Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm tul dawn l-aħħar tletin (30) sena ittellgħu nies il-Qorti mixlija bi ksur ta' l-artikolu 6 abbinat mal-artikolu 3 tal-Att dwar il-protezzjoni ta' l-Antikitajiet (Kap 54) riferibbilment għal dak il-bini li ilu mibni ħamsin (50) sena u liema bini kellu l-permessi maħruġa mill-mużewijiet jew/u mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor Ħabib tiegħi japprezza d-diffikulta` tat-tweġiba għal din il-Mistoqsija. Id-dipartiment tal-mużewijiet ma jżommx dawn ir-records li pero` jinsabu l-Qorti anke jekk mhux fi stat kumpilat. Lest nordna r-riċerka f'każ li hemm xi każ partikolari li jinteressa l-Onor Membru.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jiġi żgurat li minħabba laqgħat għall-għalliema u żjarat tal-għalliema barra l-pajjiż biex jieħdu sehem fi programm edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja ma tispiċċax imħarbta l-edukazzjoni ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ilha għal dawn l-aħħar snin tqis is-sehem ta' l-għalliema f'konferenzi, seminars u laqgħat barra minn Malta jew Malta bħala element bażiku fl-istaff development tal-korp ta' l-għalliema. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tinkoraġixxi dan is-sehem (li, rari jaqbeż ġimgħa). Dawn is-seminars u konferenzi li jiġu organizzati ġeneralment mill-Kunsill ta' l-Ewropa u reċentement ukoll mill-Unjoni Ewropeja. Informat li l-biċċa kbira tal-każi l-għalliem li jieħu sehem f'dawn il-konferenzi jgħati l-lezzjonijiet li jitlef qabel jew wara li jieħu sehem f'xi konferenza.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu studenti fil-kors universitarju tal-mediċina din is-sena? Kemm minnhom huma Maltin? Kemm minnhom huma barranin? Kemm f'kull każ hemm 1) irġiel 2) nisa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li bdew il-kors tal-Mediċina din is-sena huwa:
Inġiel Nisa Totali
Barranin 4 1 5
Maltin 31 21 52
Jista' l-Ministru jgħid fejn qegħdin jgħallmu llum l-instructors li qabel kienu jgħallmu fl-iskejjel tas-snajja:
1) Salvatore Dimech
2) Dun Ġwann Mamo
3) Stefano Zerafa
4) Ġilormu Cassar
5) Umberto Colosso
F'liema skejjel intbagħtu jgħallmu? X'suġġetti ġew imqabbda jgħallmu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li parti mill-għalliema ta' l-iskola Salvatore Dimech kif ukoll ta' l-iskola Stefano Zerafa ġew trasferiti fejn kien possibli skond it-trasferiment li talbu: kien hemm oħrajn li baqgħu fl-iskola jgħallmu l-istudenti. F'kull każ kien hemm għalliema li ġew reklutati ma' l-MCAST. L-għalliema ta' l-iskola Ġilormu Cassar ġew amalgamati f'Lorenzo Manche Boys' School, Floriana. Fil-każ ta' l-iskola Dun Ġwann Mamo l-għalliema ġew amalgamati fi skejjel oħra qabel is-sena skolastika 2000-2001. Fil-każ ta' l-iskola Umberto Colosso l-għalliema baqgħu jgħallmu lill-istudenti fl-ESTS fl-istess skola jew ingħaqdu ma' l-iskola St Francis of Assisi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-talba għandu l-Ministeru u d-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu biex jimla' postijiet vakanti fl-istess Ministeru/Dipartiment?
Liema huma dawk il-gradi li l-Ministeru/Diviżjoni qed jitlob biex jimla'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi għamel talba lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jimtlew il-vakanzi ta' żewġ Principals. Reċentement, inħolqot vakanza ta' Uffiċjal Eżekuttiv.
Bħalissa d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fejn jikkonċerna t-'Teaching Grades', ħarġet żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet li huma:
* Sejħa għal Uffiċjali Edukattivi u
* Sejħa għal Assistenti Kapijiet fl-iskejjel Primarji:
sejħa għal Malta u oħra għal Għawdex.
Fil-każ ta' Uffiċjali Edukattivi, id-Diviżjoni għandha 37 post vakant.
Meta jagħlqu l-applikazzjonijiet isiru l-intervisti u min jikkwalifika jingħata "Order of Merit". Ir-riżultat iservi għal sentejn u d-Diviżjoni f'dawn is-sentejn timpjega skond il-ħtiġijiet li jinqalgħu.
