Persuni li għamlu użu mill-internet għall-pedofelija — Investigazzjonijiet mill-pulizija
Question
Wara l-investigazzjonijiet twal li saru mill-pulizija Ġermaniża tħabbar li persuni f'aktar minn 156 pajjiż inqabdu jużaw l-internet għall-pedofelija, jista' il-Ministru jgħid kienx hemm kuntatt mal-pulizija Maltija f'din l-investigazzjoni? Hemm Maltin involuti? Jekk fl-affermattiv, kemm u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi l-Pulizija Ġermaniża għamlet kuntatt mal-Pulizija Maltija dwar l-investigazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
CCF — Priġunieri li jintbagħtu għall-kura fl-isptar San Luqa
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex priġunieri mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li jkollhom bżonn kura medika fl-Out Patients ta' l-isptar San Luqa u li jitmexxew mill-kuriduri ta' l-isptar bil-manetti, jittieħdu fil-ħinijiet ta' fil-għodu? Ma jaħsibx li dawn għandhom jingħataw trattament f'ħin differenti tal-jum u mhux meta jkun hemm mijiet ta' nies fl-Out Patients?
Response (BORG, TONIO)
L-amministrazzjoni tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi ma għandix kontroll fuq il-ħinijiet li jingħataw l-appuntamenti li jkollhom il-priġunieri għall-Out Patients ta` l-Isptar San Luqa. Dawn jiġu ffissati mit-tobba, professuri u d-dipartimenti konċernati ta` l-istess sptar. Mhux l-ewwel darba li jingħataw appuntamenti għal wara nofs in-nhar ukoll.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet/organizzazzjonijiet/kumpanniji li talbu lill-pulizija biex jaħdmu xogħol extra u s'issa għadhom ma ħallsux? Jista' jgħid kemm hi kull somma li trid titħallas? Kemm ilhom biex jitħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta` Settembru 2003, l-ammont ta` flus li għad irid jitħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għal extra duty maħdum fuq talba ta` terzi jammonta għal Lm76,315, kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li, kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega, dan is-servizz isir fuq talba ta` terzi, u sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar mingħand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi qed isir kull sforz sabiex dan l-ammont dovut jinġabar u jitħallas lill-membri tal-Korp.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra dawk il-kumpanniji/għaqdiet u organizzazzjonijiet oħra li ilhom ma jħallsu lill-korp tal-pulizija ta' xogħol extra? Liema huma u kemm ilhom ma jħallsu? X'inhi s-somma f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1589 f`din l-istess Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-pjanijiet biex jinħatru Assistenti Kummissarji u Supretendenti ġodda? Kemm hemm uffiċjali nieqsa f'dawn ir-ranks bħalissa? Kemm ilhom battala dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċess ta` ħatra fil-karigi ta` Assistenti Kummissarji u Supretendenti fil-Korp tal-Pulizja għadu mhux finalizzat, iżda, inħareġ ir-riżultat tal-eżami li ġie komunikat lil persuni konċernati..
Jista' il-Ministru jgħid minn Ġunju sal-15 ta' Settembru kemm inqabdu żgħażagħ taħt is-16-il sena f'postijiet tad-divertiment? F'liema nħawi kienu? Kemm minn dawn iż-żgħażagħ kienu barranin? F'kemm-il każ ittieħdu passi kontra s-sidien? Ingħalqu xi ħwienet/postijiet ta' divertiment mill-pulizija li fihom instabu persuni taħt l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm 16-il persuna taħt is-sittax-il sena, kollha Maltin, li nqabdu mill-Pulizija f`postijiet ta` divertiment li jinsabu f`San Ġiljan u Wied il-Għajn. B`riżultat ta` dan, il-Pulizija bdiet passi quddiem il-Qorti kontra tlett sidien ta` dawn l-istabbilimenti, liema każi għadhom pendenti quddiem il-Qorti u għaldaqstant fl-ebda każ ma ġiet ordnata is-sospensjoni tal-liċenzja.
