Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liċenzji għal tħaffir u esplorazzjoni ta’ żejt jew gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji għal tħaffir u esplorazzjoni ta' żejt jew gass mid-9 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija? Jista' jgħid għal liema areas ħarġu dawn il-liċenzji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum ħarġet liċenzja lil Ratio Malta Ltd f’Area 5 fil-Lbiċ ta’ Malta. Tajjeb insemmi li matul is-sena 2014, sar survey siżmika fit-Tramuntana ta’ Malta mill-kumpanija Cairn Energy plc u bħalissa l-kumpanija qegħda tevalwa l-informazzjoni li nġabret. Il-kuntratt għadu kif ġie estiż sal-aħħar ta’ 2016 sabiex il-kumpanija tlesti l-evalwazzjoni tagħha. Fil-2014, tħaffer bir fin-nofs in-nhar ta’ Malta mill-kumpanija Genel Energy plc. Dan il-bir kellu jitħaffer fil- 2011, u kien wara li jiena ħadt ir-responsabbilta ta’ dan il-qasam li wasalna fi ftehim konkret sabiex dan il-bir jitħaffer u ma jibqax fuq il-karti. Għalkemm ir-riżultat tal-bir ma kienx wieħed pożittiv f’dak li jirrigwarda materja prima, il-bir provda sors ta’informazzjoni utili għat-tiftix f’din iż-żona. Tajjeb ngħid li għalkemm il-preżż taż-żejt huwa baxx il-Gvern xorta waħda ser jibqa għaddej bil-promozzjoni sabiex tiżdied l-attivita’ f’dan il-qasam.

Malta Transport – rapporti dwar emisjonijiet ta’ duħħan minn karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport b'SMS daħal għand Malta Transport dwar emissjonijiet ta' duħħan minn karozzi fl-ewwel ħames xhur tal-2015? Jista' jgħid kemm ittieħdu azzjonijiet f'dan ir-rigward? Kemm-il karozza ma għaddietx mit-test? Kemm jiswa SMS?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2015, daħlu 4,583 rapport għand Transport Malta dwar emissjonijiet ta’ duħħan minn karozzi. F’dan ir-rigward intbagħtu 71 avviż lis-sidien tal-vetturi. Kien hemm żewġ karozzi li m’għaddewx mit-test tal-emmissonijiet. Kull sms jiswa ħames ċenteżmi tal-Ewro.

Imrieħel – akwadott ta’ Wignacourt — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru xogħlijiet ta' tiswija fuq l-Akwadott ta' Wignacourt fl-Imrieħel viċin ta' fejn topera l-MFSA? Jista' l-Ministru jgħid għalfejn dan ilu imkisser mis-27 ta' Diċembru 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Opri tal-baħar li jġorru passiġġieri – spezzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17401, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jiġi assigurat li filfatt qed jiġi kkontrollat? Jista' jagħti tagħrif dwar xi tfisser is-sentenza: “Għandha wkoll tittieħed notifika ta' kull skart li jitniżżel l-art”? Kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi tal-port matul din is-sena, fejn, u x'irriżulta minn dawn l-istess spezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li matul is-sajf li għadda il-port inspectors imbarkaw il-maġġoranza tal-opri tal-baħar li joperaw kummerċjalment bil-ġarr tal-passiġġieri biex jagħmlu l-verifiki neċessarji rigward l-iskart. L-iskart kollu jinġabar f’boroż suwed tal-iskart u jitniżżel l-art biex jinġarr mill-kuntratturi tal-iscammels. Meta tittieħed notifika tfisser li l-iskipper tal-bastiment jikteb nota żgħira fil-logbook dwar kemm, meta u fejn niżżel l-iskart l-art.

Transport Malta – spezzjonijiet fuq xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx xi tip ta’ spezzjoni fuq xogħlijiet fit-toroq li jsiru mill-Kunsilli Lokali? Jekk iva, x’spezzjonijiet tagħmel? Kemm għamlet minn dawn l-ispezzjonijiet matul din is-sena? X’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet u x’passi ttieħdu? Fejn kienu l-ispezzjonijiet li fihom irriżulta li hemm problemi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta, permezz tad-Direttorat tal-Toroq u l-Infrastruttura, u d-Divizjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, jagħmlu spezzjonijiet fuq ix-xogħlijiet li jsiru ġewwa Malta u Għawdex rispettivament, inkluż dawk li jiġu kkummisjonati mill-kunsilli lokali. L-għan ta’ dawn l-ispezzjonijiet huwa li jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet maħruga fil-permess, fosthom l-immaniġjar tat-traffiku, kundizzjonijiet tal-kisi ta’ triq u oħrajn sottomessi minn diversi entitajiet. Il-maġġoranza tax-xogħlijiet ikkummssjonati mill-kunsilli lokali jikkonsistu fit-tqegħid ta’ wiċċ ġdid fit-toroq residenazjali mmaniġġjati mill-istess kunsilli. Għal dawn ix-xogħlijiet l-kunsilli lokali joħorġu sejħa għall-offerti u eventwalment il-kuntrattur nominat huwa obbligat li jsegwi l-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt u jibqa’ responsabbli tul il-garanzjia mposta fl-istess kuntratt. Il-kunsill, permezz tal-perit imqabbad minnu huwa responsabbli li l-kuntrattur iwettaq ix-xogħlijiet skont is-sengħa. Mandankollu, l-kuntrattur li jesegwixxi dawn ix-xogħlijiet huwa marbut b’sentejn garanzija skont l-Avviz Legali 29 tal-2010, u obbligat li jissottometti rapport ta’ konformita’ li jiġi approvat mill-perit ta’ Trasport Malta. Għaldaqstant, Transport Malta tagħmel spezzjonijiet diversi f’dan ir-rigward. Jirriżulta li matul din is-sena ma kien hemm l-ebda rapport ta’ xogħlijiet li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tal-permessi maħruġa.