Bħalissa hemm vakanti xi postijiet ta' Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Sekondarji. F'dan il-każ l-intervisti diġa` saru u d-Diviżjoni tibda timpjega skond il-vakanzi li jinħolqu hekk kif tirċievi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Fi gradi li ma jiffurmawx parti mit-"Teaching Grades", id-Diviżjoni għaddejja bil-proċess neċessarju biex jimtlew postijiet vakanti fit-tmien Gradi li se nsemmi:
Senior Foreman (Gardening), Foreman (Gardening), Engineer (Electrical), Architect and Civil Engineer, Assistant Technical Officer (Civil Draughstmanship), Staff Nurses, School Secretaries u Part-time Clerks.
Fl-Estimi ta' l-2002 id-Dipartiment ta' l-Eżamijiet indika l-ħtieġa ta' dawn il-postijiet:
* Charwoman (waħda)
* Asst. Principal (persuna waħda)
Id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji ressaq talba għall-mili ta' postijiet vakanti fi ħdanu għas-sena 2002 f'dawn il-gradi:
Security Guards, Executive Officers, Clerks, Drivers u General Hand.
Informat ukoll li ma hemmx talbiet biex jimtlew postijiet vakanti fl-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport, fid-Dipartiment tal-Mużewijiet u fid-Dipartiment tal-Kultura.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jiġi investigat l-ilment li wasalli li hux veru li l-assistent kap tal-iskola primarja under separate cover hiex taħdem fid-deher favur kunsillier tal-PN u tgħaddi botti dispreġjattivi dwar ġenituri li għandhom tendenzi laburisti u li jaħdmu għall-ġid ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li xi Assistent Kap ta' l-iskola tagħmel propoganda għal xi persuna partikulari, jew tgħaddi botti dwar xi ġenituri ta' xi kulur politiku.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskejjel li talbu biex jieħdu sehem fil-programm Comenius ? Jista' jgħid fhiex jikkonsisti dan il-programm għal din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet tal-kulleġġ De La Salle għamlux xi kuntratt mad-Divizzjoni tal-Edukazzjoni jew miegħek personalment dwar it-tfixkul tad-dħul u ħruġ tal-istudenti minħabba li nhar ta' Tlieta jarma s-suq quddiem il-bieb prinċipali tal-istess kulleġġ? Kif qed jipprova jgħin?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 29222. Qed nipprovaw ngħinu billi flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti nipprovaw insibu soluzzjoni prattika u adegwata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux arranġamenti għal studenti li jagħmlu l-eżamijiet tal-Matsec uli jkollhom bżonnijiet partikolari minħabba l-kundizjoni medika tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Matsec Board jagħti kull konsiderazzjoni u jagħmel kull arranġament meħtieġ, sakemm huwa possibli, għall-kandidati li jkollhom bżonnijiet partikulari minħabba l-kundizzjoni medika tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu flus għax-xahar ta' Ottubru 2001 il-ħwienet li qed ifornu lill-istudenti b'materjal edukattiv u qed jitħallsu bl-ismart card?
Meta se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar ta' Ottubru 2001 kienu nbiegħu b'kemm jiswew Lm646,174.75c lil studenti Universitarji u Post Sekondarji li użaw l-iStudents' Card.
Il-ħlasijiet dovuti lill-ħwienet sal-15 ta' Ottubru 2001, li kienu jammontaw għal Lm343,538.74c diġa` għaddew fil-kontijiet bankarji tal-kumpanniji rispettivi.
Il-bilanċi dovuti għal perjodu bejn is-16 u l-31 ta' Ottubru qed ikunu verifikati u malli jkunu approvati mill-Bord, jgħaddu l-istruzzjonijiet meħtieġa lid-Dipartiment tat-Teżor biex dawn il-ħlasijiet ikunu jistgħu jsiru immedjatament. Dan hu skond dak miftiehem ma' l-istess sidien tal-ħwienet.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-għalliema fl-iskola post-sekondarja Giovanni Curmi jkollhom faċilitajiet u spazji ta' staff room adekwati u diċenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema f'din l-iskola għandhom tliet staff rooms fejn kull għalliem għandu l-iskrivanija u s-siġġu tiegħu. Waħda minn dawn il-kmamar hi ukoll "Smoking room", iżda t-tipjip mhux permess fiż-żewġ kmamar l-oħra. Hemm kċina mdaqqsa ta' l-istaff li tinkludi, fost tagħmir ieħor, friġġ, 'microwave oven', 'sandwich toaster' u 'reverse osmosis plant'.
