Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies f'Għawdex li qed jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC Part 1 u 2 separatament fl-2004 u l-2005? Kemm inqatgħu nies mir-reġistrar f'din l-aħħar sena? Jista' jindika s-sess u l-eta' tagħhom u r-raġuni għaliex inqatgħu? Jista' jgħid kemm saru job placements mill-ETC matul l-2004 sal-lum, f'liema settur u jindika l-eta' u s-sess ta' dawk li nstabilhom xogħol tramite l-ETC?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Bormla — Skola primarja - bini ta' car park taħt il-ground
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk sarx xi progress sabiex jinbena car park taħt il-ground ta' l-iskola primarja ta' Bormla, u dan forsi biex xi darba dan il-ground li jitgawda mit-tfal ta' Bormla, jinġieb fi stat tajjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-proġett tal-car park mhux proġett li jaqa' fir-responsabbilta' tiegħi m'hinix informat dwar xi progress seta' sar.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-pjan oriġinali li fil-kumpless sportiv ikun hemm ukoll pitch għall-5-a-side football, għadux fil-ħsieb li jsir? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li jibda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm pjanijiet sabiex jinbena pitch tal-5-a-side maġenb il-Kumpless tal-Kottonera. Sadanittant, fl-istess żmien li nbeda xogħol fuq il-Kumpless, ġie żviluppat pitch ieħor (minn club tal-football) tal-5-a-side biswit il-Kumpless.
Għalhekk, dak iż-żmien ġie deċiż li din il-parti tal-proġett tiġi posposta peress li l-Gvern ħass li m'għandiex tinħoloq kompetizzjoni mal-club li bena dan il-pitch, speċjalment meta wieħed iżomm quddiem għajnejh l-investiment li għamel dan l-istess club u li allura kien jirrikjedi dħul sabiex jitħallsu l-ispejjeż. Wieħed irid jiftakar ukoll li kemm jista' jkun, għandu jkun hemm razzjonalita' fid-distribuzzjoni ta' faċilitajiet sportivi. Dan speċjalment minħabba l-fatt li impjanti sportivi iqumu ħafna flus biex jinbnew u imbagħad ikunu jridu jiġu sostenuti, jew mid-dħul ta' l-użu tal-faċilita' jew minn sorsi oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm-il ktieb ġdid inxtara għall-klassijiet primarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (year)?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il ktieb inxtara għall-klassijiet sekondarji għas-sena skolastika li fetħet f’dawn il-jiem? Liema huma? Kemm swew? Min ħa l-kuntratt? Kemm-il ditta tefgħet l-offerta u liema kienu? Kemm kienet kull offerta? Jista’ jgħid ukoll meta tqassmu dawn il-kotba fl-iskejjel u f’liema klassijiet (form)?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għar-resits tas-SEC u l-MATSEC separatament fis-suġġetti differenti? Kemm kienu subien u kemm kienu bniet? Kemm għaddew f’kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kien il-persentaġġ ta’studenti fl-iskejjel ta’ l-Istat li fis-sena skolastika li għaddiet ma attendewx l-iskola mingħajr raġuni ? Jista’ jagħti l-figuri għall-primarji, sekondarji u l-kumplament separatament? Meta mqassmin bejn studenti subien u bniet, liema kienet l-ogħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kienu t-tfal li kienu qed jattendu fl-aħħar sena tal-Primarja (year 6) matul is-sena skolastika li għaddiet? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għal kull skola separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu dawk li kienu f’xi skola tal-Knisja jew privata separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li kienu qed jattendu fl-aħħar sena tal-Primarja matul is-sena skolastika li għaddiet huwa ta' 3,798.
L-informazzjoni għal kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jistax il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' facilitators impejgati mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar tas-sena skolastika 2004/2005 it-total ta' impjegati biex jagħtu servizz ta' support lil tfal b'diżabilita' kien ta' 861.
Facilitators bid-Diploma: 279
Kindergarten Assistants (Special Education): 62
Kindergarten Assistants: 43
Part-time: 1
Part-time Special Education: 2
Supply Kindergarten Assistants (Special Needs): 474
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li ggradwaw mill-Fakulta' tal-Ligi f'dawn l-ahhar ħames snin, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' gradwati fil-kors tal-Liġi f'dawn l-aħħar ħames snin kien kif ġej:
Kors Sena Numru
LL.D 2000 2
2001 112
2002 63
2003 101
2004 79
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilita li qed jirreġistraw għax-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-aħħar figuri ppublikati ta' Lulju 2005, in-numru ta' persuni reġistrati b'diżabilita' u qegħdin jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ huwa ta' 356.
