Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nħarġu permessi ġodda għal ħwienet din is-sena? X'tip ta' ħwienet huma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' permessi li inħarġu matul is-sena li għaddiet. Nixtieq nieħu l-okkażżjoni ninforma l-Onor Membru li kull tlett xhur jiġi ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern il-liċenzji kollha li jkunu ħarġu matul dak il-perijodu.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li wasal il-waqt li meta ma jkunx hemm tfal biex jirtu x-xogħol bħala ħaddiema tax-xatt jew dawn ma jkunux f'pożizzjoni li jirtu, dan ix-xogħol għandu jintiret mill-aħwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m'hemm ebda ħsieb li tiġi estiża s-sistema tal-wirt sabiex jimtlew vaganzi għall-haddiema tal-port. Wara l-Ftehim mal-Ħaddiema nfushom il-liġi tistabilixxi li meta ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema tal-port prospettivi, jiġifieri persuni li għandhom dritt tal-wirt, il-vaganzi għall-haddiema tal-port jimtlew wara sejħa pubblika.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies ħaddiema tax-xatt li ħadu s-somma? Jista' jagħti d-dettalji ta' min huma dawn in-nies, kemm kienu ilhom jaħdmu u kemm ħadu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kien hemm 183 ħaddiem tax-xatt li bbenifikaw minn somma li, skond ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-ħaddiema tax-xatt, tirrapreżenta t-total taż-żieda fl-għoli tal-ħajja sas-sena ta’ rtirar tagħhom. Ma nħossx li għandi ngħati dettalji ta' individwi.

Ħaddiema tax-xatt

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li kien hemm numru ta' nies jaħdmu mingħajr ma wirtu x-xogħol ta' ħaddiema tax-xatt f'dawn l-aħħar għaxar snin u jagħti dettalji ta' min huma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sal-lum kull vaganza għall-ħaddiem tal-port imtliet minn persuni li bbenefikaw mis-sistema tal-wirt.

Prodotti mportati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' prodottii mportati li raħsu u li għolew din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant trid tinġabar minn diversi sorsi differenti u għalhekk diffiċli li tingħata fil-forma mitluba.

Eżibizzjoni ta' l-ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-eżitu ta' l-inkjesta dwar l-ajruplani li ħabtu waqt l-eżibizzjoni tal-ajru fit-2007 li fiha pilota tilef ħajtu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-inkjesta saret minn maġistrat. Għalhekk nitolbok tressaq id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

MTA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u meta l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ġiet impjegata ma' l-awtorita' marittima Maltija? Jista' jgħid: a) saritx sejħa pubblika għal impjieg ta' Berthing Master li tiegħu din il-persuna ngħatat l-impjieg? b) xi kwalifiki jew/u esperjenza għandha din il-persuna biex ingħatat dan l-impjieg? c) kemm hu s-salarju u x'inhuma l-kondizzjonijiet l-oħra li ngħatat din il-persuna għal dan l-impjieg? d) jekk xogħol ta' Berthing Master jinvolvix ukoll ħruġ u għoti ta' liċenzji kif ukoll l-għoti ta' l-irmiġġi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-persuna konċernata ġiet impjegata bħala berthing master ma’ l-Awtorita’ Marittima fl-2001 wara sejħa pubblika fil-gazzetti lokali. Is-salarju tiegħu hu ta’ 21,465 ewro u għandha l-użu ta’ mobile phone. Hu responsabbli għall-irmiġġi fil-yacht marinas ta’ l-Awtorita’ liema proċess ma jinvolvix il-ħruġ ta’ liċenzji.

MTA — Berthing Master

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien/kienet il-persuna li kienet tokkupa l-kariga ta' Berthing Master ma' l-awtorita' marittima Maltija qabel ingħata l-impjieg lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid għaliex ġie tterminat l-impjieg ta' din il-persuna li kienet tokkupa l-kariga ta' Berthing Master u meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-persuna li kienet tokkupa l-kariga ta’ berthing master qabel huwa impjegat ta’ l-Awtorita Marittima, u jokkupa l-kariga ta’ Personnel Manager.

MTA — Jott "Quest"

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u fuq liema kriterji l-jott "Quest" ingħata rmiġġ permanenti mill-awtorita' marittima Maltija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-yacht “Quest” ingħata rmiġġ fuq bazi annwali (maghruf bhala ‘permanenti’) fl-1 ta’ Ġunju 1998 meta dan daħal minflok yacht ieħor li kien diġa jgawdi minn kuntratt ta’ rmiġġ fuq bazi annwali. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf min kien imexxi l-Malta dak iż-żmien.

