Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet governattivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
Rigward il-politika tal-Gvern dwar ir-rappreżentanza taż-żgħażagħ f'bordijiet governattivi, nirreferi lill-Onor. Membru għall-programm elettorali tal-1998 tal-Partit Nazzjonalista li f'sezzjoni VIII, proposta numru 200, jgħid li Gvern Nazzjonalista "jiżgura li jkun hemm preżenza ta' żgħażagħ fil-bordijiet kollha li d-deċiżjonijiet tagħhom jolqtuhom b'mod sinifikattiv."
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Nru. 7876.
28.7.99
Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Talbiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu talbiet pendenti quddiemu bħalissa d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għall-akkomodazzjoni alternattiva? Kemm minnhom jikkonċernaw single parents?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi hemm 3274 talba għall-akkomodazzjoni alternattiva li minnhom 77 huma talbiet minn single parents.
9.6.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm: (a) Impjegati b'diżabilita' reġistrati skond l-Att ta' l-impjiegi b'diżabilita' ta' l-1969; (b) Impjegati oħra li għandhom diżabilita', ma' kull ministeru, dipartimenti, korpi parastatali, kummissjonijiet, korporazzjonijiet, banek, awtoritajiet, aġenziji, programmi eċċ fejn il-gvern għandu maġġoranza ta' l-ishma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-Numru ta' mpjegati li huma persuni b'diżabilita' reġistrati skond l-Att ta' l-Impiegi b'Diżabilita' ta' l-1969 huwa ta' elf, mija u tmienja u tmenin (1,188).
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma' għandha l-ebda informazzjoni dwar impjegati oħra li għandhom ukoll diżabilita' iżda mhux reġistrati skond l-Att ta' l-Impjiegi b'Diżabilita' ta' l-1969 u li jaħdmu fis-settur pubbliku.
9.6.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' nies li biddlu l-impjieg tagħhom minn Ottubru 1998 sa Frar 1999, xahar b'xahar maqsumin f'irġiel u nisa u bl-etajiet? Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jaħdmu mingħajr permess minn Ġunju 1998 'l hawn? Kemm minn dawn kienu barranin? Kemm minnhom kienu jieħdu r-relief jew jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minnhom għadhom ma għalqux is-16-il sena? Jista' jagħti l-informazzjoni xahar b'xahar, maqsuma f'irġiel u nisa u bl-etajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
2.6.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' koppja miżżewġa li jgħixu flimkien u li legalment huma separati u li xi waħda minnhom tieħu l-pensjoni mnaqqsa b'riżultat tas-separazzjoni xi jkun is-sehem lil persuna l-oħra mill-imsemmija pensjoni mnaqqsa? Jekk sistema bħal din ma teżistix, jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-gvern li jintroduċi xi ħaġa f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, filwaqt li fil-każ ta' pensjonijiet li jitħallsu b'rati fissi l-liġi tiprovdi rata għal raġel miżżewweġ li jmantni mara u rata oħra għal persuna waħedha, fil-każ ta' pensjoni li titħallas taħt l-iskema nazzjonali taż-żewġ terzi, r-rata ta' pensjoni għal raġel miżżewweġ u persuna waħedha hija l-istess.
Għalkemm iż-żewġ tipi ta' pensjoni jistgħu jitnaqqsu jew jinqasmu (skond il-każ) minħabba separazzjoni, dan it-tnaqqis jew qsim isir kemm il-darba jkun hemm sentenza tal-Qorti li tordna dan, jew jekk ikun hemm xi forma ta' ftehim legali bejn il-partijiet.
L-ammont li bih tinqasam il-pensjoni ikun regolat skond is-sentenza tal-Qorti jew il-ftehim legali imsemmi. Fin-nuqqas ta' sentenza tal-Qorti jew Ftehim legali bejn il-partijiet, il-pensjoni tinqasam biss kemm il-darba il-pensjonant nnifsu jaċċetta li jsir dan.
F'dan il-każ jekk il-pensjonant jinsisti li l-pensjoni ma tinqasamx, fil-każ tal-pensjoni taż-żewġ terzi ma jista' jsir xejn iżjed legali mid-Dipartiment, filwaqt li fil-każ ta' pensjoni li titħallas b'rata fissa, kemm il-darba ikun ipprovat li r-raġel mhux imantni lil martu, id-Dipartiment inaqqas dik il-parti dovuta għal mara mir-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali. Din il-parti li titnaqqas ma titħallasx lil mara. Fl-istess waqt id-Dipartiment jitlob lil mara sabiex tibda proċeduri legali kontra żewġha għal manteniment.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li l-postijiet tal-Gvern fl-oqsma residenzjali ta' San Patrizju u Sant'Andrija, f'Pembroke jiġu mibjugħa lill-inkwilini li qed jokkupaw ir-residenzi msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar bdiet tagħmel il-"valuations" fuq ir-residenzi tal-lokalitajiet imsemmija fejn l-inkwilini tagħhom għamlu talba biex jixtru r-residenza governattiva tagħhom.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji/korporazzjonijiet, eċċ li jħaddmu nisa b'anqas minn 20 siegħa fil-ġimgħa? Kemm hemm minn dawn in-nisa, settur, settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li la d-Dipartiment tax-Xogħolijiet u lanqas il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ ma jżommu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Health and Safety Division tagħmilx stħarriġ dwar is-sistemi tal-produzzjoni użati fl-Industrija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-frażi "sistemi tal-produzzjoni" hija kemmxejn vaga fil-kuntest ta' din il-Mistoqsija Parlamentari. Jekk l-Onor. Interpellant qed tirreferi għal prattika ta' kif isir ix-xogħol (work practices, jew inkella għal apparat jew makkinarju użat fuq il-linji ta' produzzjoni (work equipment), inklużi, 'conveyor belts' jew 'production lines', allura, l-Ispetturi tat-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol jagħtu każ dawn it-tip ta' ħwejjeġ imsemmija, u fejn jindunaw b'xi perikli għas-saħħa, jiġbdu l-attenzjoni ta' min iħaddem biex jirrimedja s-sitwazzjoni.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-1994 sa l-1998, kemm kienu qed jaħdmu nisa fuq bażi fulltime u part-time, settur settur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi kemm kien hemm nisa jaħdmu fuq bażi "full-time" u Tabella B turi kemm kien hemm nisa jaħdmu fuq bażi "part-time" sa l-aħħar ta' Diċembru 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998, maqsuma skond is-setturi ekonomiċi.
