob l-Onor Interpellant li tpoġġi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Affarijiet Barranin — Impjegati

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4469, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji nkluż l-isem, ta' kull impjegat li jgawdi minn din it-tip ta' allowance nkluż id-degree jew diploma relattiva u x-xogħol li qiegħed iwettaq bħalissa dan l-impjegat?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru. Kull persuna ndikata f'din l-iskeda qed tagħti servizz, f'qasam jew f'ieħor, fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.

UE — Street hawkers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'se tkun il-pożizzjoni ta' l-istreet hawkers ta' l-ikel fil-gżejjer tagħna bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-posizzjoni ta li street hawkers, hija waħda regolata mill-bżonn in partikolari fil-qasam tal-liġijiet tal-ikel ta l-osservanza tal-igene tal-ikel, u tal-mezzi tat-trasport li jintuża għal dan il-għan, regolamenti li naħseb kullħadd jaqbel magħhom u li huma fl-interess tas-saħħa pubblika.

UE — Screening process

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma rapporti li dehru fl-istampa li l-gvern ma sabx nies biżżejjed biex jgħinuh fl-iscreening process ta' l-applikazzjoni Maltija għall-Unjoni Ewropea? Jekk dan m'huwiex il-każ, jista' jindaga min huma n-nies magħżula u jekk il-gvern għandux il-ħsieb li minn issa jaħtar chief negotiator kif għamlu diversi pajjiżi oħrajn applikanti għal sħubija sħiħa?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Rigward l-ewwel domanda, nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li r-rapporti li dehru fil-gazzetti m'għandhom l-ebda bażi. Għan-negozjati l-Gvern ħaseb li jikkonsulta mas-setturi kollha bl-aktar mod wiesgħa. Għaldaqstant il-Ministeru tiegħi ħaseb biex iniegħdi lista ta' dipartimenti tal-gvern, korporazzjonijiet parastatali, korpijiet kostitwiti kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jikkonsultahom dwar id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-Gvern ħaseb ukoll biex joħloq il-Malta European Union Steering Action Committee li ser tinkludi fost oħrajn membri tal-Kabinet, rappreżentanti ta' Ministeri, rappreżentanti ta' korpi kostitwiti kif ukoll speċjalisti f'materji tal-Unjoni. Il-pożizzjoni ta' Chief Negotiator titħabbar meta jkun il-waqt.

EU — Raba' Protokol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm se jkun hemm fondi mir-Raba' Protokol ma' l-Unjoni Ewropea mġedded sa l-aħħar ta' l-1999? F'liema proġetti se jintnefqu dawn il-fondi? Kemm se jintnefqu fuq kull proġett? X'passi qed jittieħdu biex niżguraw li dawn il-fondi jintnefqu b'mod effettiv għal pajjiżna?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Bdiewa/Raħħala/Sajjieda — Regolamenti

Question

B'riferenza għal mijiet ta' liġijiet u eluf ta' regolamenti li jridu josservaw il-bdiewa, ir-raħħala, is-sajjieda u proċessuri u produtturi oħrajn, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk ir-riservi li se jressaq il-gvern Malti sabiex jassigura li ma jkunx hemm impatt negattiv fuq dawn is-setturi fil-gżejjer tagħna? Min huma l-persuni li qed iwettqu dan l-istħarriġ u/jew iħejju dawn il-proposti?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Photocopy machines

