Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li permezz tiegħu fiż-Żurrieq tinbena health clinic diċenti? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni? Jista' l-Ministru jara illi sew jekk tinbena waħda ġdida, kif ukoll dik eżistenti jkunu aċċessibbli minn nies anqas xxurtjati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent ma hemm l-ebda pjan li tinbena berġa (klinika tad-distrett) ġdida flok dik preżenti. Jekk jiġi identifikat xi post ieħor li jkun aktar adekwat mill-klinika preżenti, id-Dipartiment lest li jikkonsidra l-proposti, dejjem skond il-limiti finanzjarji mposti mill-Budget tiegħu u l-prijorita' ta' proġetti oħra tad-Dipartiment.
Id-Dipartiment jagħmel dak kollu possibbli sabiex jipprovdi aċċessibilta' għal nies anqas ixxurtjati.
Kienu saru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali dwar din il-possibilta', iżda l-postijiet li ġew proposti ma kienux aċċettati għax ma kienux adekwati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-permessi kollha meħtieġa r-razzett li hemm fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar peress li l-ġirien qed jilmentaw minn dubbien, ħmieġ u intiena qawwija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ġejt infurmat li r-razzett indikat fi Triq San Ġorġ, San Pawl il-Baħar, huwa kopert b`liċenzja ta` cowshed. Minn l-aħħar spezzjoni li saret f`dan ir-razzett mill-ispettur tad-distrett, fit-3 ta` Marzu 2000 irriżulta li l-istat ta` ndafa huwa wieħed sodisfaċenti. L`unika akkumulu ta` demel hu miġbur fil-`manure clamp` li hija kkomunikata mas-sistema ta` drenaġġ. Peress li dan id-demel huwa fi stat semi solidu ma jistax jitneħħa preżentament. L-irwejjaħ huma minimi u ma ġiex innutat dubbien eċċessiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Isptar San Luqa? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mis-16 ta' Settembru 1999 sal-4 ta' Jannar 2000 saru 193 trasferimenti lill-ħaddiema tal-isptar San Luqa. Minnhom 29 intalbu mill-impjegati stess. Il-bqija saru u jibqgħu isiru skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-pilloli special item ta' persuna li, il-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minħabba, l-bżonn ta' dawn il-pilloli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif għidt f'diversi risposti preċedenti, ma jidhirlix li għandi nagħti nformazzjoni kunfidenzjali jekk ma tiġix segwita l-proċedura skond ir-risposta li tajt għall-mistoqsija Nru. 13567.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14276, filwaqt li napprezza li din tista' tkun problema ta' diffikultajiet legali kbar, jista' l-Ministru jgħid x'passi ntalab jieħu l-importatur? Jekk jirriżulta li dawn l-ambulanzi kienu misruqin, jew kellhom xi partijiet misruqa, x'passi se jieħu d-dipartiment issa ġaladarba diġa' ntnefqu flus il-poplu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tlett ambulanzi waslu Malta b'ċertifikat uffiċjali magħruf bħala Certificate of Permanent Export. Waqt li n-numru tax-`chassis' kien korrett, in-numru tal-magni ma kienx jikkorrespondi.
L-importatur kien intalab jibdel il-magni qabel ma jiġu Malta. Waqt li dan għamel hekk, il-numri ġodda tal-magni ma ġewx ikkoreġuti fuq id-dokument formali.
L-importatur inżammlu l-pagament sakemm ġab iċ-ċertifikat korrett. Dan i-ċertifikat wasal u ser inpoġġih fuq il-mejda tal-Kamra.
Għaldaqstant ma kienx hemm każ ta' serq u lanqas tberbqu flus il-poplu kif allega l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14343?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern teżisti biss informazzjoni komputerizzata mill-1998. Il-valur tal-mediċini li qassam il-Gvern fl-1998 kien ta' Lm7,216,966 waqt li fl-1999 dan kien ta' Lm8,221,389.
Il-valur tal-mediċini li tqassmu fl-isptarijiet li jidhru hawn taħt hu kif indikat:
Sptarijiet 1998 1999
________________________________________________
Sptar Boffa 403,673 502,607
Sptar San Luqa 4,534,087 4,930,672
Sptar Monte Carmeli 102,976 155,798
Sptar San Vinċenz 145,761* 127,471*
__________________________________________________
*Jinkludi mediċini mqassma fid-djar oħra ta' l-anzjani tal-Gvern.
Id-Dipartiment m'għandux informazzjoni fuq kemm minnhom jaqgħu taħt il-kartuna s-Safra u kemm taħt il-kartuna r-Roża.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn qiegħed jirrifjuta li jingaġġa patoloġisti meta biex jingħata servizz fil-klinika ta' Bormla qed ikollu jinżel patoloġist mill-klinika ta' Raħal Ġdid tlett darbiet fil-ġimgħa? Għaliex din ix-xeħħa f'qasam daqshekk importanti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-podoloġista. Jekk dan hu l-każ, nirreferih għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 13098.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-polikliniċi? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mis-16 ta' Settembru 1999 sal-4 ta' Jannar 2000 saru 2 trasferimenti lill-ħaddiema tal-Polikliniċi. Dawn intalbu mill-impjegati stess.