Din l-informazzjoni tiġi ppublikata minn żmien għal żmien mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika f' "News Releases" bħal dik mehmuża ma din ir-risposta.
3.5.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5724, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-rakkmandazzjonijiet li saru lis-sidien ta' l-azjendi privati fil-144 spezzjoni li saru sabiex jinżammu l-istandards tas-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-postijiet tax-xogħol li kienu spezzjonati minn Spetturi għas-Saħħa u s-Sigurta' kienu varji u fihom issir firxa wiesgħa ta' xogħolijiet differenti. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru allura kienu jirriflettu mhux biss dan il-fatt, iżda wkoll il-perikli li ġew identifikati u li kienu jvarjaw skond in-natura tax-xogħol. Fi kwalunkwe każ, ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażi fuq Att Numru VII tal-1994, u fuq ir-regolamenti maħruġa taħtu.
L-iktar rakkomandazzjonijiet komuni kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' passi biex "employers" ineħħu perikli jew inaqqsu riskji kaġunati mill-użu u ħażna ta' kimika fuq il-post tax-xogħol, nuqqasijiet relatati mal-ħruġ u mal-użu ta' "personal protective equipment", in-nuqqas ta' certifikar ta' "lifts" u "hoists", nuqqas ta' superviżjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' organiżżar ta' eżamijiet mediċi għall-ħaddiema.
3.5.99
Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li toqgħod is-Swatar, Msida, id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod ġo flat tal-gvern, hux veru li qed tħallas aktar milli suppost? Din hija persuna separata b'żewġt itfal.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-kera li qed tħallas il-persuna indikata huwa l-inqas wieħed possibbli għall-appartament li hi tokkupa. Infurmat ukoll li l-impjegati tad-Dipartiment għall-aktar minn darba waħda spjegaw lill-persuna b'dan, u li l-kera tagħha ma tistax tonqos aktar minn hekk.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, se tingħata dar xierqa fejn toqgħod għaliex fejn qiegħda qed jaqa'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ indikat qed ikun ikkonsidrat ma oħrajn simili. Iżda peress li hi persuna waħeda, u trid tmur toqgħod biss San Ġwann jew San Ġiljan, hu diffiċli li d-dipartiment isibilha xi post.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha tifla u toqgħod għaliha, hijiex qed tirċievi l-pensjoni adegwata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
3.5.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna tispiċċa mix-xogħol wara aktar minn 25 sena servizz iżda jkollha anqas minn 61 sena, hijiex intitolata sabiex tieħu unemployment benefits?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuna li tkun reġistrata taħt l-Ewwel Taqsima tar-Reġistru miżmum skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Att dwar is-Servizzi ta' Impieg u Taħriġ ikollha dritt għal benefiċċju tad-disimpieg jekk:
a. tkun ħallset aktar minn 50-il kontribuzzjoni bħala persuna mpjegata (ta' l-Ewwel Klassi)
u
b. li tkun ħallset jew kellha akkreditati mhux anqas minn għoxrin kontribuzzjoni ta' l-Ewwel Klassi għall-aħħar sentejn sħaħ ta' kontribuzzjoni tagħha qabel il-bidu tas-sena ta' benefiċċju.
3.5.99
Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed nibgħathom separatament, tkun tista' tibda tirċievi l-pensjoni wara li ilha li għalqet il-61 sena aktar minn xahrejn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-pensjoni tal-persuna minnu ndikata issa waslet biex tiġi ffinaliżżata u għandha tirċievi ċ-ċekk fi ftit ġranet oħra. Dan id-dewmien seħħ minħabba illi t-taqsima tal-pensjonijiet kellha tiġbor xi nformazzjoni minn għand l-ex employer tal-persuna msemmija. Dan it-tagħrif issa wasal. Irrid inżid ngħid illi l-istess persuna se tiġi wkoll infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li sejra tirċievi.
3.5.99
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata s-servizz tal-Home Help minħabba l-urġenza ta' din is-sinjura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif intqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3555 il-Bord tal-Home Help kellu jiltaqa biex jikkunsidra l-każ ta' din l-anzjana. Fil-fatt il-Bord iltaqa u wara li ra r-rapport mediku, kif mimli oriġinarjament mit-tabib kuranti tagħha u anke r-rapport tas-Social Worker, il-Bord iddeċieda li din l-anzjana mhix intitolata għas-servizz, almenu s'issa.
3.5.99