Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina Premarin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina Premarin 1.25 mg tingħatax b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern m'għandhomx jixtru l-mediċina speċifika Premarin 1.25mg, għalkemm fadal xi stokk zgħir tal-prodott. Id-Dipartiment qiegħed jixtri u jqassam prodott alternattiv.

Suwiċidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru suwiċidju din is-sena? Kemm saru attempted suicides u jew overdoses din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Matul is-sena 2007 ġew irrapurtati 27 suwiċidju fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet, f'Malta u Għawdex. Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn Jannar u Novembru 2007 iddaħħlu total ta' 8 pazjenti fl-isptar San Luqa / Mater Dei u f'dak Ġenerali ta' Għawdex b'dijanjożi ta' attentat ta' suwiċidju (ICD-10 Codes: X60-X84). Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-Gozo General Activity Analysis u mid-database tal-Hospital Activity Analysis (HAA) ta' l-isptar San Luqa / Mater Dei. Kien hemm ukoll 216 ammissjoni b'dijanjożi ta' overdose (ICD-10 Codes: Y10-Y14) f'dawn l-isptarijiet. M'għandniex indikazzjoni fejn seta' kien aċċidentali jew inkella intenzjonali. Din l-informazzjoni nħarġet mid-database tal-HAA u mill-A&E Module tal-Patient Administration System.

Addolorata — Oqbra ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fuq il-waiting lists għall-oqbra u kemm hemm u meta huma mistennija jiġu allokati l-oqbra ġodda li hemm referenza għalihom mad-daħla taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Jista' jgħid ukoll fejn tinsab it-talba tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fil-waiting list għall-qabar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29635, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 3320 talba fil-waiting list għal xiri ta' qabar fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata. Il-pjan huwa li jinbnew 2782 qabar ġdid fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata. Minn dawn 2500 ser ikunu għall-pubbliku, l-oħrajn għall-komun. Huwa mistenni li dawn l-oqbra jiġu allokati fil-futur viċin.

Visudyne Therapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Isptar Mater Dei huwiex attrezzat għall-Visudyne (Vertepurfin) Therapy? Jekk le, x'rimedju alternattiv hemm?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Trattament bil-mediċina msemmija mill-Onor. Interpellant ma' jiġix offrut b'xejn mis-Servizz Pubbliku tas-Saħħa. Qed tintuża mediċina alternattiva li ħafna studji internazzjonali wrew li hi effettiva ugwalment.

Nursing and Midwifery Council

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu/ilha nieqsa r-reġistratur/reġistratriċi tan-Nursing and Midwifery Council? Min hu/hija in charge bħalissa floku/flokha? Kemm-il darba ltaqa' n-Nursing and Midwifery Council fl-aħħar tlett xhur u kemm l-każ ikkonkluda? Kemm-il każ hemm pendenti quddiem in-Nursing and Midwifery Council?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-Reġistratur tal-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel siefret bil-leave fl-10 ta' Diċembru 2007, u għandha tirritorna lura fil-25 ta' Jannar 2008. F'assenza simili ta' Reġistratur, il-kollegi l-oħra jissostitwixxu f'rigward mistoqsijiet ġeneriċi mill-pubbliku. It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija qed tinġabar u tingħata risposta f'seduta oħra.

SVPR — Pompi

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx nuqqas ta' pompi Fletcher's phosphate enema fi swali ta' San Vincenz de Paule Residence? Jista' jara li fejn hemm dan in-nuqqas tittieħed azzjoni biex dawn jiġu provduti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pompi msemmija mill-Onor. Interpellant ilhom out of stock mill-Ispiżerija tal-Gvern minn Novembru 2007 minħabba diffikultajiet tal-kumpanija li timanifatturhom. Id-Dipartiment baqa' jixtri mis-suq lokali sakemm l-istokk spiċċa.

Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani illum? X'eta' għandhom? Kemm hawn day care centres għalihom illum u fejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni dwar kemm hawn anzjani llum u l-eta' tagħhom tista' tingħata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. F'Malta hawn sittax il-Day Care Centre. Dawn qegħdin fiż-Żejtun, Ħamrun, Qormi, Dingli, Sliema, Żurrieq, Mtarfa, B'Kara, Bormla, San Pawl il-Baħar, B'Buġia, Mosta, Luqa, Santa Venera, Naxxar, Safii u ieħor speċjaliżżat għall-persuni bi problemi ta' dementia li qiegħed f'San Vinċenz de Paul.

Home helper

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li għandhom home helper illum? Kemm kien in-numru li applikaw din is-sena? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' anzjani li llum għandhom home helper huwa 3509. In-numru ta' applikazzjonijiet sa l-aħħar ta' Novembru 2007 kien 674 u minnhom ġew milqugħa 427. 149 applikazzjoni ma ġewx milqugħa waqt li 98 applikazzjoni qed jistennew ir-rapport tas-Social Worker.