Kunsilli lokali — Talbiet dwar ħsarat kawżati mill-maltemp fi djar privati
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li l-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex separatamet ressqu lill-awtoritajiet tal-gvern dwar ħsarat kawżati fid-djar privati tal-familji kawża ta' l-aħħar maltemp li ħakem il-gżejjer tagħna? Liema kienu dawn il-kunsillii f'Malta u liema kienu f'Għawdex? X'passi qed jittieħdu mill-gvern dwar il-każijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ma kellu l-ebda talba dwar dak li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu rrapportati serqiet f'Ġunju, Lulju u Awissu separatament? Jista' jelenka kemm saru serqiet minn djar fl-istess żmien? Kemm saru serqiet ta' vetturi u minn vetturi? F'liema postijiet saru dawn is-serqiet?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 1509, Nru. 1511 u Nru. 1513 dwar l-istess suġġett.
Jista' il-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena sal-15 ta' Settembru kemm ġew rapportati inċidenti tat-traffiku lill-pulizija? Kemm kienu l-inċidenti fatali?
Response (BORG, TONIO)
It-tagħrif mitlub għall-perijodu bejn Jannar u Mejju 2003 hu kif jidher fit-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 106 u Nru. 889.
Għall-perijodu bejn Ġunju u l-15 ta` Settembru 2003 ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa s-segwenti:
Bla feruti
Bil-feruti
Fatali
Total
Ġunju
1,098
76
2
1,176
Lulju
1,286
110
1
1,397
Awissu
1,119
121
2
1,242
Settembru*
515
32
1
548
4,018
339
6
4,363
*sal-15
Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Ħatra ta' kummissjonijiet u bordijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru kummissjonijiet u bordijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu minn April 2003 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi honoraria u benefiċċji oħra u jgħid x'inhuma?
Response (BORG, TONIO)
Ma nħatrux kummissjonijiet u bordijiet fid-dekasteru tiegħi minn April 2003 sal-lum.
Jista' il-Ministru jispjega kif il-proċess ċivili fl-ismijiet Carmelo Magri vs Mixer Limited Citaz Nru 103/99 RCP intilef mir-Reġistru tal-Qorti?
Jista' jgħid x'qed jagħmel sabiex dan il-proċess jiġi rintraċċjat?
Ma jidhirlux li wara li sar protest ġudizzjarju dwar dan il-proċess, kellu jordna li ssir inkjesta, kif ġara f'każi oħra simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċess fl-ismijiet Carmelo Magri vs Mixer Limited, ċitazzjoni numru 103/99 RCP kien qiegħed fir-Reġistru tal-Qrati Superjuri fil-garżella tal-ġudikant li quddiemu qegħda tinstema` l-kawża. Il-proċess intbagħat għand l-Imħallef sedenti peress li l-kawża kienet appuntata għas-smiegħ għat-2 t`Ottubru, 2003.
Ma jirriżultax illi kien hemm xi protest ġudizzjarju dwar l-għibien tal-proċess imsemmi almenu fl-ismijiet indikati fil-mistoqsija parlamentari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu każi ta' abbuż mid-droga fix-xahar ta' Awwissu 2003? Jista' jgħid għal kull każ x'tip u xi kwantita' ta' droga kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Awissu ta` din is-sena kien hemm 34 persuna investigati mill-Pulizija fuq reati relatati mad-droga. Id-droga li nqabdet mill-Pulizija matul l-istess xahar huwa kif ġej:
Cocaine 2kg 989grms
Heroin 32.2grms
Cannabis resin 99.7grms
Cannabis grass 50grms
Ecstacy 7,271.5 tablets
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' permessi u kunsens jeħtieġu dawk li jkunu se jiftħu ħwienet: (a) tax-xorb; (b) ta' l-ikel (take-away/restaurants); (c) tal-laħam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzja tan-negozju imsemmija, m`għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jogħġbu l-Ministru jara, wara d-diversi talbiet tiegħi, li ta' l-inqas jinbena ħajt /ċint mill-iktar fis madwar il-plot żdingat u abbandunat fit-tarf ta' Triq Anġlu Mangion, f'Ħal Tarxien peress li r-residenti ma jifilħux iktar l-inkonvenjent tal-ġrieden li qed jimirħu f'dan il-plot li issa spiċċa post fejn qed jintrema kull forma ta' skart?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bdew il-proċeduri sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot fi Triq Anġlu Mangion, Tarxien. Għalhekk ma jkunx opportun li jsiru spejjeż sabiex jinbena ħajt madwar il-plot f`dan l-istadju.