Peress li l-Ministru kkonferma li l-preparazzjonijiet li qed isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa biex jitnaqqsu l-listi kbar li għandhom pendenti l-pazjenti Maltin u Għawdxin sabiex jagħmlu l-operazzjonijiet tal-kataretti, xorta mhux se jindirizzaw l-problema fl-immedjat, jista' l-Ministru jikkonsidra li jinġieb team mediku barranin sabiex f'perijodu mmedjat jagħmel dawn l-operazzjonijiet ta' l-għajnejn li qed jikkawżaw problemi kbar lill-popolazzjoni anzjana tas-soċjeta' tagħna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sabiex niffukaw fuq il-waiting list tal-kataretti fl-għajnejn, minn Awissu 1999 beda jintuża esklussivament għal operazzjonijiet ta' l-għajnejn, tejatru fl-isptar Karen Grech.
Fil-preżent qed isiru operazzjonijiet ta' l-għajnejn kuljum filgħodu, u wara nofsinhar ukoll f'ċertu ġranet. Qed nesploraw jekk nistgħux nagħmlu sessjonijiet wara nofsinhar fil-jiem kollha tal-ġimgħa biex b'hekk titnaqqas il-waiting list preżenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Ambulanzi? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mis-16 ta' Settembru 1999 sal-4 ta' Jannar 2000 saru 8 trasferimenti lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Ambulanzi. Minnhom 1 intalab mill-impjegat stess. Il-bqija saru w jibqgħu isiru skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika, s'issa, kemm kellna każi ta' meningite rrapportati fl-iskejjel tagħna? Kemm studenti u kemm għalliema? Kemm minnhom kienu fatali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jien infurmat illi matul is-sena skolastika 1999/2000, sa llum, kien hemm 7 każi ta' mard bil-meningococcus li ġew rappurtati fi tfal li jattendu l-iskola. Ma kien hemm l-ebda każ rappurtat fl-għalliema ta' l-iskejjel. Minn dawn is-seba' każi, tnejn minnhom kienu fatali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mis-16 ta' Settembru 1999 sal-4 ta' Jannar 2000 sar 264 trasferimenti lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Minnhom 60 intalbu mill-impjegati stess. Il-bqija saru u jibqgħu isiru skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ingwent ta' l-arthrite, Wintergreen Ointment, ilu madwar sena ma jingħata mill-ispiżerija tal-Gvern, fin-Naxxar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jien infurmat li dan il-prodott qed jiġi rtirat mill-manifatturi minħabba li hu antik u llum hawn mediċini aħjar. Għaldaqstant inbeda l-proċess mid-Drugs & Therapeutic Committee (D.T.C.) biex jinqata' wkoll mill-formularju Malti.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex testijiet mediċi relatati ma' bronchite kronika damu sitt xhur biex isiru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-domanda hija vaga ħafna u ma nistax nagħti risposta. Imma jekk l-Onor. Membru għandha xi każ partikolari, tgħaddili l-informazzjoni skond kif indikajt fit-tweġiba għad-Domanda Nru. 13567 f'seduta 235.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' meningite ġie rrapportat matul l-1999 u f'dawn l-ewwel ġimgħat ta' din is-sena?
Kemm kien hemm imwiet?
Id-Dipartiment tas-Saħħa jibgħat ċirkolaritajiet fl-iskejjel kollha f'Malta u f'Għawdex biex javża kif għandhom jimxu l-għalliema fil-klassi biex jiġi evitat mard fost l-istudenti? F'din l-aħħar sena u ftit ġimgħat meta intbagħtu fl-iskejjel? Dawn kienu jinkludu l-iskejjel indipendenti u tal-Knisja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jien infurmat li mill-1 ta' Jannar 1999 sa llum ġew rappurtati 32 każ ta' mard kaġunat mill-mikrobu tal-meningococcus.
Minn dawn it-32 każ mietu sebgħa.
Min-naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, meta jkun hemm każ, anki jekk suspettuż, ta' meningococcus fi skola ta' l-istat, tal-knisja jew indipendenti, jintbagħat fuljett informattiv dwar din il-marda lill-Kap ta' l-Iskola.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Isptar Zammit Clapp? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fl-Isptar Zammit Clapp ma ngħatawx trasferimenti lill-ħaddiema mis-16 ta' Settembru 1999 sal-4 ta' Jannar 2000.
It-trasferimenti jsiru skond l-esiġenzi tas-servizz.