Jista’ l-Ministru jara li jiġi milqugħ l-ilment mill-persuna li d-dettalji dwar l-ilment qed jingħata separatament rigward traffic lights fil-bypass tal-Gudja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont studji li għamlet Trasport Malta dawn it-traffic lights joħolqu nkonvenjent kbir għall-andament tat-traffiku.
Mosta – Triq l-Indipendenza salib it-toroq ma’ Triq il-Mitħna – manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jieħu passi sabiex fi Triq l-Indipendenza fil-Mosta f’salib it-toroq ma’ Triq il-Mitħna::
a) issir manutenzjoni peress li hemm post li fih jidher li ċediet l-art tal-istess triq;
b) issir tabella li tindika li hemm
rubber bollards
;
c) issir tabella sabiex tindika li dawk il-vetturi li jkunu ġejjin minn Triq il-Mitħna lejn Triq l-Indipendenza, ma jistgħux iduru mar-
rubber bollards
iżda jridu jibqgħu sejrin lejn il-kappella ta’ San Silvestru; u
d) isiru
double yellow lines
fil-kantuniera ta’ Triq l-Indipendenza ma’ Triq il-Mitħna sabiex vetturi kbar li jkun ħerġin minn Triq il-Mitħna fuq in-naħa ta’ Triq Ġużeppi Callus ikunu jistgħu jduru lejn Triq l-Indipendenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġerimenti lill-Transport Malta.
Il-Mosta — Vjal l-Indipendenza - sinjali għal parking bays
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta fl-ispazju tal-parking jkun miżbugħa s-sinjali ta' parking bays biex ikun jista' jinħoloq spazju għall-parkeġġ ta' vetturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għaddejt is-suġġeriment lil Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward linji sofor?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali ta’ Transport Malta, rriżulta li t-triq hija wiesgħa biżżejjed sabiex dawn l-individwi joħorġu l-vettura tagħhom mill-garaxx.
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2016 x’xogħol ta’ restawr sar fuq il-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri u dan peress li jinsab fi stat ħażin minkejja li Transport Malta qed tikri partijiet mill-istess Fanal u ddaħħal eluf ta’ euro fis-sena mill-kirja tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 saret rinovazzjoni u bini mill-ġdid tal-poġġaman tal-ħadid fit-turretta.
Rigward ir-restawr innifsu tal-Fanal, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32362 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm sar xogħol ta’ rikostruzzjoni fuq toroq residenzjali mill-Gvern Ċentrali mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex sar dan ix-xogħol u kemm sewa’ għal kull triq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 32797.
Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – wiċċ ġdid ta’ tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li skont il-Ministru għat-Trasport, Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta tingħata wiċċ ġdid ta’ tarmak?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħlijiet ta’ dan it-tip isiru abbażi ta’ prioritajiet nazzjonali, fondi disponibbli u l-proċess tal-akwist tax-xogħlijiet.
San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - wiċċ tat-tarmak
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jieħu passi biex Triq is-Simar, f'San Pawl il-Baħar, almenu fil-partijiet tat-triq li huma mibnija, tiġi mogħtijia wiċċ bit-tarmak? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Ministeru kellux ukoll diskussjonijiet biex jiġi assigurat li s-servizz li jeħtieġ jitqiegħdu fl-istess triq ikunu mqiegħda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija responsabbli għall-ewwel wiċċ ta’ toroq residenzjali skont il-prioritajiet, fondi pubbliċi u l-proċess tal-akwist ġaladarba dawn it-toroq ikunu ġew iffurmati mill-iżviluppaturi/residenti hekk kif huma obligati bil-liġi.
Burmarrad sa t'Alla u Ommu — applikazzjonijiet għal wiċċ ġdid
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ssottomettiex applikazzjonijiet biex toroq li għandhom bżonn jingħataw wiċċ ġdid, bħat-triq li minn Burmarrad twassal sa' t'Alla u Ommu, hekk magħrufa bħala l-Wied taċ-Ċawsli, fil-fatt ikunu jistgħu jsiru permezz ta' fondi li qed jiġu allokati għal toroq rurali, b'finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Jekk iva, liema toroq ġew inklużi f'dawn l-appikazzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għadha ma ġietx sottomessa u qiegħdin fi stadju ta’ preparazzjoni .
Il-Mellieħa — Applikazzjonijiet għal reserved parking - blue badges
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm applikazzjonijiet għal reserved parking, minn persuni li għandhom blue badge, li joqogħdu l-Mellieħa, li kellhom it-talba tagħhom milqugħa matul l-aħħar sitt xhur, mill-kumitat li hu responsabbli minn dawn l-approvazzjonjiet, min-naħa ta' Transport Malta, fil-Mellieħa? Kemm għad fadal applikazzjonijiet hekk pendenti quddiem dan il-bord, fl-istess lokalità? F'liema laqgħa tal-bord ġew approvati t-talbiet li ġew approvati matul dawn l-aħħar xhur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar sitt xhur kien hemm ħames talbiet mill-lokalità tal-Mellieħa, erbgħa għall-parkeġġ riservati u waħda għal 1.5m Keep Clear Bay.
