Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-investigazzjonijiet u l-ħruġ ta' childrens allowance f'isem il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant lil-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara x' inhi r-raġuni li l-persuna indikata under seperate cover m' hix intitolata li tieħu l-għajnuna għall-qgħad, u dan wara li din il-persuna tkeċċiet mill-impjieg tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap. 318) biex persuna tikkwalifika għall-Assistenza Soċjali għal waqt il-Qgħad, trid tkun qed tirreġistra taħt l-ewwel parti tar-Reġistru miżmum mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Jirriżulta li din il-persuna ma kienetx qed tagħmel dan.
Jista' l-Ministru jgħid peress li ġie kkonfermat li l-kera tal-persuna hawn taħt indikata, kellha tkun Lm36 fis-sena, kif allura ntalab tħallas Lm351 bħala ħlas ta' kera ta' sena u nofs?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi sentejn ilu l-persuna ndikata baqgħet ma pproduċietx dokumenti mitluba mid-Dipartiment biex issirilha reviżjoni tas-sussidju u għalhekk waqgħet taħt kera kummerċjali ta' Lm180 fis-sena. Din is-sena pproduċiet id-dokumenti u l-kera ġiet reveduta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li ġew boarded out din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali iżomm statistika ta' kemm persuni jingħataw Pensjoni għal Invalidita'. Din il-pensjoni kontributorja tingħata lil persuni, li jkunu ġew ċertifikati minn bord mediku tad-Dipartiment, li huma nkapaċi għal xogħol xieraq għal mill-anqas tlett snin.
In-numru ta' persuni li ngħataw din il-pensjoni għall-ewwel darba bejn l-1 ta' Jannar u l-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena huwa ta' 696.
Jista' l-Ministru jinvestiga ilment li wasalli li lill-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qalulhom li għalkemm l-investigazzjonijiet dwar l-intitolament tagħhom għaċ-childrens allowance ġew mitmuma mhumiex ser jitħallsu qabel Novembru għax allegatament ma hemmx flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-familja ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha, inkluż il-fatt li l-allegazzjoni li m'hemmx flus hija invenzjoni bla bażi ta' xejn.
Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għall-PQ 28482 jispjega kif minn 3,752 rapport ġew spezzjonati 2,846, jiġifieri ma' saritx spezjoni għal 906 rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Figuri mogħtija in konnessjoni mal-Mistoqsija Parlamentari 28482 kienu dawk sal-aħħar t'Awissu 2001.
Il-Bilanċ li għadu qed jiġi proċessat jammonta għall-585 każ.
It-321 każ l-ieħor minn total oriġinali ta' 3,752 kellhom jiġu mwarrba kawża ta':
- Nuqqas ta informazzjoni/dettalji
- Rapporti meqjusa "infondati' wara li ġew mqabbla mad-database tal-ETC
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti b' referenza għal PQ 28139 dettalji dwar l-etajiet tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-etajiet tal-persuni li l-każ tagħhom ġie verifikat matul Jannar u Awissu ta' din is-sena u ta' dawk li sofrew korrimenti fatali.
Jista' l-Ministru jgħid b' refernza għat-tweġiba għal PQ 28479, jistgħu jiġu riveduti kirijiet ta' qabel it-13/3/1987 bil-għan li dawk li diġa' qed jiġu riveduti jkunu jistgħu jinżammu baxxi kemm jista' jkun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-kirjiet kollha, kemm dawk ta' wara l-1987 kif ukoll dawk li saru qabel huma regolati mill-kuntratt ta' kera li kull inkwilin jiffirma wara li jiġi allokat post.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jsir lift fl-appartament f' Door 1 Triq Saint John Cavalier Valletta peress li hemm persuni b' mard kroniku serju fis-sulari ta' fuq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li m'hemm ebda applikazzjoni ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-istallar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li jiġi investigat il-każ ta' l-anzjana li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija u li għamlet 9 snin u nofs taħdem u issa spiċċaw bla pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mara separata li bħala proprejta tagħha għandha d-dar u l-garage, għandhiex dritt li tieħu r-relief kollu? Jista' l-Ministru jgħid x'benefiċċji tas-sigurta' soċjali għandha dritt għalihom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninfoma lill-Onor. Interepllant li d-dar tar-residenza u garage għall-użu privat ta' l-applikant ma jittieħdux fil-konsiderazzjoni tal-kalkolu tad-dħul għall-għoti ta' Assistenza Soċjali. Il-liġi dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi għall-ħlas ta' numru ta' benefiċċji, li biex wieħed jikkwalifika għalihom irid jissodisfa diversi kundizzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, fin-nuqqas ta' dettalji speċifiċi, mhux possibbli li nagħti risposta dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija. Nissuġġerixxi li l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tingħata parir tkellem l-uffiċjal inkarigat fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' l-appell ta' ġuvni li ġie maqtugħ mir-reġistru tax-xogħol u qiegħed jistenna li jibagħtu għalih mill-Bord ta' l-Appell, jitmexxa mil-aktar fis peress li barra li dan il-ġuvni ma għandu l-ebda dħul għandu wkoll tarbija? Jista' din il-persuna tiġi infurmata bl-aħħar żvillupi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-appelli quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jinstemgħu wara xulxin skond l-ordni li jkunu waslu għand l-Awtorita'. Ninsab infurmat li l-appell tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant imissu jinstema' fit-23 ta' Ottubru 2001.