Jista' il-Ministru jgħid liema xogħol ta' manutenzjoni sar fl-iskejjel primarji u sekondarji fil-Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sar xogħol ta' manutenzjoni normali fl-iskejjel primarji u sekondarji fil-Kottonera. Fl-iskola primarja Maria Immakultata ta' Bormla inbena lift shaft u qiegħed jiġi nstallat lift għall-użu ta' tfal u persuni oħra bi bżonnijiet oħra.
Jista’ il-Ministru jghid minn min huwa kompost it-tribunal skolastiku u fuq liema kriterji ġew magħżula l-membri tiegħu? Meta twaqqaf dan it-tribunal bil-kompożizzjoni kif inhi fil-preżent? Jista’ jghid jekk dawn il-membri jitħallsux jew le? Jekk fl-affermattiv, kemm huwa dan il-ħlas?
Jista’ jgħid ukoll kemm–il darba ltaqa’ dan it-tribunal minn meta ġie kostitwit sal-lum? Kemm–il każ instema’ quddiemu u kemm ġew deċiżi? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm każi pendenti sabiex jitilgħu quddiem dan it-tribunal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Tribunal Skolastiku hu preżentament kompost minn:
a) Dr Anna Felice - President
b) Is-Sur Carmel D'Amato - Membru jirrapreżenta l-Universita' u l-iskejjel kollha ta' l-Istat
c) Is-Sur Joseph Muscat - Membru maħtur mill-Malta Union of Teachers
d) Fr Alan Scerri - Membru jirrappreżenta l-iskejjel kollha liċenzjati taħt dan l-Att.
It-Tribunal Skolastiku ġie mwaqqaf fl-1 ta' Diċembru 2004 u jien infurmat li s'issa ltaqa' darbtejn. Informat ukoll li l-Bord qed jittratta l-erba' każi li għandu quddiemu.
Ma hemmx remunerazzjoni għall-membri ta' dan il-Bord.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se jiġi deċiż il-każ ta’ għalliem li ilu jgħallem għal aktar minn 15–il sena u li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għadu ma ngħata la l-warrant temporanju u wisq anqas il-warrant permanenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ kien diġa deċiż fit-23 ta' Awissu 2004. Din il-persuna billi ma qablitx mad-deċiżjoni li ngħatat resqet il-każ tagħha quddiem it-Tribunal Skolastiku.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi l-ħidma li jwettaq il-youth specialisation studies scheme credentials committee?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Youth Specialisation Studies Scheme Credentials Committee, kumitat appuntat mill-Ministru kull sena, janalizza l-applikazzjonijiet ta’ l-istudenti u jara li dawn ikunu konformi mal-kriterji maħruġa fl-applikazzjoni, fosthom li l-istudenti jkunu bejn it-18 u t-30 sena u li l-korsijiet ma jiġux provduti lokalment.
Jista’ il-Ministru jgħid matul dan is-sajf fejn sar xi xoghol fl-iskejjel? Min kien il-kuntrattur li għamel dan ix-xoghol u kemm ġie jiswa? Meta nbeda dan ix-xoghol u meta tlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li x-xogħol li sar fl-iskejjel matul is-sajf għadu qed jiġi ċċertifikat, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid meta se terġa’ tiftaħ il-librerija pubblika f’Ħal-Luqa? Kemm ilha magħluqa? Jista’ jghid x’ tiswijiet saru fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Librerija Reġjonali ta' Ħal Luqa ilha magħluqa mill-24 ta' Mejju 2004 minħabba
xogħol strutturali li sar fl-Iskola ta' Ħal Luqa. Reġgħet infetħet nhar it-Tlieta, 28 ta' Settembru 2005. Ix-xogħol strutturali u ta' manutenzjoni li sar fil-Librerija kien il-bdil tas-saqaf; tibjid, installazzjoni mill-ġdid tad-dawl; suffett u aperturi ġodda.