Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #38395 Sitting 875 2003-02-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Importazzjoni ta' prodotti — Tariffi

Question

B'refernza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 38162, jista' il-Ministru jinfurmani liema huma dawk il-pajjiżi li Malta se jkollha aċċess li timporta minnhom il-prodotti nkwestjoni mingħajr ma tħallas it-tariffi ta' 28.8% minkejja li ma humiex membri ta' ta' l-UE? Kemm hija t-tariffa li rridu nkunu konformi magħha meta nimportaw dawn is-sorsi mill-USA, Awstralja, Arġentina, Brażil, Canada, China, New Zealand?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant jaf li l-Unjoni Ewropeja għandha ftehim ta' kummerċ ħieles ma 'l fuq minn mitt pajjiż. Uħud minn dawn il-ftehim huma fuq bażi reċiproka u oħrajn le. B'riżultat ta' dan wieħed jista' jimporta minn dawn il-pajjiżi mingħajr tariffi jew b'tariffi imnaqqsa. Lista ta' dawn il-pajjiżi diġa ingħatat meta weġibt il-mistoqsija numru 38236 waqt is-Seduta numru 866. Id-definizzjoni "other processed foods" hija wiesgħa wisq biex wieħed jagħti dettalji ulterjuri. Barra minn hekk, it-tariffi applikati mill-Unjoni Ewropeja fuq l-importazzjoni mill-pajjiżi kollha li qed issir riferenza għalihom huma kumpilati bħala parti mill-iskeda magħrufa bħala TARIC li hija aċċessibbli mill-web site uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropeja.

Esportazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'hiex bħala setturi kienu jikkonsistu l-Lm205 miljun f'esportazzjoni lejn l-Italja fl-1995? Kif naqset l-esportazzjoni, settur, settur, lejn l-istess pajjiż għal Lm30.3 miljun fis-sena 2001? X'inhi r-raġuni li l-esperti jaħsbu għala ġara dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Trade Statistics ippubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika għas-sena konċernata dwar dettalji fuq kummerċ internazzjonali ta' Malta. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Membru għall-kapitlu dwar il-kummerċ fl-Economic Survey għas-sena konċernata.
Leg 9 PQ #38713 Sitting 875 2003-02-25 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Porvvista' ta' l-ilma — Sospensjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għas-sospensjoni b'mod regolari tal-provvista ta' l-ilma fl-area ta' madwar Triq Victor Vassallo, Ħ'Attard?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-inħawi li qed issir riferenza għalihom, fil-ġimgħat li għaddew kienu qed isofru minn nuqqas ta' pressa ta' l-ilma minħabba ħsarat li kien hemm fis-sistema tad-distribuzzjoni. Dawn il-ħsarat issa issewwew u l-provvista reġgħet lura għan-normal.
Leg 9 PQ #38813 Sitting 875 2003-02-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GATS — Negozjati

Question

X'pożizzjoni qed jieħu l-Gvern fin-negozjati dwar il-qasam tas-servizzi edukattivi tal-General Agreement on Trade in Services (GATS) tal-World Trade Organisation?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li fuq linji ġenerali, il-Gvern jirrikonoxxi li għal pajjiż b'ekonomija miftuħa bħalma hi dik tagħna, fejn niddependu daqstant mill-kummerċ internazzjonali, il-liberalizzazzjoni toffri l-aħjar prospetti għal pajjiżna. Madankollu, fil-prattika, meta wieħed jiġi għad-diskussjoni fid-dettal fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji dwar oqsma speċifiċi, anke minħabba s-sistema li taħdem biha din l-Organizzazzjoni, pajjiż żgħir bħal Malta ftit li xejn jista' jinfluwenza dawn in-negozjati. Għaldaqstant, kif dejjem kien il-każ, Malta issegwi mill-qrib dak li jkunu qed jipproponu il-pajjiżi jew blokki ewlenin. Ta' min jinnota li din is-sitwazzjoni tista' tinbidel biss bis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja. Bi sħubija, Malta jkollha pożizzjoni ġdida fejn ikollna sehem fid-deċiżjonijiet li tieħu l-Unjoni. B'hekk pajjiżna jkun f'qagħda li jinfluwenza l-pożizzjoni ta' l-Unjoni fin-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Kummerċ Dinji.
Leg 9 PQ #38820 Sitting 875 2003-02-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Enemalta