Jista' l-Ministru jara li l-każ quddiem l-appell għall-pensjoni tal-wens ta' persuni li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jitmexxa minħabba li urġenża ta' dan il-każ? Jista' dan is-sinjur jiġi infurmat bl-aħħar żvilluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna konċernata ġa tressaq quddiem l-arbitru maħtur skond artikolu 107 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap) 318 li ddeċieda li jitlob aktar informazzjoni. Għaldaqstant irrimanda l-każ għal data oħra u għalhekk inħoss li ma nistgħax nintervieni f'dan il-mument peress li l-każ għadu sub judice.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew boarded out persuni fl-aħħar tmin snin sena b'sena u lokal b'lokal (kunsilli lokali)
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, minn din is-sena, beda jżomm statistika, lokal b'lokal, ta' kemm persuni jirċievu Pensjoni għal Invalidita'. Din il-pensjoni kontributorja tingħata lil persuni, li jkunu ġew ċertifikati minn bord mediku tad-Dipartiment, li huma nkapaċi għal xogħol xieraq għal mill-anqas tlett snin.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' persuni, lokal b'lokal skond il-Kunsilli Lokali, li fl-aħħar ta' Settembru 2001 kienu qed jirċievu l-Pensjoni għal Invalidita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk in-nies li tilfu d-dritt li jikkwalifikaw aktar għall-benefiċċju tal-mard kroniku matul dawn l-aħħar 12-il-xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dritt għall-Għajnuna tal-mard li titħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, jiddependi fost ħwejjeġ oħra fuq it-test tal-meżżi, u ċ-ċirkostanzi tal-familja.
Jista' jkun hemm diversi tibdil fiċ-ċirkostanzi tal-benefiċċjarju, bħal per eżempju:
a) mewt;
b) wirt;
c) żidied fir-riżorsi kapitali, jew fid-dħul;
d) tibdil fin-numru tal-membri tal-familja tal-benefiċċjarju konċernat.
Għalhekk, mhux possibbli li tingħata t-Tweġiba għal din il-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk in-nies li għandhom il-karta r-roża din is-sena? Kemm kien dan in-numru għas-sena 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ma jżommx statistika ta' kemm hemm Karti r-Roża validi f'perjodu partikolari, dan għaliex wara li tagħlaq il-validita' tagħha din tista' tiġi mġedda f'kwalunkwe żmien. Id-Dipartiment iżomm statistika ta' kemm jinħarġu Karta r-Roża sena b'sena u ċ-ċifri huma kif indikat fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ħlasijiet li qed ikollhom iħalsu persuni li qed jużaw is-servizzi ta' l-Eden Foundation għolewx, għaliex għolew, kemm kienu qabel u kemm huma issa. X'forma ta' għajnuna fi flus jingħataw dawk li jridu jagħmlu użu min dan is-servizz. Jista' l-Ministru jgħid jekk parti mill-ħlas li jsir mill-ġenituri humiex refundable kemm-il darba ma jibqgħux jagħmlu użu mis-servizz offrut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali jiffinanzja parti minn wieħed mis-servizzi li toffri l-Eden Foundation, imsejjaħ Servizz ta' Taħriġ u Appoġġ għall-Adulti u għalhekk nista' nirrispondi biss dwar dan is-servizz. Ninsab infurmat li l-miżati għaż-żewġ programmi f'dan is-servizz ma għolewx.
Filwaqt li ma tingħatax għajnuna fi flus lil dawk li jipparteċipaw f'dawn iż-żewġ programmi, infurmat li, f'każ fejn ikun hemm persuni li ma' jistgħux iħallsu, l-Eden Foundation tinvestiga l-każ bil-ħsieb li tnaqqas il-miżata jew teżenta lil dik il-persuna milli tħallas.
Ninsab infurmat ukoll li ma ssirx rifużjoni tal-miżati għax dawn normalment jitħallsu b'lura.