Studji — Rapporti - Malta - EU - Ministeru tal-Ġustizzja u Intern
Question
Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?
Response (BORG, TONIO)
Ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23467 fil-Leġislatura preċedenti.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1606 u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi talba minn xi dipartiment governattiv sabiex isir żvilupp li jinkludi proprjeta' 32, Eagle Str, Bormla?
Jista' jgħid kif ġiet applikata l-proċedura ta' pussess abbużiv meta dan l-istess gvern f'amministrazzjonijiet preċedenti kien stqarr li din il-proċedura m'għadhiex tintuża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond no. 32, Eagle Street, Bormla jifforma parti minn żewġ blokki ta` bini f`Eagle Street, Hannover Street, Irish Street u St Mark Street li ġew identifikati biex jiġu esproprjati għal fażi li jmiss għal skopijiet ta` Housing (St. Helen`s Gate Project Phase III) mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta` Djar.
Il-postijiet kollha f`dawn iż-żewġ blokki ġew stmati biex jiġu esproprjati b`titolu ta` xiri assolut u appena l-Awtorita` tad-Djar tipprovdi s-somma mitluba ta` Lm234,500.00, id-Dipartiment tal-Artijiet jippublika d-Dikjarazzjoni tal-President ta` Malta għall-akkwist ta` dawn il-proprjetajiet bit-titolu ta` outright purchase.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total ta' membri fil-Korp tal-Pulizija llum? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija sospiżi? Fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Meta ġie sospiż kull wieħed? Liema huma dawk li diġa` dehru quddiem il-Qorti u/jew qed jistennew li jidhru jew quddiem il-PSĊ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,862 membru fil-Korp tal-Pulizija. Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija, it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inġibditli l-attenzjoni, illi t-tagħrif dwar in-numru ta` Kuntistabbli li jien kont ġejt mogħti għat-Tweġiba ta` Mistoqsija Parlamentari Nru. 372, bi żvista ġie mogħti bħala 1,872 meta fil-fatt ried ikun 1,462.
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li każ ta' allegat serq ta' fjuri li jikkonċerna persuna (dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament) ilu pendenti minn Frar 2003 li għadda mal-pulizija ta' Ħaż Żabbar u li dwaru l-pulizija ma tridx tieħu deċiżjoni li jew tressqu quddiem il-Qorti jew tiddikjara li m'għandhiex provi? Kawża ta' dan in-nuqqas din il-persuna li tbati minn kondizzjoni medika ta' ċerta serjeta', qegħda tippreġudika saħħitha għaliex ma tistax tibqa' taħdem fejn kienet qrib id-dar sakemm tittieħed din id-deċiżjoni.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċeduri kriminali dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ser jibdew fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jieħdu ħsieb li jsiru patrols regolari fil-bajjiet tagħna biex jaraw li ma jsirx parking fuq ir-ramel u li jkun ta' periklu għan-nies li jmorru hemm biex jikkreaw ruħhom? Jista' jara li dan isir speċjalment fil-Ġnejna fejn kien hemm diversi rapporti anke fil-gazzetti dwar konfużjoni sħiħa ta' parking li qed ukoll jaffettwa l-ambjent?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta` l-Onorevoli Interpellant lill-awtoritajiet kompetenti.