Annessa mal-Librerija ta' l-iskola hemm ukoll kamra kbira għall-użu esklussiv ta' l-istaff fejn jista' jsir xogħol ta' preparazzjoni, korrezzjoni eċċ. Din il-kamra tinkludi wkoll kompjuter li, fi żmien ġimgħa oħra, ser jiżdied għal tlieta.
Tajjeb li nżidu wkoll li l-istaff tal-gymnasium, li huma 4, jużaw żewġ uffiċini, tliet 'subject co-ordinators' għandhom uffiċċju għalihom, u qed isir uffiċċju ieħor għal erba' 'subject co-ordinators' oħra. Dawn l-uffiċjali ma jużawx l-istaff room. Bi staff qed nirreferu għal 'teaching staff' biss f'din it-tweġiba.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkompli tieħu miżuri meħieġa biex ittejjeb il-faċilitajiet ta' l-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista jsir biex l-għalliema fl-iskola sekondarja Vincenzo Bugeja jkollhom staff room adekwata u diċenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispazju f'din l-iskola huwa limitat. L-iskola dejjem għamlet mill-aħjar biex tassenja lill-għalliema staff room adekwata skond l-ispazju li jeżisti. Fl-iskola sar kuntratt biex jistudja proġett għal użu aħjar ta' l-ispazju ħalli l-għalliema jkunu f'ambjent aktar komdu u miġbura fi spazju wieħed.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 29227?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 4 mill-istaff fil-grad ta' Laboratory Officer li qed jagħmlu xogħol akkademiku.
Ta' dan ix-xogħol qed jingħataw kumpens finanzjarju barra l-paga. Qed jittieħdu passi biex fejn hemm vakanzi jintlew wara sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru b' referenza għas-sitwazzjoni li rriżultat matul dawn l-aħħar tlett snin cioe li ma ġie mplimentat ebda pjan bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u tal-Edukazzjoni ta' prova fuq produzzjoni agrikola organika għall-istudenti tal-kulleġġ tal-biedja, jara li fl-estimi tas-sena ddieħla jkunu ivvutati flus sabiex jitwettaq pjan għat-taħriġ dwar dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm il-ħsieb li titwaqqaf serra fejn l-istudenti se jitħarrġu fuq il-prattika ta' tkabbir tal-ħxejjex u fjuri b'sistema organika li tikkonforma mal-prinċipji u normi tal-'Malta Organic Agricultural Movement'.
Il-faċilitajiet tal-Kulleġġ ser jinfetħu għall-membri tal-'Malta Organic Agricultural Movement' sabiex il-pubbliku jista' jara dimostrazzjoni ta' kif jitmexxew sistemi organiċi fil-biedja.
Informat li t-tagħlim fuq biedja organika ġie ntrodott fis-'syllabus' għas-sena 2001-2002.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jmexxi il-programm kulturali li qed isir kulljum fiċ-ċentru kulturali ta' San Ġakbu u dan bejn id-disgħa u l-ħdax ta' filgħodu? Jikkonferma li nhar ta' Tlieta studenti li qed jittieħdu għal dan il-programm qed iħallsu lira kull wieħed? Mill-1 ta' Ottubru kemm tħallsu flus biex jidħlu fil-programm kulturali ta' nhar ta' Tlieta? Hemm xi ħlassijiet għall-dan il-programm fi ġranet oħra tal-ġimgħa? Għaliex jintalbu dawn il-ħlassijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nemmen li l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għall-programm Sagħtejn għall-Kultura.
Informat li Sagħtejn għall-Kultura hu programm imniedi mill-Kumitat għall-Etnografija tal-Kavallier San Ġakbu flimkien ma' l-Għaqda Għalliema tal-Malti. Matul l-edizzjonijiet ta' dan il-programm, l-istudenti jiltaqgħu ma' personalitajiet mill-oqsma tal-kultura, ta' l-arti, tal-mużika u ta' l-isport.