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid għaliex il-komunita' li toqgħod fi Triq il-Wied, Żejtun m'aċċettawlhomx l-applikazzjoni għas-Servizz ta' l-elettriku? Possibli l-Enemalta tgħid meta se twassal is-servizz ta' l-elettriku lil dawn il-familji?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Leg 9 PQ #38324 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Qamħarrun — Importazzjoni mill-UE

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37742, pajjiżna se jkun jista' jimporta mill-UE il-materja prima ta' qamħarrun u/jew prodotti magħmula mill-kompożizzjoni tal-qamħarrun issussidjati mill-Gvern Malti sal-kwota stabbilita fin-negozjati, imbagħad wara pajjiżna jkun jista' jerġa' jesporta dawn il-prodotti lura lejn il-pajjiżi ta' l-UE mingħajr ma jitħallsu t-tariffi sabiex jilqgħu l-livell tal-prezz intern ta' l-UE ta' l-istess sors f'ċirkolazzjoni fl-UE? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim? Jista' l-Ministru jikkonferma t-tunnellaġġ tal-kwota tal-qamħarrun stabbilita għas-sussidju skond kif ġew finalizzati fin-negozjati bejn il-Gvern Malti u l-UE?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38313 waqt is-Seduta numru 872.
Leg 9 PQ #38325 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Xgħir — Importazzjoni mill-UE

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37742, pajjiżna se jkun jista' jimporta mill-UE il-materja prima ta' xgħir u/jew prodotti magħmula mill-kompożizzjoni tax-xgħir issussidjati mill-Gvern Malti sal-kwota stabbilita fin-negozjati, imbagħad wara pajjiżna jkun jista' jerġa' jesporta dawn il-prodotti lura lejn il-pajjiżi ta' l-UE mingħajr ma jitħallsu t-tariffi sabiex jilqgħu l-livell tal-prezz intern ta' l-UE ta' l-istess sors f'ċirkolazzjoni fl-UE? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ftehim? Jista' l-Ministru jikkonferma t-tunnellaġġ tal-kwota tax-xgħir stabbilita għas-sussidju skond kif ġew finalizzati fin-negozjati bejn il-Gvern Malti u l-UE?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38313 waqt is-Seduta numru 872.
Leg 9 PQ #38384 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDP — Tilwima ndustrijali

Question

X'inhija s-sitwazzjoni fl-MDP illum? F'hiex waslet it-tilwima industrijali u kemm hija ż-żieda li qed tintalab?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-kumpanija Malta Dairy Products hija kumpanija awtonoma taħt il-kontroll tal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib. Għaldaqstant nissuġġerixxi li mistoqsijiet dwar din il-kumpanija isiru lill-management ta' l-istess kumpanija.
Leg 9 PQ #38385 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Medigrain — Importazzjoni

Question

Kemm kienet l-importazzjoni mill-Medigrain f'dawn l-aħħar 10 xhur? X'livelli ta' kwalita' ta' ċertifikazzjoni kellhom is-sorsi mportati u mil liema pajjiżi kienu ġejjin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar xhur l-importazzjoni mill-Medigrain kienet tammonta għal mija u għoxrin elf tunnellata metrika. L-importazzjoni saret mill-Istati Uniti ta' l-Amerika, l-Arġentina, il-Brażil, ir-Russja u l-Ukrajna. L-importazzjoni kollha kellha ċ-ċertifikazzjoni mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa, veterinarji u plant health.
Leg 9 PQ #38386 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Medigrain — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani bil-pożizzjoni tal-Medigrain u tal-ħaddiema tal-Medigrain? Fil-fatt il-Medigrain se tagħlaq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Filwaqt li diġa magħruf li l-qasam li fih topera l-Medigrain ser jiġi liberalizzat, il-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi għadu qed jistħarreġ ir-rwol futur tal-Medigrain f'dan il-kuntest ġdid. Dan kollu diġa ġie spjegat direttament lill-rappreżentanti tal-ħaddiema involuti li ngħataw ukoll assikurazzjoni li l-interessi legittimi tal-ħaddiema ser jiġu salvagwardjati.
Leg 9 PQ #38626 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Bini ta' substation

