Jista’ l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fil-Berġa tal-Mellieħa ħalli din tinfetaħ mill-ġdid ? Jista’ l-Ministru jara li x-xogħlijiet isiru immedjatament minħabba li fil-Mellieħa lanqas hemm ċentru tas-saħħa u qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti speċjalment l-anzjani li qed ikollhom jidhlu l-Mosta biex jieħdu l-mediċini ? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li mill-11 ta' Diċembru 2003 kienu saru arranġamenti sabiex il-berġa tiffunzjona miċ-Ċentru Parrokjali tal-Mellieħa, u dan minħabba li l-berġa ġiet ikkundannata mill-perit responsabbli. Il-Kunsill Lokali appunta perit biex jara jekk hux possibli li l-berġa preżenti tiġi rranġata. Fil-futur se jsir ftehim mad-Dipartiment tal-Kura ta' l-Anzjani biex il-berġa tiġi nkorporata mad-Dar ta' l-Anzjani li hemm ippjanata li tinbena.
Sptar San Luqa/Sptar Sir Paul Boffa — Diviżjonijiet/units
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema huma d-diviżjonijiet u units fl-isptar San Luqa u fl-isptar Sir Paul Boffa li mhux telgħin fl-isptar il-ġdid Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-dipartimenti u l-units fl-Isptar San Luqa u Sir Paul Boffa, li mhux ser jitilgħu l-Isptar Mater Dei fl-ewwel fażi tal-proġett huma kif ġej.
Sptar San Luqa
Id-Dipartiment tad-Dentistrija u d-Dental Outpatients
Id-Dipartiment tal-Fiżjoterapija (out-patients)
Id-Dipartiment ta' l-Occupational Therapy (out-patient)
Ir-Renal Unit
Is-CDAU, jiġifieri l-Clinics ta' l-Outpatients u d-Dipartimenti tal-Fiżjoterapija u Occupational Therapy, tat-tfal
L-Orthotics u Prosthetics Unit
Iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm
L-Istitut tal-Ħarsien tas-Saħħa
l-Iskola tal-Mediċina
Is-servizzi ta' support kollha li hemm bżonn biex dawn id-dipartimenti jiffunzjonaw
Sptar Sir Paul Boffa
Id-Dipartiment ta' l-Onkoloġija
Id-Dipartiment tar-Radiotherapy
Id-Dipartiment tad-Dermatoloġija
In-Neurorehabilitation/Spinal Unit
Is-servizzi ta' support kollha li hemm bżonn biex dawn id-dipartimenti jiffunzjonaw
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa huwiex sodisfatt li l-ikel u xorb mibjugħ lill-istudenti fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex huwa ta' kwalita` u ta' benefiċċju għalihom? X' inhu jagħmel id-Dipartiment biex jara x’qed isir mit-tuckshops, canteens, eċċ., ta’ l-iskejjel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-oġġetti li jistgħu jiġu offruti għal bejgħ minn tuckshops/canteens, m'humiex ikkontrollati minn dan id-Dipartiment.
L-ispezzjonijiet ġo tuckshop/canteen ta' skejjel ta' l-istat, skejjel oħra indipendenti jew tal-Knisja, isiru minn uffiċjali tas-Saħħa Pubblika matul is-sena skolastika. Dan skond lista uffiċjali ta' skejjel li għandhom tuckshop/canteen li tingħata mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni.
L-ispezzjonijiet minn Spetturi tas-Saħħa isiru biex jiġi aċċertat li tali tuckshops/canteens qiegħdin joperaw skond il-Liġijiet Sanitarji, dan bil-poteri mgħotija skond l-Education Act. Nuqqasijiet osservati waqt l-ispezzjoni jiġu referuti lid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni kif titlob l-istess Liġi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm il-koperattiva linen services kellha tieħu mingħand il-gvern fil-31 ta' Diċembru 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta' Diċembru 2003 l-KOLS Ltd kellha tieħu l-flus kif ġej.
St. Luke's Hospital Lm184,251.70ċ
Primary Health Care Lm 3,465.78ċ
Head Office Lm 121.44ċ
Mount Carmel Lm 7,479.08ċ
S.V.P.R. Lm 969.11ċ
Gozo General Hospital Lm 53,792.48ċ
_____________________________________________________________
Total Lm250,079.59ċ
_____________________________________________________________
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dejn tal-gvern fil-31 ta' Diċembru, 2003 mas-suppliers tal-mediċini u medical equipment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fil-31 ta' Diċembru 2003, is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern kellu jħallas Lm9,797,564.