Il-programm għal nhar ta' Tlieta jitqassam hekk:
9.00 L-Ewwel part:- l-istudenti jiltaqgħu ma' personalita`, u ssir
diskussjoni
9.45 It-Tieni parti:- nofs l-udjenza tattendi għal sessjoni ta' narrativa
improvizzata, in-nofs l-ieħor jipparteċipa f'diskussjoni b'video
feature dwar sengħa partikolari. Dawn l-udjenzi jalternaw fl-
10.45 hrs. Il-materjal videografiku ġie sponsorizzat mill-
Marsovin Ltd.
10.45 L-istudenti jingħaqdu fit-Teatru u jipparteċipaw f'kunċert ma'
kantant lokali. Sal 11.15
Informat ukoll li 630 student attendew il-5 edizzjonijiet tal-programm Sagħtejn għall-Kultura. Sa l-edizzjoni ta' nhar it-Tlieta s-6 ta' Novembru 2001, l-attendenza kienet hekk:
Studenti li attendew għall-edizzjoni
It-Tlieta 9 ta' Ottubru 2001 155
It-Tlieta 16 ta' Ottubru 2001 104
It-Tlieta 23 ta' Ottubru 2001 129
It-Tlieta 30 ta' Ottubru 2001 116
It-Tlieta 6 ta' Novembru 2001 126
Dawn l-istudenti jikkontribwixxu Lm1 sabiex ikopru parti mill-ispejjeż involuti.
Il-finanzi huma amministrati mill-Għaqda Għalliema tal-Malti, u l-arranġament hu li l-finanzi li jifdal ser jiġu investiti f'proġetti ta' natura etnografika.
Is-Sinjuri Ġorġ Mifsud Chircop, David Agius Muscat, u Olvin Vella huma r-appreżentanti għall-Għaqda Għalliema tal-Malti. Is-Sur Mariorick Mifsud huwa rappreżentant għall-Kavallier San Ġakbu.
Jista' l-Ministru jivverifika lmenti li fl-iskola primarja ta' St. Venera mhux qed jitqassam biżżejjed ħalib lit-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola Primarja 'A' qed tordna ħalib skond id-domanda min-naħa tat-tfal biex tassigura illi l-ħalib jinxtorob kollu u jkun miżmum il-ħin kollu f'temperatura tajba.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom supply teachers mad-divizjoni ta' l-edukazzjoni rċevew cheque b' Lm 000.0 bħala ħlas għal Ottubru 2001? Kemm kien hemm impjegati oħra f'oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru li ħadu cheque Lm 000.00 bħala salarju? X'passi rimedjali ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minħabba li s-Supply Teachers normalment jerġgħu japplikaw fil-bidu ta' kull sena skolastika, din l-informazzjoni ma laħqitx waslet fil-ħin sakemm inħadmu s-salarji ta' Ottubru. Dan qiegħed jiġi rimedjat.
Informat ukoll li fl-oqsma l-oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, ma kien hemm ebda impjegat ieħor li ħa cheque ta' Lm000.00 bħala salarju.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex suġġetti xjentifiċi bħall-fiżika, kimika u bioloġija jiġu mgħallma permezz tal-kompjuter kif qed tiġi mgħallma l-matematika fl-iskejjel sekondarji u junior lyceum?
X'taħriġ se jingħataw l-għalliema ta' dawn is-suġġetti biex jużaw l-IT fit-tagħlim ta' dawn is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu beda proċess li għandu jwassal biex il-kompjuters ikunu parti integrali minn kull laboratorju tax-xjenzi fl-iskejjel.
Wara riċerka li saret fost l-għalliema tax-Xjenzi kien determinat x'tip ta' taħriġ għandhom bżonn l-għalliema u f'liema livelli.
L-istadju li jmiss hu li jingħata bidu għal dan it-taħriġ, filwaqt li jkun hemm proċess ta' konsultazzjoni ma' l-għalliema biex, jekk ma jinstabx soft-ware tajjeb offrut kummerċjalment, jinbnew programmi adatti ta' soft-ware.
Barra minn hekk, fid-Dipartiment tal-Further Studies qed jitħejja programm ta' e-learning fil-Fiżika. Dan il-proġett qiegħed fi stadju avvanzat u huwa ntiż bħala reviżjoni għal studenti li jkunu qed jirrepetu l-kors tal-Fiżika, liema kors iwassal għaċ-Ċertifikat ta' l-Edukazzjoni Sekondarja. Hemm il-ħsieb li dan il-proġett ikun estiż anki għax-xjenzi l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet li għalihom tfal li jattendu l-iskola primarja Dun Xand Cortis ta' Santa Venera qed jingħataw ftit wisq ħalib?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19430.