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru W396 li saret lil-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent u li ġiet imwieġba fis-seduta Numru 844 fit-13 ta' Jannar 2003, jista' il-Ministru jgħid: Meta saru ilmenti mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar il-bini ta' din is-substation u jekk saru, sarux bil-miktub jew bil-fomm? Meta ntlaħaq qbil bejn l-Enemalta u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun? Meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA għall-alterazzjonijiet skond il-ftehim milħuq? Minħabba l-fatt li hemm problema kbira fost kumpanniji fil-viċinanzi li jħaddmu n-nies minħabba vultaġġ baxx meta hu maħsub li se tibda din is-substation u meta bejn wieħed u ieħor titlesta? Possibbli l-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li skond ir-rekords miżmuma mill-Korporazzjoni Enemalta, jirriżulta li l-ewwel ilment uffiċjali li sar mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar il-bini ta' substation fi Triq is-Suq sar fl-14 ta' Awissu 2002. Il-qbil intlaħaq waqt laqgħa li saret fis-7 ta' Novembru 2002. L-applikazzjoni biex tinbena substation f'post ieħor ġiet sottomessa fl-20 ta' Jannar 2003. L-applikazzjoni ġiet sottomessa dakinhar peress li l-Awtorita' Maltija ta' l-Ambjent u l-Ippjanar ma kienetx qed taċċetta applikazzjonijiet ġodda b'rizultat ta' azzjoni industrijali meħuda mill-impjegati ta' l-istess Awtorita'. Din l-applikazzjoni, li ggib in-numru 00147/03, kienet ġiet irritornata lill-Korporazzjoni peress li l-levy relattiva ma kienetx tħallset kollha. Il-pagament li kien sar ma setax jittieħed in konsiderazzjoni u l-applikazzjoni kienet ser tiġi ittrattata bħala "B1 full application". Il-Korporazzjoni Enemalta ma tistax tibda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq is-sit il-ġdid li ġie issuġġerit mill-Kunsill Lokali qabel joħroġ il-permess relattiv.
Leg 9 PQ #38662 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 23339 li ġiet imwieġba fit-2 ta' Frar 2001, jista' il-Ministru jinvestiga u jinfurmani għaliex arblu in kwestjoni baqa' fejn kien minkejja li fit-tweġiba tiegħu għal dik il-mistoqsija parlamentari (23339) ġejt aċċertat li 'qegħdin isiru l-arranġamenti meħtieġa biex l-arblu msemmi jitneħħa fl-aqsar żmien possibli'? Għaliex minkejja li għaddew aktar min sentejn l-Enemalta baqgħet ma ħaditx passi? Possibli l-Ministru ġentilment jieħu passi biex jassigura li din id-darba l-Enemalta tieħu passi kif ġejt imwiegħed sentejn ilu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata biex jittieħdu l-passi meħtieġa bla dewmien u jekk hemm xi intopp niġi infurmat.
Leg 9 PQ #38665 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arblu tad-dawl

Question

Jista l-Ministru jgħid meta sejjer jitneħħa l-arblu tad-dawl li hemm eżistenti fi Triq Salvu Aqulina kantuniera ma Triq Sant'Antnin, Mosta li dan l-aħħar kien il-kaġun ta' straġi li saret fid-dar residenzjali wara li sajjetta laqtet lilu u wara li ġibidha baqgħet dieħla fil-faċċata ta' dar li dwar dan hemm diġa rapport lill-EneMalta?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Membru ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni relattiva u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #38668 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Shipbuilding — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw taħt seperate cover jistax jiġi trasferit permanentament mix-Shipbuilding għat-tarzna? Jaf il-Ministru li din il-persuna diġa tagħmel żewġ terzi tas-sena taħdem it-Tarzna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li t-Tarznari qed jaddottaw politika ta' flessibbilta' sħiħa fost il ħaddiema taż-żewġ tarznari u ta' Manoel Island. Dan jimplika li l-ħaddiema jistgħu, minn żmien għal żmien, jintbagħtu jaħdmu f'postijiet diversi skond il-ħtieġa. Għaldaqstant mhux possibbli li xi ħaddiem jingħata garanzija li ser jibqa' jaħdem f'post wieħed għal dejjem. In vista ta' dan, it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ma tistax tintlaqa.

Espostazzjoni — Kummerċ ħieles

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38545 u cioe' kemm esporta pajjiżna lejn il-pajjiżi li l-UE għandha żona ta' kummerċ ħieles magħhom, pajjiż, pajjiż/settur, settur/ prodott, prodott matul l-2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar l-esportazzjoni minn Malta lejn dawk il-pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropeja għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku, u cioe': EEA u EFTA - l-islanda, il-Lechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera EuroMed - l-Algerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija u t-Turkija Balkani - il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija Pajjiżi oħra - ic-Cili', il-Messiku u l-Afrika t'Isfel Din il-lista ma tinkludix id-disa' pajjiżi l-oħra li mistennija jsiru membri ta' l-Unjoni Ewropeja fit-tkabbir li jmiss. L-istess lista lanqas tinkludi l-ħafna pajjiżi oħra li l-Unjoni Ewropeja għandha magħhom ftehim ta' kummerċ ħieles mhux reċiproku.