Minn dawn f'Jannar 2004 id-Dipartiment ħallas Lm2,480,295.95ċ u fi Frar 2004 ħallas Lm2,000,000 oħra
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4408 u cioe' hemm possibbilta' li jiġi ntrodott lift fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira minħabba l-bżonn urġenti li hemm għalih?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għaddejin diskussjonijiet sa dan ix-xahar stess mas-sidien tal-post li fih hemm iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira biex jiġi stallat lift. L-Onor. Interpellant jifhem li l-istallazzjoni tal-lift tirrikjedi tibdil strutturali fil-post u dan it-tibdil strutturali jeħtieġ il-permess tas-sid tal-post Għaldaqstant l-istallazjoni ta' lift fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira tkun possibbli biss jekk jintlaħaq ftehim mas-sid.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu impjegati ġodda fl-isptar Monte Carmeli mill-1 ta' Jannar 2002 sal-lum?
Kemm minnhom iddaħħlu mill-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u kemm minnhom daħlu jaħdmu mal-gvern?
F'kull każ, jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' l-ismijiet, l-ID no. u n-natura tax-xogħol ta' kull persuna, jekk hux b'kuntratt definit jew b'kuntratt indefinit u jekk hux qed jaħdmu mal-fondazzjoni jew hux mal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għad-domanda parlamentari numru 4733 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-ismijiet, il-grad u l-ID no. ta' dawk l-impjegati kollha li jaħdmu fl-isptar Monte Carmeli u li fis-sena 2003 qalgħu aktar minn Lm100 f'overtime?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-risposta għad-domanda parlamentari numru 4734 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Minsitru jgħid kemm kien il-performance bonus taċ-chief executive officer ta' l-isptar Monte Carmeli sena b'sena, mill-ħatra tiegħu? X'inhi l-paga tiegħu? Fiex kienu jikkonsistu l-fringe benefits mal-ħatra tiegħu? Kemm kien l-ammont tal-konsum tal-petrol għall-karozza li kienet għall-użu taċ-chief executive officer minn meta ngħata l-karozza? Kemm kien il-mileage fl-istess perjodu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-performance bonus taċ-chief executive officer ta' l-isptar Monte Karmeli għas-sena 2002 kien ta' 8%, li jammonta għal Lm960. Il-performance bonus għas-sena li spiċċat 31 ta' Diċembru 2003 għadu ma ngħatax. Il-paga tiegħu hi ta' Lm13,130 fis-sena.
Mal-ħatra tiegħu, l-fringe benefits kif stipulat fil-kuntratt tiegħu kienu jikkonsistu kif ġej:
Użu ta' karozza
Ħlas tal-kontijiet tat-telefones
Expense account ta' Lm400 fis-sena
Professional membership ta' Lm200 fis-sena
Ħlas għal continuos personal development
Il-ħlas ta' fuel kien ta' Lm588.36ċ u l-mileage hu 14600
Jista' il-Ministru jgħid kemm inxtraw magni tal-ħasil ta' l-art minn meta dawn ġew introdotti fl-isptar Monte Carmeli? Kemm hemm swali li għadhom jużaw dawn il-magni? Kemm hemm minn dawn il-magni li huma bil-ħsara? Kemm hemm minn dawn il-magni li qed jissewwew?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-magni tal-ħasil ġew introdotti fl-isptar Monte Karmeli fl-1999, meta numru ta' magni nxtraw mid-Dipartiment tal-Policy and Planning tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Minn dak iż-żmien sal-lum ma nxtrawx aktar magni għall-isptar Monte Karmeli. Fil-preżent hemm 15-il sala li qed jagħmlu użu minn dawn il-magni. M'għandna l-ebda magna bil-ħsara jew għat-tiswijja.
Peress li l-isptar Monte Carmeli kienu tqassmu numru ta' pagers, jista' il-Ministru jgħid: 1) kemm tqassmu pagers? 2) Min kellu l-awtorita' li juża dawn il-pagers? 3) Kemm għad hemm pagers fl-użu u min għadu jużahom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' pagers li tqassmu fl-isptar Monte Karmeli jammonta għal 34.
It-tabella li ġeja turi lil minn tqassmu u kemm minnhom għadhom jintużaw.