Ta' Qali — Crafts village

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tenders fuq xogħol fil-crafts village Ta' Qali li kellhom jaqgħlu fid-9 ta' Jannar, għalqux? Jekk dan ma sarx, x'inhi r-raġuni wara dan? Jista jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta' l-istess xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dawn it-tenders ħarġu mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq, u għalhekk nitolbok tindirizza l-mistoqsija lil dak il-Ministeru.

Liġi tal-health and safety

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 29214 u jgħid jekk sarx risk assessment fid-dipartimenti u d-dekasteru tiegħu skond kif titlob il-liġi tal-health and safety f'każ li bini partikolari jkun okkupat b'aktar minn għaxar persuni? Jekk fl-affermattiv, f'liema dipartimenti sar tali risk assessment u tista' kopja tiegħu titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra? F'liema dipartimenti ma sarx?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saru r-risk assessments neċessarji fid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru. Ir-risk assessment fil-Ministeru nnifsu għad irid isir.

Lanċa tal-pilot

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-lanċa tal-pilot fil-Port l-Kbir kenitx bil-ħsara bil-konsegwenza li l-vapuri kellhom jidħlu l-Freeport biex jiġbru l-pilot li mbagħad idaħħalhom fil-Port il-Kbir? Ma jaħsibx li din toħloq inkonvenjent u spejjeż bla bżonn lis-sidien tal-vapuri?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-lanċa li l-kuntrattur tal-Belt kien qed jopera ġiet fil-fatt irtirata mis-servizz temporanjament bejn is-6 u l-11 ta’ Dicembru sabiex isirulha tiswijiet urġenti. Matul dawn il-jiem il-bastimenti kienu mitluba jimbarkaw il-pilota minn Marsaxlokk. Ngħarraf ukoll lill-Onor Membru li l-ftiehim konkluż mal-Piloti Marittimi f’Diċembru li għadda, jipprovdi għas-servizzi tal-laneċ tal-pilota, mill-istess piloti marittimi, fil-portijiet Maltin. Dan għandu jżid l-effiċjenza peress li issa ser ikun hemm erba’ laneċ tal-pilota joperaw fiż-żewġ portijiet. Dan apparti l-investiment li ser isir mill-piloti marittimi sabiex jinxtraw żewġ laneċ ġodda.

Fondi ta' ristrutturar

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx xi fondi ta' ristrutturar mill-Unjoni Ewropea għall-industrija ta' mastrudaxxi żgħar? Jekk hemm, kemm hemm fis-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sal-ġurnata ta' llum għadhom ma ħarġux proġetti b’finanzjament taħt il-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea 2007-2013 minn xi entita' Governattiva għal ristrutturar fl-industrija ta’ mastrudaxxi zgħar. Madankollu hemm proġetti ta’ taħriġ ta’ ħaddiema taħt il-Leonardo da Vinci, titjib ta' l-ambjent tal-fabbrika u ħarsien ta’ saħħa u sigurta fuq il-post tax-xogħol. Informazzjoni fuq dawn il-progetti tista tinkiseb mill-Ministeri kkoncernati.

Ġarr ta' merkanzija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-esportaturi humiex moqdijin bis-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija lejn swieq fejn il-fabbriki tagħna jesportaw lejn pajjiżi oħra peress li hemm ilmenti serji li m'hemmx servizzi adegwati u hemm min qed jaħseb li jitlaq minn Malta minħabba f'hekk?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parti l-kbira ta’ l-importaturi u esportaturi huma moqdijin sew bis-servizzi provduti mill-portijiet tal-Belt u ta’ Marsaxlokk. Il-Gvern, f’dawn l-aħħar snin ħa diversi miżuri sabiex jara li s-servizzi minn u lejn Malta jiżdiedu u dan partikolarment bil-miżuri li ħa sabiex il-portijiet tagħna jsiru aktar kompetittivi. Il-Gvern ukoll għandu kuntratt ma’ operatur sabiex jiggarantixxi li Malta dejjem ikollha servizz bejn Malta u l-Italja. Tajjeb li wieħed japprezza li, minn żmien għal żmien u minhabba elementi kummerċjali, ċertu linji ikollhom jibdlu l-itinerarji tas-servizzi tagħhom. Dan jista’ jaffettwa xi esportaturi li kienu mdorrijin jġorru l-merkanzija tagħhom fuq xi linja partikolari.

Yacht Marinas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna yacht marinas fil-gżejjer tagħna? F'kull yacht marina kemm għandna postijiet fejn jorbtu yachts? Xi pjanijiet hemm għall-ftuħ ta' yacht marinas ġodda f'pajjiżna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-rapport anwali ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta.