Legislature:
Category:
Reset
Active:

Festi tal-Karnival — Premju Best of the Best

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-premju Best of the Best fil-Karnival din is-sena ma ngħatax? Jista' in oltre jgħid it-trofew tal-fidda fejn qed jinżamm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Kummisjoni Nazzjonali Folklor waqqaf għal din is-sena biss il-Premju Best of the Best. Ir-raġuni li ma ingħatax il-premju din is-sena hi li il-Kummisjoni qed tirrevedi il-proċess ta' kif jiġi allokat dan l-unur. It-trofew qed jinżamm fl-uffiċju tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.

Teatru Manoel/St. James Cavalier — Rendikont finanzjarju

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rendikonti finanzjarji tat-Teatru Manoel u St. James Cavalier? Jista' jagħti breakdown tal-produzzjonijiet li ttellgħu fit-Teatru Manoel u f'St. James Cavalier? Kemm inbiegħu biljetti f'kull produzzjoni? Kemm sar qliegħ jew telf minn fuq kull produzzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar, u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — Kuratur tal-mużewijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni f'Għawdex m'hawnx kuratur tal-mużewijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Membru li f'Heritage Malta r-responsabbiltajiet f'kull qasam ma jiddistingwux bejn Malta u Għawdex għaliex l-istrateġija hija waħda ħolistika li tkopri kemm Malta u Għawdex u għalhekk hemm kuratur għall-kull qasam differenti. Pero' għal fini ta' Għawdex u l-amministrazzjoni ta' Heritage Malta f'Għawdex hemm ukoll Manager - Gozo sites li dalwaqt għandu jkun appuntat. Gradi oħra jiġu appuntati skond il-proċeduri wara li jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv li bħalissa qiegħed jiġi diskuss.

Ċelebrazzjonijiet għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hija/huma l-kumpanija/kumpaniji li ntgħażlu biex jorganizzaw iċ-ċelebrazzjonijiet għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nassumi li l-Onor. Membru qed jirreferi għal dik il-parti taċ-ċelebrazzjonijiet fil-lejl ta' bejn it-30 ta' April u l-1 ta' Mejju 2004, u nista' nagħrfu li d-direttur tal-kuntratti, nhar il-Ġimgħa 27 ta' Frar 2004, ħareġ Letter of Acceptance lil Welcome Europe Consortium biex ikunu jistgħu jorganizzaw il-programm għal dakinhar.

Dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea — Ċelebrazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema attivitajiet Malta ħadet sehem sa issa u f'liema bi ħsiebha tieħu sehem fl-inizjattivi li qed torganizza l-Irlanda biex tiċċelebra d-dħul ta' 10 pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li fuq inizjattiva ta' l-Irlanda biex tiċċelebra d-dħul ta' 10 pajjiżi fl-Unjoni Ewropea f'Mejju li ġej, Malta ser tieħu seħem f'attivita' msejħa Waterford Spraoi. Peress li l-attivita' hija waħda folkolrista Malta ser ittella' żewġ kantanti folkloristiċi.

Marsa racing club

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Marsa racing club hux qiegħed iġiegħel lill-istazzjonijiet kollha tat-tv iħallsu biex ikunu jistgħu jiġbdu u jxandru t-tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru? Jista' jgħid xi ħlasijiet qed jitlob lil kull stazzjon individwali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Kunsill tal-Malta Racing Club qiegħed jitlob lill-istazzjonijiet televiżivi lokali kollha biex iħallsu lill-istess Kunsill pagament annwali-staġjonali jew inkella għal kull laqgħa ta' tiġrijiet talli dawn jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-kumpless tal-korsa, biex l-istess stazzjonijiet jiffilmjaw u jipproduċu programmi televiżivi dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel. Min-naħa tiegħu il-Kunsill tal-Malta Racing Club joffri lill-kummentaturi sportivi u rappreżentanti ta' dawn l-istazzjonijiet kull assistenza u anke posizzjoni favorevoli ta' iffilmjar tat-tiġrijiet (commentary and filming position). Din il-politika adottata mill-Kunsill tmur lura sas-snin disgħin u kull ftehim ma' stazzjonijiet televiżivi hu konfermat bl-iffirmar ta' kuntratt li jorbot iż-żewġ naħat. Min-naħa l-oħra l-Kunsill dejjem aċċetta t-talbiet, u anki mingħajr ħlas, ta' dawk l-istazzjonijiet televiżivi lokali li flok iddeċidew li jipproduċu programm televiżiv dwar l-isport iddeċidew li jiffilmjaw biss għal ftit minuti waqt laqgħa ta' tiġrijiet biex l-istess filmat jintuża waqt l-aħbarijiet sportivi tagħhom. Dan konformi wkoll mal-liġi lokali ta' l-istampa. Il-Kunsill tal-Malta Racing Club qiegħed jagħti wkoll mingħajr ħlas l-assistenza tiegħu lill-ġurnalisti tal-media stampata u radjofonika. Il-politika tal-Malta Racing Club hija waħda konformi ma' dak deċiż anke minn federazzjonijiet u assoċjazzjonjiet oħra sportivi Maltin dwar ħlas minn kumpanija tal-media. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija din hija ta' natura kummerċjali.

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwal ta' nisa u rġiel

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Membru li l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hija 85% irġiel filwaqt li 15% hija kostitwita min-nisa. Fir-rigward ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw il-bordijiet u kummissjonijiet l-perċentwali hija ta' 0.8%.

Palazz tal-President — Tisjir fil-kuridur quddiem l-uffiċċju tal-prim ministru

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadu ma ħax passi sabiex ma jsirx tisjir fil-kuridur tal-palazz tal-Parlament quddiem l-uffiċċju tal-prim ministru, liema intervent ta' tisjir qed jikkawża ħsarat lill-patrimonju tal-palazz partikolarment il-pittura u l-induratura?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, u it-tweġiba tingħata iktar il-quddiem.

Minsiteru għaż-żgħażagħ u kultura — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet? Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta' pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f'kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista' jintuża aħjar. L-Onor. Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.

Żona tar-Ragħad — Rabat Malta - Ħarsien kulturali

Question

Jistgħu l-awtoritajiet responsabbli mill-ħarsien kulturali tagħna jinvestigaw jekk iż-żona protetta magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr ta' Malta sarx xi tħammil minn min xtara din l-art bil-ħsieb li jiżviluppaha biex fil-kas jittieħdu l-passi kollha biex ma jibqax isir xogħol li jeqred il-wirt storiku tal-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li madwar ġimagħtejn ilu, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju kulturali intalbet minn xi persuni min-naħa tal-pubbliku biex tinvestiga xogħol ta’ tħammil li kien qed isir fiż-żona magħrufa bħala tar-Ragħad, ħdejn l-Imġarr. Din iż-żona hija magħrufa għall-katakombi u oqbri antiki li fiha. Iż-żona hija kkunsidrata bħala waħda ta’ ċertu valur importanti. Ir-rapporti kienu fil-fatt ikkonfermati wara spezzjoni li saret fuq il-post, u passi ġew mittieħda minnufih. Irriżulta li veru kien hemm xi tħammil tal-ħamrija ftit il-bogħod mill-fdalijiet arkaeoloġiċi. Jidher illi dan ix-xogħol ma kellux effetti negattivi fuq il-fdalijiet arkaeoloġiċi. Madankollu, s-Sovrintendenza ħadet passi minnufih permezz tal-Pulizija u l-MEPA kontra dan l-iżvillup illegali. Il-MEPA ħarget Stop works notice (Rif. ECF 00039/04) waqt li l-Pulizija intalbet tinvestiga l-każ biex tkun assigurata l-protezzjoni taż-żona. Għadhom qed isiru spezzjonijiet taż-żona, kif ukoll investigazzjonijiet rigward il-proprjetarji tal-art.

Festi nazzjonali — Ċelebrazzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4242 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' tgħid kemm hu ppjanat li jonfoq il-gvern fuq il-festi nazzjonali tal-31 ta' Marzu, 2004 fl-għeluq tal-25 anniversarju? X'inhuma ċ-ċelebrazzjonijiet li beħsiebu jagħmel il-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-programm ta' l-attivitajiet sabiex jiġi ċċelebrat il-25 anniversarju ta' Jum il-Ħelsien għadu ma ġiex ffinalizzat. Infurmat pero' li din is-sena mhux ser ikun possibbli li r-Regatta tal-31 ta' Marzu issir quddiem il-Maċina u dan minħabba x-xogħol ta' żvilupp li għaddej bħalissa. Għalhekk din is-sena ir-regatta ser tinżamm minn Ras Ħanżir sa quddiem id-Dwana l-Antika. Dan fisser li kellha ssir żieda addizzjonali fin-nefqa ta' Lm 5,000 aktar mis-sena l-oħra. Għalhekk ġew ivvutati Lm 9,500.

Festi tal-karnival — Ħlas ta' sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din is-sena l-ħlas tas-sussidju għall-karnival ġie skedat f'mod differenti mis-soltu? X'inhi r-raġuni li għalkemm ċerti pagamenti kellhom isiru f'żewġ tranches bejn Diċembru u Jannar, il-pagament ta' Jannar sa l-14.02.04 kien għadu ma sarx?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-ħlas tas-sussidju għall-Karnival 2004 ġie skedat bi ftehim mall-parteċipanti biex isir f'Novembru / Diċembru 2003 u f'Jannar / Frar 2004. Fil-fatt, il-ħlas sar fit-tieni ġimgħa ta' Diċembru 2003 u fit-tielet ġimgħa ta' Frar 2004.

Tiġrijiet tar-regatta — Tqassim ta' VIP tags

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura ta' kif jitqassmu VIP tags waqt it-tiġrijiet tar-regatta li jsiru f'Marzu u Settembru? Jista' jgħid ukoll min hu responsabbli għat-tqassim ta' dawn it-tags?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li parti sostanzjali mit-tags tar-Regatta jiġu mqassma mill-Għaqda Regatta Nazzjonali. Il-bqija jitqassmu mill-Kumitat Festi Nazzjonali. Huma jgħaddu dawn it-tags lill-kull distrett li qiegħed jipparteċipa fir-Regatta. Dawn min-naħa tagħhom iqassmu lid-delegati, uffiċjali u qaddiefa. Jingħataw VIP tags ukoll lill-media lokali, VIP’s li jikkonsistu f’ġurnalisti barranin, nies distinti oħra bħal Sindki, kunsilliera, membri parlamentari, membri ta’ l-Għaqda Regatta Nazzjonali, il-Kumitat Festi Nazzjonali, membri ta’ Kunsill Malti għall-Isport, membri ta’ Kunsill Malti għall-Kultura u Arti kif ukoll membri tal-ġurija, Il-proċedura hija stabbilita kull sena u talbiet ġodda wkoll jiġu kkunsidrati.

Tiġrijiet tar-regatta — Dope testing lill-qaddiefa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn din is-sena ma kienx hemm ippjanat li jsir dope testing fuq il-qaddiefa tar-regatta, liema testijiet ilhom isiru għal ħafna snin? Jista' jgħid jekk ingħatatx informazzjoni lill-qaddiefa (kollha jew uħud minnhom) li ma kienx se jsir dan it-test?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li r-regolamenti tar-Regatta jiġu maħruġa mill-Kumitat Festi Nazzjonali. Dawn ilhom is-snin li stabbilew il-fatt illi l-qaddiefa jkunu suġġetti għad-doping tests. Dan it-test isir jekk, meta u x'ħin jiddeċiedi l-Kumitat Festi Nazzjonali u mhux neċessarjament li jsir kull sena. Il-qaddiefa li jiġu suġġetti għat-test jintgħażlu mill-Kumitat Festi Nazzjonali u jintgħażlu permezz ta' polza u allura l-ebda qaddief ma' jkun jaf jekk hux ser ikun suġġett għal dan it-test.

Kumpless sportiv tal-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema fażi waslu l-pjanijiet biex isir it-tibdil meħtieġ fil-kumpless sportiv tal-Marsa? Jista jgħid x'ser isir matul din is-sena finanzjarja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Kunsill Malti għall-Isport qiegħed iħejji pjan fit-tul għal dan il-kumpless. Iżda minkejja dan, qed ikompli x-xogħol fuq il-bini ta' car park, dressing rooms, faċilitjiet amministrattivi u sub station li jikkonsisti fi frame structure li fuqha l-quddiem ikun jista jsir il-bini ta' sports hall u jsiru x-xogħolijiet kollha li jibqa' ta' servizzi elettriċi u mekkaniċi kif ukoll ta' finitura.

Mġarr — Ħarsien tal-wirt storiku

Question

Jista' issa l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi 4033 u cioe' xi pjanijiet hemm għal matul is-sena 2004 għall-ħarsien tal-wirt storiku fl-Imġarr, Malta u l-limiti tiegħu mill-istrutturi li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li d-doveri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali jkopru bosta miżuri ta' protezzjoni tal-patrimonju kulturali. Din is-sena is-Sovrintendenza diġa ħadet azzjoni kontra żvilupp illegali li kien qed isir fl-inħawi tar-Ragħad fejn jinsab katakombi kristjan u fdalijiet arkaeoloġiċi oħra. Din l-azzjoni qed tkun ikkordinata mall-M.E.P.A. u il-Pulizija. F'dawn il-ġranet diġa' ttieħdet azzjoni mill-M.E.P.A. li ħarġet stop works order (ECF 00039/04) kontra dan l-iżvilupp illegali. Min-naħa l-oħra it-taqsima ta' l-arkaeoloġija f'Heritage Malta qiegħda tfassal proposta għall-proġet għall-konservazzjoni u preżentazzjoni aħjar tal-Banji Rumani f'Għajn Tuffieħa. Id-dettalji ta' din il-proposta ser ikunu mgħarufa sa tmiem is-sena preżenti. Matul is-sena 2004, Heritage Malta qiegħda wkoll tkompli x-xogħol ta' manutenzjoni ta' rutina u kontroll ta' ħaxix ħażin, li huwa dejjem meħtieġ f'siti bħat-tempji ta' Ħaġrat u ta' Skorba. Fl-inħawi ta' Ħaġrat ukoll, riċentament intgħaraf il-bżonn li l-ilmijiet li jinġabru mit-toroq waqt l-għargħar jiġu kkontrollati aħjar sabiex ma ssirx ħsara fit-tempju. Dan ix-xogħol ser jeħtieġ il-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti, u għandu jitwettaq sa tmiem din is-sena. Riċentament ukoll inbdew taħditiet bejn il-Kunsill Lokali ta' din il-lokalita', Heritage Malta, u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, sabiex jinstabu mezzi biex il-wirt kulturali għani li hemm f'din il-lokalita' jitgawda aħjar.

Kunsill Malti għall-isport — Użu ta' sustanzi illegali waqt l-isport

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3653, jista’ il-Ministru jgħid jekk il-kunsill Malti għall-isport ingħatax parir legali dwar dak li ġie allegat mill-għaqda tal-bodybuilding dwar l-użu ta' sustanzi illegali fl-isport?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi skond il-konsulent legali tal-Kunsill Malti għall-Isport, riferenza għall-każ imsemmi il-parir legali huwa :- 1. Il-mediċini indikati fir-rapport ma humiex inklużi taħt ir-regolamentazzjoni ta' l-Ordinanza ta' Mediċini Perikolużi. 2. L-Att dwar l-Isports, sallum għadu ma jirregolax l-użu ta' sustanzi mediċinali fl-isports, pero' l-Att jagħti lok għal leġislazzjoni sussidjarja li tista' tiġi annessa mal-liġi minn żmien għall-żmien. Dan il-proċess beda permezz ta' Bord imwaqqaf mill-Ministeru f'Novembru 2003.

Għawdex — Spezzjonijiet fil-faċilitajiet sportivi ta' l-iskejjel

Question

In konsegwenza ta' l-inċident fatali li seħħ is-sena l-oħra fi skola ġewwa Malta, jista' il-Ministru jgħid jekk f'Għawdex sarux xi spezzjonijiet fil-faċilitajiet sportivi kollha biex jiġi assigurat li hemm tagħmir tajjeb u li ma jkunx ta' riskju in partikolari għat-tfal?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lil Onor. Membru tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Dar il-Mediterran — Sistema ta' cooling towers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3394, jista' il-Ministru jara li jiġi nvestigat kif hu possibbli li jinstab rimedju ħalli jkun evitat l-inkonvenjent ta' l-istorbju kkawżat mis-sistema attwali tal-cooling towers? Billi jirriżulta li dawn il-cooling towers saru snin ilu u allura jista' jagħti l-każ li m'humiex konformi mar-regoli u l-istandards taż-żmenijiet tal-lum, jista' jara li jsiru l-alterazzjonijiet meħtieġa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Intepellant li l-cooling towers saru skond is-sengħa u l-arti u għadhom fi stat tajjeb. M'hemmx il-ħsieb li dawn jinbidlu. Biss qiegħed isir studju biex jiġi determinat kif jistgħu jitnaqqsu dawn il-ħsejjes.

Dar il-Mediterran — Regoli ta' sound proofing

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3394, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-regoli ta' sound proofing li jeżistu fl-istabiliment in kwestjoni għall-attivitajiet tal-mużika? Jista' jinformani ma' liema regoli u standards ta' sound proofing ta' l-Unjoni Ewropea huma konformi l-permessi in kwestjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Membru li r-regolamenti tas-sound proofing li japplikaw għall-stabbilimenti simili ma jagħmilhomx dan il-Ministeru, għalhekk nitolbu jagħmel il-mistosija lil Ministru konċernat. Fir-rigward tal-permessi li għandhom iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi jikkonformaw mar-regolamenti li hemm kurrenti fil-pajjiż. Madanakollu iċ-Ċentru qiegħed iħares lejn possibilitajiet sabiex il-ħsejjes jitaffew u diġa’ bdew xogħolijiet relativi.