Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żejtun — Parking traffic signs

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari tiegħi 11441 tista' il-Ministru ġentilment tgħid x'kien l-eżitu ta' l-investigazzjoni li għamlet il-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' u x'passi ħadu jew beħsiebhom jieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b'Diżabilita', jidher li s-sinjali li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant huma diskriminatorji fil-konfront ta' persuni b'diżabilita'. Ninsab infurmata wkoll li l-Kummissjoni infurmat lill-Awtorita' Maltija dwar it-Trasport b'dan u bdiet diskussjonijiet ma' l-Awtorita' biex din id-diskriminazzjoni tieqaf mill-aktar fiss possibli.

Każ ta' pensjoni mill-Amerika

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li ħadmet bejn is-snin imsemmija separatament hijiex intitolata għall-pensjoni mill-Amerika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kkomunika direttament bil-miktub mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Dipartiment tad-djar

Question

Billi ħafna persuni li jkunu krew postijiet mhumiex intitolati għal sussidju għax is-sid ma jridx jiffirma biex il-post ma jidhirx għal skopijiet ta' taxxa, tista' il-Ministru tgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment fuq dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna tapplika taħt Skema R ta' l-Awtorita' tad-Djar għal sussidju fuq il-kera ta' dar mill-privat trid tipproduċi kopja tal-kuntratt tal-kera u l-irċevuti tal-kera. Applikazzjoni li ma tkunx akkumpanjata minn xi wieħed minn dawn id-dokumenti ma tistax tiġi proċessata. Minn naħa tagħha l-Awtorita' titlob lis-sid jikkonferma li l-applikant ikun fil-fatt qed jikri mingħandu u bl-ammont ta' kera kif murija fl-applikazzjoni. Meta sid, għal xi raġuni, jonqos li jagħmel dan, l-applikant jintalab jikkonferma bil-ġurament l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni.

Care order fuq tfal

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn tfal illi fuqhom ħarġet care order is-sena l-oħra u din is-sena u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta' Care Ordersli nħarġu fl-2004 u din is-sena, sat-12 ta' April, kien 86 u 17 rispettivament. Care Orders jinħarġu għax it-tfal konċernati jkollhom bżonn ta' ħarsien, protezzjoni jew kontroll kif stabbilit fl-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-Ħarsien).

Sigurta' Soċjali — Relief

Question

Tista' persuna taħdem part-time mingħajr ma titlef id-dritt għar-relief?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, meta kap ta' familja tkun persuna li m'hiex miżżewġa u li ma tistax taħdem bi qliegħ full-time għax tkun trid tieħu ħsieb it-tarbija tagħha, jista jkollha dritt għall-Għajnuna Soċjali skond il-provedimenti u l-kundizzjonijiet elenkati f'Artikolu 30 (7) ta' l-imsemmi Att, jekk taħdem part time. F'kull każ ieħor, persuna ma tistax taħdem, l-anqas part-time, u tirċievi l-Għajnuna Soċjali.

Xogħol fil-volontarjat

Question

Tista' il-Ministru tikkunsidra li nies li jaħdmu fil-volontarjat, u għalhekk ma jitħallsux u allura ma ħallsux il-bolla, ikunu jistgħu jħallsu parti tal-bolol u għalhekk ikunu eliġibbli għal pensjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Persuna li tkun tagħmel xogħol ta' volontarjat bla ħlas f'Malta mhux neċessarjament li ma tkunx dovuta tħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. Skond il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, persuna li dħul minn xi sorsi oħra minbarra xogħol: ma jkunx jaqbeż Lm630 fis-sena fil-każ ta' raġel miżżewweġ li jkun imantni għal kollox lil martu li ma tkunx taħdem għaliha nnifisha jew f'impjieg assigurabbli; jew jekk dan id-dħul ma jkunx jaqbeż Lm430 fil-każ ta' kull persuna oħra; tista' titlob li tiġi eżentata mill-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali. Fir-rigward ta' xogħol ta' volontarjat barra minn Malta fuq proġetti fl-oqsma ta' assistenza u żvilupp soċjali u tħaris ta' l-ambjent, il-persuna konċernata jkollha dritt għall-kontribuzzjonijiet akkreditati għal perijodu massimu ta' ħames snin f'perijodu ta' għaxar snin. M'hemmx ħsieb li jinbidlu dawn il-provedimenti tal-liġi msemmija.

Bormla — Eagle Street

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond 27 Eagle Street, Bormla huwiex milqut mill-proġett tat-twaqqiegħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-fond li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu ndikat għat-twaqqiegħ bħala parti mit-tielet fażi tal-proġett ta' riġenerazzjoni f'Santa Liena.