Pagers li tqassmu
Pagers li għ
adhom jintuż
aw
Consultants
8
8
A/Manager Nursing Services
1
1
Departimental Nursing Manager
2
2
Senior House Officers
5
5
Foreman
1
1
Operations Manager
1
1
Principal Social Worker
1
1
Social Workers
10
8
Cleaning Supervisor
1
1
Chaplain
1
1
Night Superintendent
1
1
Transport Supervisors
2
1
Total
34
31
Il-kuntratt għall-għoti tal-pagers ġie iffirmat f'Ottubru 1996.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema partijiet ta' l-isptar Monte Carmeli se jkun permess it-tipjip wara April 2004?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Isptar Monte Karmeli huwa eżentat mil-liġi tat-tipjip, li se tibda taħdem fil-5 ta' April, iżda ser jittieħdu provedimenti biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-ħaddiema fl-istess sptar.
Jista' il-Ministru jaġġornani dwar it-talba tal-komunita' Rabtija sabiex ikun hemm aċċess għal ċimiterju ieħor fil-lokal minħabba li dak ta' Sta. Margerita huwa żgħir ħafna?
Fejn waslet din it-talba? Għaliex qed tieħu daqstant fit-tul meta ħafna familji Rabtin qed ikunu mċaħda li jidfnu lg-ħeżież tagħhom f'ċimiterju fir-Rabat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm kien hemm diversi attentati sabiex jinstab lok addatttat fejn jista' jinbena ċimiterju ġdid fil-limiti tar-Rabat, s'issa tali lok għadu ma' ġiex identifikat.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ngħid li għalkemm huwa minnu li ċ-ċeimiterju tar-Rabat mhux kbir, s'issa dejjem kien hemm spazju biżżejjed biex jilqa d-domanda għad-dfin tar-Rabtin. Ma' jirriżultax li fil-passat riċenti kien hemm xi Rabtin li kellhom jindifnu f'xi ċimiterji oħra barra mir-Rabat, minħabba nuqqas ta' spazju, kif qiegħed jiġi allegat.
Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' nisa u rġiel
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk għadx hemm oqbra għall-bejgħ fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Hemm applikazzjonijiet pendenti? Hemm xi ħsieb li jkabbar l-istess ċimiterju?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa m' hemmx oqbra għall-bejgħ fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorat. Hemm numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra ġo dan iċ-ċimiterju li jinżammu fuq waiting list, biex jiġu allokati l-oqbra l-ġodda skond l-istess lista.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, applikazzjoni għal estensjoni ta' l-istess ċimiterju saret ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u bħalissa għadha qiegħda fi stadju ta' proċessar.
Għal aktar informazzjoni nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Numru 277 tas-Seduta 7 li saret fid-9 ta' Ġunju 2003.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema mod is-settur tas-saħħa se jibbenefika mill-protokol Taljan li ġie fis-seħħ xahrejn ilu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-settur tas-Saħħa se jibbenifika mill-protokol Taljan b'forma ta' għotjiet biex jagħmlu tajjeb għall-parti mill-ispejjeż ta' l-għamara u apparat ta' storage għall-isptar Mater Dei.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-appendiċi kollha li jiffurmaw parti mill-kuntratt iffirmat bejn il-fondazzjoni għas-servizzi mediċi u l-kumpannija INSO biex jiġi provdut u stallat l-apparat mediku u s-servizzi relatati miegħu għall-isptar Mater Dei?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fid-9 ta' Frar 2004 għad-domanda 4131 seduta 101.
Sptar Monte Carmeli — Residenti li jinħarġu biex jieklu barra
Question
Meta pazjenti fl-isptar Monte Carmeli jinħarġu x'imkien biex jieklu, jista' il-Ministru jgħid jekk il-pazjenti hux qedj intalbu biex iħallsu għall-ikel? Jekk fl-affermattiv, minn meta daħlet din il-prassi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħala parti mit-terapija għall-pazjenti, is-sezzjonijiet ta' l-occupational therapy u social work jorganiżżaw ikliet għal pazjenti barra mill-isptar. Parti mill-ispiża tkun sponsorjata minn għaqdiet jew organiżżazjonijiet privati. F'dawn l-okkażżjonijiet soċjali l-pazjenti jiġu mitluba jħallsu parti mill-prezz ta' l-ikla.
Din il-prassi daħlet f'1997 u għadha tintuża sal-lum. Ta' min jgħid li l-ikel kollu li jingħata fl-isptar Monte Karmeli jingħata bla ebda ħlas.