Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Tfal leġittimi

Question

Jaħseb il-Ministru li in vista ta’ sentenza mogħtija mill-qrati tagħna li ddikjarat li d-distinzjoni li l-Kodiċi Ċivili jagħmel bejn tfal leġittimi u dawk illeġittimi tmur kontra d-drittijiet fondamentali tal-bniedem, li dak l-artiklu partikolari għandu jiġi emendat mill-iktar fis sabiex ma tibqax isseħħ din l-inġustizzja f’isem il-ġustizzja?

Response (BORG, TONIO)

Qed jiġu ikkunsidrati diversi emendi għall-Kodiċi Ċivili li jolqtu diversi kwestjonijiet, inkluża l-liġi tas-suċċessjoni u il-kwestjoni sollevata mill-Onor. Interpellant.

Ksur tad-drittijjiet fundamentali tal-bniedem — Sentenzi tal-qrati

Question

Jaħseb il-Ministru li, in vista ta' diversi sentenzi li ddikjaw li diversi artikli tal-liġijiet tagħna (bħall-Kodiċi Kriminali u Ċivili) jmorru kontra u jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u li issa għaddew numru ta' snin minn fuq dawn is-sentenzi mingħajr ma tneħħew dawn l-anomaliji, għandux jiġi mwaqqaf kumitat permanenti, kompost minn ex imħallfin u rappreżentant ta' l-Uffiċju ta' l-Avukat Ġenerali u tal-Kamra ta' l-Avukati, sabiex ikun hu li jabbozza l-emendi neċessarji u b'hekk jiġi ffrankat ħafna ħin u trapass ta' żmien u ma jibqgħux dawn l-anomaliji fil-liġi tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Dan hu proċess kontinwu li jiġi imexxi mill-Uffiċċju ta` l-Avukat Ġenerali, li wara li jgħarbel is-sentenzi indikati, ihejji l-abbozzi relattivi. It-tul ta` żmien mhuwiex iktar minn dak ta` pajjiżi li jkollhom sitwazzjonijiet simili.
Leg 10 PQ #243 Sitting 6 2003-06-04 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Gustizzja u Intern

Żebbuġ — Xiri ta' dar mill-inkwilini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33011 tal-24/4/2002 u għar-risposta tad-29/4/02, jista' il-Ministru jikkonferma li l-gvern huwa l-proprjetarju assolut ta' blokk 1, Government Flats, Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ u jekk l-inkwilini jistgħux jixtru l-proprjeta' li qegħdin jokkupaw bħala residenza u dan fl-isfond ta' ittra tal-11/2/2003 li qegħda tiġi mehmuża ma' din l-interpellanza u li qegħda tintbagħat separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara investigazzjoni iktar bir-reqqa li saret mit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jirriżulta li mhix l-art kollha li fuqha nbena il-Blokk Numru 1, Government Flats, Triq Sciortino, Ħaż Żebbuġ hija tal-Gvern b`titolu assolut. Fil-fatt parti minn din l-art qiegħda għand il-Gvern b`titolu ta` pussess u użu u għalhekk, għalissa ma jistax isir il-bejgħ tal-flats li hemm mibnija fuq din l-art. Wara l-emendi li kien ressaq il-Gvern għall-Ordinanza dwar l-Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi, u li daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena, it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern bħalissa qed tagħmel eżerċizzju sabiex, b`mod gradwali, proprjeta` li qiegħda għand il-Gvern taħt pussess u użu tiġi ikkonvertita b`xiri assolut a bażi ta` dikjarazzjoni tal-President tar-Repubblika li permezz tagħha il-Gvern isir is-sid assolut mal-ħruġ tal-imsemmi dikjarazzjoni.

Qrati — Artiklu 574A

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li l-artiklu 574A tal-Kodiċi Kriminali (li jitkellem dwar is-setgħa tal-Qorti li ex officio tiddeċiedi jekk l-avvert ta’ imputat kienx ġustifikat jew le) jidħol fis-seħħ? Jekk le, meta huwa maħsub li jidħol fis-seħħ?

Response (BORG, TONIO)

Niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant għall-Avviż Legali Numru 110/2003 tal-11 ta` April 2003 li jġib fis-seħħ b`effett mill-1 ta` Ottubru 2003, il-parti l-kbira ta` l-artikoli ta` l-Att ta` l-2002 li jemenda l-Kodiċi Kriminali li kienu għadhom ma nġibux fis-seħħ, fosthom l-artikolu 139 ta` l-istess Att li jintroduċi appuntu l-artikolu 574A fil-Kodiċi Kriminali.

Qrati — Kodiċi kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jekk jogħġbu jinformani jekk l-artikli tal-kodiċi kriminali li jittrattaw il-plea bargaining ġewx fis-seħħ jew le u f’każ li għadhom ma ġewx fis-seħħ, jista’ jgħid jekk wasalx il-mument li jidħlu fis-seħħ?

Response (BORG, TONIO)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-artikolu 108 tal-Att ta` l-2002 li jemenda l-Kodiċi Kriminali billi jintroduċi fl-istess Kodiċi l-artikolu ġdid 453A li jipprovdi għal sentenza fuq talba tal-partijiet. F`dan ir-rigward naghmel riferenza għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 44 f`din l-istess Seduta.

Raħal Ġdid — Reserved Parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti biex isir reserved parking f' Sacred Heart Street, Raħal Ġdid u quddiem liema residenza?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Qrati — Abbużi amministrattivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk minn Ottubru 2002 sal-lum ġewx konklużi xi ftehim bejn il-gvern u l-atturi f'kawżi li hemm bħalissa quddiem il-Qorti fejn il-gvern qed jiġi mfittex għad-danni li allegatament ġew ikkawżati minn xi abbużi amministrattivi? Jekk iva, liema kienu dawn il-kawżi u xi ftehim intlaħaq?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jkun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu u jitlob l-informazzjoni rikjesta b`aktar dettalji.