Il-1.5m Keep Clear Bay ġiet approvata mill-Bord fil-21 ta’ Frar 2017. Tnejn mill-parkeġġi riservati ġew approvati mill-Bord fit-3 ta’ Marzu 2017, fil-waqt li t-tnejn l-oħra ma ġewx approvati mill-Bord tas-7 ta’ April 2017.
Transport Malta ma għandha l-ebda talbiet pendenti għall-parkeġġ riservat fil-lokalità tal-Mellieħa.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulenzi minn individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara Marzu 2013 xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol legali lill-indivdwu u/jew kumpanija li d-dettalji dwarhom ngħataw separatament, fil-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward linji sofor?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi uffiċjal ta’ Transport Malta mar fuq il-post u ġie deċiż li jsiru sinjali doppji faċċata ta’ tali garaxx.
Transport Malta bagħtet ittra lill-Kunsill Lokali sabiex jiġu mplimentati dawn is-sinjali.
Bord li jikkunsidra talbiet għal reserved parkings — laqgħat
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il laqgħa saret mill-Bord li jikkonsidra t-talbiet għal reserved parkings, matul din is-sena? F'kull waħda minn dawn il-laqgħat liema talbiet partikulari (sit biss, mhux minn min saret it-talba), ġew approvati? F'liema raħal u belt madwar Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed titpoġġa lista fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ reserved parkings approvati mill-laqgħat tal-Bord tas-27 ta’ Jannar, tat-3 ta’ Marzu u tas-7 ta’ April 2017.
Ċertifikat dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċertifikat dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija Energy Performance Certificate (EPC) huwiex neċessarju għal min ikun kiseb permess tal-iżvilupp iżda ma jkollux ħsieb li jikkonsma l-permess u lanqas ibiegħ?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – kuntratturi li se jwettqu x-xogħol fit-toroq
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar min se jkunu l-kuntratturi li se jwettqu x-xogħol fuq it-toroq li se jingħatalhom wiċċ ġdid fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar bejn il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu u l-grounds tas-Sirens FC? Kif intgħażlu dawn l-istess kuntratturi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm tax-xogħlijiet għadu qiegħed jiġi mfassal.
Public service obligation — Gozo Channel Transport Joint Venture – vjaġġi bil-vapuri bejn Malta u Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 31605, jista' l-Ministru jgħid meta se tinħareġ is-sejħa ġdida għall-PSO li se jkun ikopri kemm il-conventional ferry service (passiġġieri u vetturi) kif ukoll il-fast ferry service (passiġġieri biss)? Jista' jgħid meta hu maħsub li tagħlaq din is-sejħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-PSO il-ġdida għall- “conventional ferry service” kif ukoll għall- “fast ferry service” jinsab fi stadju avvanzat. Fil-mument qegħda ssir verifika mill-konsulenti u esperti oħra tal- Gvern sabiex nissiguraw li din is-sejħa tkun konformi mar-regoli stabbiliti mill- Unjoni Ewropeja. Id-dati tal-ħruġ u l-għeluq ta’ din is-sejħa jiġu mħabbra aktar ‘l quddiem mid-Direttur tal-Kuntratti.
Baħar iċ-Ċagħaq – trejqa li hemm ma’ Triq Qalet Marku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-trejqa li hemm ma’ Triq Qalet Marku li titla’ għal Magħtab hijiex triq privata? Jekk iva, jista’ jara għalfejn hija two way u jidħlu heavy vehicles għal ġoċ-ċentru ta’ Baħar iċ-Ċagħaq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-isqaq huwa propjeta’ pubblika u jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali li, minn naħa tiegħu jrid jikkomunika ma’ Transport Malta dwar sistemi tal-Immaniġġjar tat-traffiku. Inżid li rigward dan l-isqaq partikolari, għaddejjin xi kwistjonijiet legali.
Peress li bħalma jaf tajjeb il-Ministru, il-kunsilli lokali huma responsabbli għall-manteniment tat-toroq li mhumiex arterjali u distributorji u f’każ ta' bżonn ta' rikostruzzjoni tat-toroq, sew dawk ta’ toroq residenzjali, kif ukoll dawk arterjali, dan huwa xogħol li jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali, jista’ l-Ministru jgħid kemm sar xogħol ta' rikostruzzjoni fuq toroq residenzjali mill-Gvern Ċentrali kemm ilha li nbidlet il-leġiżlatura? F'liema lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li liġi applikabli, relevanti u speċifika għas-suġġett msemmi hi LS 499,57 li tgħid:
TAQSIMA II
KOSTRUZZJONI U MANUTENZJONI TA’ TOROQ
Kostruzzjoni u Manutenzjoni ta’ Toroq.