Esportazzjoni — UE

Question

Jista il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38554 u cioe' kemm huma l-kwoti għal-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi fl-UE, prodott, prodott / settur, settur bħala associate member ma' l-istess UE? Kemm fil-fatt ġew esportati minn pajjiżna lejn il-pajjiżi ta' l-UE prodott, prodott / settur, settur matul 2002?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra statistika dwar l-esportazzjoni minn Malta lejn l-Unjoni Ewropeja. Din l-esportazzjoni tinkludi wkoll żewġ prodotti mis-settur agrikolu li fuqhom hemm kwoti għall-esportazzjoni bla dazji ta' pajjiżna lejn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja. Dawn huma l-patata li fuqha hemm kwota ta' 3,000 tunnellata u l-ħjar żgħir, ta' tul ta' mhux aktar minn 15-il ċentimetru, li fuqu hemm kwota ta' 50 tunnellata. Il-prodotti l-oħra, agrikoli jew ta' l-ikel, fil-preżent huma soġġetti għad-dazju mingħajr il-benefiċċju ta' ebda kwota.

IPSE — Xiri ta' makkinarju

Question

Sabiex l-IPSE tissussidja x-xiri ta' makkinarju tal-SME's irid ikun hemm xi turnover partikulari?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħala għajnuna biex jinxtara makkinarju minn intrapriżi li jaqgħu taħt il-programm ta' assistenza, l-IPSE toffri garanziji biex dik l-intrapriża partikulari tkun f'pożizzjoni aħjar biex tissellef mingħand bank kummerċjali biex tixtri l-makkinarju. Sabiex tinħareġ din il-garanzija ma hemm bżonn l-ebda "turnover" partikulari, basta dik l-intraprża jkollha qliegħ biżżejjed biex tkun tista' tħallas is-somma li tkun issellfet.
Leg 9 PQ #38687 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħaż Żebbuġ — Permessi għall-Substation

Question

Jista' il-Ministru jinfurmani jekk l-Enemalta għandhiex xi applikazzjoni għal substation fl-inħawi ta' Triq Mikelanġ Sapiano f'Ħaż Żebbuġ? Kemm ilha li saret din l-applikazzjoni? Kien hemm approvazjoni għaliha mill-MEPA? Jekk fl-affermattiv meta sejjer jibda ix-xogħol?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fl-1 ta' Ottubru 2001, il-Korporazzjoni Enemalta kienet applikat għand l-Awtorita' Maltija ta' l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex jinħareġ permess biex tinbena substation fi Triq Mikielanġ Sapiano, Ħaż-Żebbuġ. Dan il-permess inħareġ fl-31 ta' Mejju 2002. Ix-xogħol ma setax jinbeda peress li l-Kurja oġġezzjonat li tbiegħ l-art in kwistjoni lill-Korporazzjoni. Minħabba f'hekk, fl-10 ta' Ottubru 2002, l-Enemalta applikat għand it-Taqsima tal-Proprjeta' tal-Gvern biex issir "compulsory acquisition".
Leg 9 PQ #38722 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Hawkers — Liċenzja

Question

Jaf il-Ministru jekk il-kondizzjonijiet tal-hawkers licence hux se tinbidel minn kif inhi llum ħalli dawn ikunu jistgħu jieqfu f'postijiet għal ċertu tul ta' żmien?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma jirriżultax li hemm il-ħsieb li jsir xi tibdil fil-kundizzjonijiet tal-liċenzji tal-hawkers.
Leg 9 PQ #38814 Sitting 874 2003-02-24 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Installazzjonit ta' letter box

Question

Jogħġbu l-Ministru jikkunsidra li tiġi nstallata letter box fi Triq San Anard f'Tarxien (n-naħa ta' fuq ħdejn Triq id-Dejma) peress li l-eqreb letter box tinsab ħafna ħafna l-bogħod?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Membri ġiet mgħoddija lill-Maltapost sabiex tiġi ikkunsidrata.