Qormi — Triq id-Deheb Fin

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jinbidlu l-bibien tal-bjut ta' l-appartamenti tal-gvern fi blokk X4, Triq id-Deheb Fin, Qormi wara li dan ix-xogħol kien ilu approvat għal diversi xhur sħaħ mid-dipartiment tal-manutenzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol li rrefera għalih l-Onor. Interpellant mistenni jitlesta fil-ġranet li ġejjin.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Inspectors

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija jmorru l-housing inspectors tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna li tbati minn depression u marida ħafna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li tgħix fi flat b'60 tarġa u l-uniku iben tagħha jorqod fil-washroom taħt saqaf corrugated qatt ma ġiet provduta post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni sioċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Post Alternattiv

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex anzjan marid b'qalbu u li jgħix f'appartament bit-taraġ - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - ilu jistenna biex jieħu post tal-gvern għal aktar minn 18-il sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Ċentru għall-klandestini/refuġjati

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-ex-skola sekondarja tal-Marsa tinbidel f'ċentru għall-klandestini/refuġjati? Kemm se tilqa' fiha? X'bidliet strutturali se jsiru fiha? Kif se tkun iffinanzjata? Tista' tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta ta' kif ġej iċ-ċentru u b'liema kundizzjonijiet se jitmexxa u x'faċilitajiet se jkollu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif kelli l-opportunita' li ngħid fi Tweġibiet għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, l-iskola ta' San Gużepp fil-Marsa qed tiġi konvertita bħala Open Centre għall-immigranti rregolari. Bħalissa qed isiru xogħolijiet fuq dawl, ilma, drenaġġ, aluminium u njam. Dan iċ-Ċentru mistenni jakkomoda sa 224 persuna. L-iffinanzjar taċ-Ċentru hu kopert mill-Vot għar-Rifuġjati taħt l-Estimi tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali. Ix-xahar l-ieħor ġie ppubblikat avviż fil-gazzetti biex l-organizazzjonijiet, inkluż NGOs, interessati li jmexxu dan iċ-Ċentru jesprimu dan l-interess u jagħmlu proposti f'dan ir-rigward. Dan iċ-Ċentru mistenni li jkollu facilitajiet bażiċi li jinħtieġ ċentru ta' akkomodazzjoni kif ukoll spazju għar-rikrejazzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti mitluba.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji ta' l-SKA

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru attwali ta' koppji u ndividwi f'Malta u Għawdex li jieħdu l-benefiċċji ta' l-SKA? Kemm minnhom jieħdu dawn il-benefiċċji fuq bażi for life? Tista' tagħti l-istess tagħrif għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-istatistika dwar l-Għajnuna għall-Mard (SKA) tinżamm a bażi tan-numru ta' ndividwi li jirċievu din l-Għajnuna. Din l-Għajnuna tingħata for life. Ninsab infurmata wkoll li t-tagħrif dwar il-kumplament tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Persuni li spiċċaw boarded out

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni f'Malta u Għawdex separatament li spiċċaw boarded out matul is-sena 2004? Kemm hu n-numru attwali ta' persuni li jinsabu boarded out?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuni li jingħataw Pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali wara li jiġu ċertifikati minn bord mediku, jien infurmata li n-numru totali ta' persuni li bdew jirċievu din il-pensjoni matul l-2004 kien ta' 1,203. In-numru totali ta' dawk li kienu jirċievu din il-pensjoni fl-aħħar ta' Jannar 2005 kien 8,824. Peress li l-lokalita' ta' fejn wieħed jgħix mhix waħda mill-kriterji biex titħallas din il-pensjoni, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika dwar il-lokalita' ta' fejn jabitaw dawn il-pensjonanti.

Sigurta' Soċjali — Pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tagħtini breakdown tan-numru ta' persuni Maltin u Għawdxin li jirċievu pensjoni minn pajjiżi barranin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Bormla

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali ta' familja minn Bormla - dettalji qed jintbagħtu separatament - li l-post tagħhom ta' abitazzjoni mhux adattat għaż-żmien tal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Post alternattiv

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta żagħżugħa ta' 17-il sena - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li hija xebba u qed tistenna tarbija tiġi pprovduta post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Inspection

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir inspection mill-ħaddiema għall-akkomodazzjoni soċjali fil-fond ta' l-applikanti - dettalji qed jintbagħtu separatament - li qed jgħixu seba' persuni f'kamra tas-sodda waħda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-inspection li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant għandha ssir fil-bidu tax-xahar id-dieħel.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali milli jibgħat il-file number lill-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Meta mistennija ssir spezzjoni fil-fond indikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, li saret fit-2 ta' Marzu 2005, qed jiġi proċessata.