3. (1) L-Awtorità għandha tipprovdi, jew hi stess jew
permezz ta’ impriża, u fejn ikun adatt b’konsultazzjoni mal-
Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għall-kostruzzjoni,
kostruzzjoni mill-ġdid, twessiegħ, tiġdid, manteniment, titjib,
immaniġġar, manutenzjoni u klassifikazzjoni ta’ toroq:
Iżda fejn triq la tkun triq arterjali lanqas triq distributorja,
il-manteniment, it-titjib u l-manutenzjoni tagħha għandu jipprovdi
għalihom il-Kunsill Lokali adatt skont l-artikolu 33 tal-Att dwar il-
Kunsilli Lokali.
fejn
"titjib" tinkludi t-twessiegħ, allinjament mill-ġdid u l-ifformar
mill-ġdid ta’ toroq;
Lista bid-dettalji dwar xogħlijiet li wettqet Transport Malta fuq toroq li jaqqgħu taħt ir-risponsabbilta’ ta’ Kunsilli Lokali, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, permezz ta' xi direttorat tiegħu wettaqx spezzjonijiet fuq blat li jmiss mal-baħar, mill-ponta tal-Qawra sal-Mistra, matul l-aħħar 12-il xahar? Jekk wettaq tali spezzjonijiet, jista' jagħti tagħrif dwar liema partijiet mill-kosta fil-fatt wettaq spezzjonijiet fuqha, u wkoll jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi deċiżjoni dwar x'passi għandhom jittieħdu dwar dan l-istess periklu li jista' jkun hemm? Meta hu mistenni li jibdew jittieħdu passi dwar dan, u fejn?
Response (MIZZI, JOE)
Ta’ min wieħed jiċċara lil r-responsabilta’ tal-kosta kif imsemmija f’din il-Mistoqsiaj Parlamentari ma tappartjenix lill-Ministeru tiegħi. Is-sid tal-propjeta’ tal-Gvern huwa d-Dipartiment tal-Artijiet(jew L-Awtorita’ tal-Artijiet). Fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet, li jifforma parti mill-Ministeru tiegħi, għandna grupp ta’ Periti li jagħtu servizz lill-Pulizija biex jirrappurtaw, strettament fuq strutturi mibnija perikolużi, għax dik hi l-ispeċjaliżazzjoni tagħhom. Jiġri li dan is-servizz ġieli jiġi estiż biex ikopri wkoll problema ta’ blat perikoluż tul il-kosta Maltija, l-aktar minħabba r-riskju għas-saħħa u s-sigurta’ tal-pubbliku in ġenerali,liema każi aktar jappertjenu lill-professjoni tal-Ġeoloġisti milli dik tal-Periti.
Fil-każ ta’ San Pawl il-Baħar , jien infurmat li f’dawn l-aħħar ġranet , id-Dipartiment intalab biex jibgħat Perit biex jispezzjona żewġ siti partikolari, t-tnejn f’postijiet pubbliċi, fejn ġie rraportat li kien hemm xi forma ta’ riskju ta’ periklu għall-pubbliku in ġenerali.
L-ewwel każ kien fl-akwati ta’ l-Għasselin fejn ġie stabbilit li formazjoni partikolari , forma ta’ daħla fil-blat kienet qed turi sinjali ta’ deterjorazzjoni, b’tali mod li jekk ikun hemm xi għawwiema jew nies fuq xi qoxra tal-baħar li jidħlu fl-akwati, jistgħu jkunu esposti għal riskji ta’ saħħa u sigurta’. F’dan il-każ partikolari diġa’ ingħalaq b’chain link fence l-aċċess minn fuq il-blat għas-sit perikolanti u Transport Malta ser tieħu ħsieb ukoll li tagħlaq l-aċċess mill-livell tal-baħar f’dawn l-akwati. Din il-ġimgħa, bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezjoni Ċivili ser jitneħħa wkoll , sa fejn hu possibli, xi blat perikoluż fl-istess inħawi.
It-tieni każ hu dak ta’ problema fil-wiċċ tal-blat u pilastru perikolanti f’Triq San Franġisk. F’dan il-każ, ser jittieħdu l-passi biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku fil-livell tal-bankina, permezz ta’ chain link fence. Transport Malta ukoll ġew mitluba biex iwaħħlu sinjali li jindikaw il-periklu għall-għawwiema u sidien ta’ opri tal-baħar. Hu ppjanat ukoll li permess tal-għajnuna tad-Dipartiment tal-protezjoni Ċivili jitneħħa wkoll, sa fejn hu possibli, xi blat perikoluż fl-istess inħawi. Finalment ikun jonqos li jinbena retaining wall mill-livell tal-blat biex jgħatti l-wiċċ espost ta’ blat/tafal , simili għal dak li hemm taħt strutturi privati fl-akwati. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet beda l-preparattivi biex jesegwixxi dan ix-xogħol fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-ħlas tal-ilma u d-dawl li jintuża mill- Environmental Landscapes Consortium (ELC) għal-embellishment tat-toroq u roundabouts, u ċjoè jekk dawn il-kontijiet jitħallsux mill-ELC jew inkella minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' wħud mill-landscaped areas jitħallsu minn Transport Malta u oħrajn jitħallsu mill-ELC.