Trabi ta' single mothers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu tfal ta' single mothers din is-sena u minn liema lokalita' kienu l-ommijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bejn l-ewwel ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru tas-sena 2007 ġew irreġistrati li twieldu total ta' 672 -il tarbija minn ommijiet rapportati bħala single. It-tabella ta' hawn taħt turi din l-informazzjoni skond minn liema lokalita' kienu l-ommijiet. Lokalita' Trabi North Harbour 214 South Harbour 188 South East 93 West 58 Northern Region 92 Gozo 27 Total 672

Tobba gradwati

Question

Jista' l-Minisru jirrispondi mistoqsija parlamentari 29506 u jgħid kemm iggradwaw tobba fl-aħħar 5 snin sena b'sena? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom marru jaħdmu barra minn Malta? Minn dawk li baqgħu Malta kemm minnhom jaħdmu full time jew part time mal-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' tobba li ggradwaw fl-aħħar ħames snin huwa kif ġej: Sena Rġiel Nisa Total 2003 23 11 34 2004 28 37 65 2005 27 34 61 2006 23 21 44 2007 26 26 52 127 129 256 Minn total ta' 256 baqa' 223 li kollha qegħdin f' impjieg full-time mal-Gvern.

Home help

Question

Jista' l-Ministru jara li l-anzjana li tgħix fl-indirizz li qed jidher separatament, tingħata l-home help li għandha bżonn minħabba l-kundizzjoni tagħha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Interpellant din il-mistoqsija mhijiex skond l-istanding orders tal-Kamra u għalhekk ma tistax tiġi mwieġba.

Awtorita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hija u minn min hija komposta l-awtorita' li tat l-clearance li l-Isptar Mater Dei huwa up to standard u safe u li kollox huwa skond ir-regolamenti kif isir fil-każ ta' l-isptarijiet privati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħala sptar pubbliku, l-isptar Mater Dei mhuwiex suġġett għal ħruġ ta' liċenzja.

Ipravent

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pazjenti li jieħdu l-IPRAVENT għall-inhaling jew ma jsibux din il-mediċina in stock fiċ-ċentri tas-saħħa jew l-isptar jew inkella jtuhom anqas mit-tliet tubi li huma ntitolati għalihom kull xahrejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ħa l-azzjoni neċessarja biex jinxtara u jitqassam stokk tal-prodott Ipratropium Bromide inhaler. It-tender għax-xiri ta' Ipratropium Bromide inhaler qiegħed jiġi proċessat wara li ntalbu xi kjarifikazzjonijiet. Fil-frattemp inxtara stokk biex jitqassam.

Liġi tal-Health and Safety

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 29220 u jgħid jekk sarx risk assessmentfid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Numru ta' mpjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar San Luqa u sptarijiet oħra sal-aħħar ta' Novembru 2007? Kemm huwa dan in-numru llum? Kemm għandu bżonn aktar nurses d-Dipartiment tas-Saħħa biex jaħdem bl-aħjar effiċjenza?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab miġbura hawn taħt: Sptar Mater Dei Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 3945 -il impjegat. Illum hemm 3936 -il impjegat. Sptar Zammit Clapp Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 113 -il impjegat. Illum hemm 125 -il impjegat. Sptar Monte Carmeli Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 546 -il impjegat. Illum hemm 561 -il impjegat. Residenza San Vinċenz Fl-aħħar ta' Novembru 2007 kien hemm 903 -il impjegat. Illum hemm l-istess 903 -il impjegat. Diffiċli biex tgħid kemm trid Nurses iktar biex tiżdied l-effiċjenza għax il-kejl ta' l-effiċjenza ma jiddependix biss fuq in-numri.

Tobba gradwati

Question

Jista' l-Minisru jgħid kemm iggradwaw tobba fl-aħħar 5 snin sena b'sena? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom marru jaħdmu barra minn Malta? Minn dawk li baqgħu Malta kemm minnhom jaħdmu full time jew part time mal-Gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Home f'Bormla — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu l-ilmenti kontinwi ġejjin minn anzjani residenti fil-Home f'Bormla li qed ikollhom kesħa kbira peress li s-sistema li ssaħħan qed tkun mitfija għal ħinijiet twal?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li s-sistema ta' central heating fid-dar tal-anzjani f'Bormla qiegħda tiffunzjona mingħajr problemi. Din is-sistema ta' central heating tkun mixgħula u tiġi aġġustata skond il-bżonnijiet partikolari tal-anzjani u tad-dar biex b'hekk tinżamm temperatura komda.