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ambaxxaturi Maltin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformana b'mod uffiċjali (minflok ikollna noqogħdu fuq informazzjoni mill-gazzetti) min huma l-persuni li ġew maħtura ambaxxaturi ta' pajjiżna f'pajjiżi oħra? Min huma dawk li se jinbidlilhom posthom u min huma dawk li għalihom il-Gvern Malti qiegħed jistenna l-agreement dwarhom minn gvernijiet barranin?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, il-ġurnali fir-rapporti tagħhom sikwit ikollhom informazzjoni skorretta kemm f'partijiet kif ukoll fit-totalita ta' l-artikoli li jippublikaw. Għalhekk mhux għaqli li wieħed joqgħod fuq informazzjoni ta' ġurnali bħala waħda uffiċjali. Rigward it-tieni domanda, l-Onor. Interpellant jaf tajjeb li mhux korret li l-Ministeru jiżvela l-ismijiet ta' min ikun nominat Ambaxxatur qabel ma l-Gvern konċernat jagħti l-agreement tiegħu. Irrid iżda nżid illi ma' l-ismijiet li semmejt fir-risposta għall-mistoqsija numru 4616 illum hemm ukoll dak ta' Dr. Joe Cassar li se jieħu l-kariga ta' Ambaxxatur ta' Malta għall-Italja f'nofs April.

Londra — Kummissarju Għoli Malti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta kienet inxtrat il-karozza uffiċjali (I MLT) tal-Kummissarju Għoli Malti f'Londra qabel dik preżenti li ħarġet f'Ottubru, 1997? Kemm kienet swiet? X'kienu l-ispejjeż għal tiswija u manutenzjoni, sena b'sena, mindu nxtrat sakemm inbiegħet? Kemm-il darba nsterqet? X'kienu l-konsegwenzi fuq il-karozza u fuq il-Kummissjoni Għolja wara s-serq?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.

Londra — Kummissarju Għoli Malti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il residenza uffiċjali kellu l-Kummissarju Għoli ta' Malta f'Londra mill-1987 sa l-1997? Fejn kienu? B'liema dati? X'kien il-ħlas kull ġimgħa fir-rigward ta' kull waħda? Għaliex sar it-tibdil u ċaqlieq? Jeżistu nventarji tad-diversi residenzi uffiċjali? Għaliex jekk jeżistu l-inventarji bid-dati, snin u referenza għal kull każ m'għandhomx jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra peress illi dawn jirrigwardaw direttament l-amministrazzjoni ta' flus il-poplu?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Linji diretti tat-telephones

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?

Response (MARCO, GUIDO DE)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Peress li fis-16 ta' Awissu, 1998 f'mass meeting fil-Fgura kkwotajt ġurnali lokali li kkwotaw sorsi anonimi li matul l-1998 biss Malta tilfet Lm100 miljun għax kienet ġiet iffriżata l-applikazzjoni għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mil-liema fondi ta' l-Unjoni Ewropea ntilfu dawn il-Lm100 miljun? Kemm ġejjin minn dawn il-Lm100 miljun tul l-1999?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-ġurnali in kwistjoni rreferew għall-fondi li l-European Investment Bank kien poġġa għad-dispożizzjoni ta' stati kandidati għall-Unjoni Ewropea bħala parti mill-faċilitajiet bankarji ta' pre-adezzjoni. L-iffriżar ta' l-applikazzjoni ta' Malta da parti tal-Gvern preċedenti ċaħħdet lil Malta milli tiġi kkunsiderata bħala stat kandidat, u bħala tali eliġibbli għal dawn il-fondi mill-European Investment Bank. Malta għandha protokoll finanzjarju ma' l-Unjoni Ewropea li kont iffirmajt jien bħala Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li se jibda jitwettaq proprju din is-sena, u li jipprovdi fondi ta' 45 Miljun ECU.

Malta/Libja — Protocoll

Question

B'riferenza għall-Protocoll ta' koperazzjoni bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-biedja u s-sajd, iffirmat mill-amministrazzjoni preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'sar mill-5 ta' Settembru u ċioe' kemm saru laqgħat ta' kontinwazzjoni u x'riżultati nkisbu? Jista' l-Minsitru ġentilment jinforma lill-Kamra meta hija mistennija l-ewwel delegazzjoni żżur Malta u viċi versa dwar l-iżviluppi ta' l-imsemmija koperazzjoni?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nitlob lill-Onorevoli nterperlant jindirizza din il-mistoqsija lill-awtoritajiet konċernati, jiġifieri lill-Onor. Ministru tal-Biedja u Sajd.