Transport Malta u Ministeru għat-Trasport – xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kuntratti u/jew xogħlijiet oħra li ngħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minn Transport Malta u mill-Ministeru għat-Trasport, minn Marzu 2013 sad-data tar-risposta ta’ din il-mistoqsija? Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-natura tax-xogħol ta’ kull kuntratt/biċċa xogħol, jagħti l-valur ta’ kull kuntratt/biċċa xogħol, u jgħid jekk għal kull kuntratt/biċċa xogħol inħarġitx sejħa pubblika?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħataw l-ebda xogħlijiet lill-kumpanija msemmija.

Transport Malta – direttur tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-direttur tal-bord ta’ Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għandux rwol fil-qasam tal-IT fi ħdan l-istess awtorità?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li l-persuna ndikata għandu wkoll rwol fil-qasam tal-IT fi ħdan Transport Malta.

Transport Malta – annual report

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta lestietx l-Annual Report tagħha għas-sena 2014 ai termini tal-artiklu 34 tal-Kap 499 tal-Liġijiet ta’ Malta, u jekk għamlitu jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk l-Annual Report għadu ma sarx kif stipulat mil-liġi, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta r-rapport annwali ta’ Transport Malta diġa’ ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Każijiet ta’ involviment ta’ żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ li fih kien involut xi żiemel seħħ fit-toroq Maltin u Għawdxin matul l-2013, l-2014 separatament u sal-ġurnata li fiha saret din il-mistoqsija??

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Xufiera tal-karozzi tal-linja — kumpens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-karozzi tal-linja illi jitilfu l-break peress illi jinqabdu fit-traffiku, jiġux ikkumpensati? Jekk iva, kif?

Response (MIZZI, JOE)

Billi l-kumpanija li llum tmexxi t-trasport pubbliku hija waħda privata, l-Onor. Interpellanta għandha tkun infurmata li l-informazzjoni li qed titlob m’hijiex disponibbli.

Xufiera tal-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-karozzi tal-linja humiex qegħdin jitħallsu tal-ħin illi jieħdu x’ħin imorru jdaħħlu l-vettura tagħhom fid-depot u meta jmorru jpoġġu l-flus illi jkunu ġabru, wara illi jkunu lestew ir-rotot rispettivi tagħhom? Jekk iva, kemm u kif?

Response (MIZZI, JOE)

Billi l-kumpanija li llum tmexxi t-trasport pubbliku hija waħda privata, l-Onor. Interpellanta għandha tkun infurmata li l-informazzjoni li qed titlob m’hijiex disponibbli.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ħlas ta’ impjegati fis-Segretarjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux nies jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu iżda jitħallsu minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm huwa n-numru ta’ impjegati li qed jaħdmu b’din il-kundizzjoni? Min huma l-persuni li qed jaħdmu b’dan il-mod? B’kollox kemm huwa l-ammont totali ta’ nies li jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat tiegħi huwa kompost hekk kif stipulat fl-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats – March 2013.

Is-Siġġiewi – Triq Mons Mikiel Azzopardi – azzjoni biex jitnaqqas il-perikolu

Question

Fid-dawl ta’ ħafna inċidenti li sfortunatament qegħdin jseħħu ta’ spiss, jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jitnaqqas dan il-periklu għar-residenti fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi s-Siġġiewi u jitwaħħlu traffic barriers,isiru traffic lights kif ukoll xogħol ieħor li jkun hemm meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tiġbor aktar informazzjoni dwar veloċitajiet, volum tat-traffiku, numru ta’ pedonali u numru u tip ta’ inċidenti sabiex il-Kumitat tat-Traffiku jkun f’pożizzjoni li jevalwa u jfassal deċiżjoni nfurmata dwar miżuri vijabbli għal din it-triq.

Ħal Qormi – Triq il-Kanun – traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru traffic lights fil-bypass ta’ Triq il-Kanun f’Ħal Qormi (ħdejn il-Flamingo) sabiex ir-residenti tal-madwar ikunu jistgħu jaqsmu mingħajr l-ebda perikolu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li minħabba restrizzjonijiet ta’ forward visibility tas-sewwieqa relatati mal-veloċita’ tas-sewqan, mhux sikur li pedonali jaqsmu f’din it-triq lanqas jekk ikun hemm pelican lights.

Tas-Sliema – Triq it-Torri — karozzi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17455, jista’ l-Ministru jara s-sitwazzjoni ta’ dawk it-tmien karozzi ipparkjati bit-tires fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema (bejn Triq il-Kulleġġ u l-Kunvent tal-Patrijiet tal-Balluta, eżatt ħdejn l-iSpeedy Pit Stop Petrol Station) peress li dawn ilhom żmien hemm għad-detriment tar-residenti u żgur li huma ta’ periklu kbir, peress li huma ta’ inflammable materials u peress li huma abbuż ta’ parkeġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorita’ tat-Trasport qed nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-parkeġġ ta’ vetturi privati f’angolu għal ġol-pompa tal-petrol bl-isem ta’ Pit Stop. F’din id-daħla tal-pompa hemm single yellow line li ma jippermettix li jsir parkeġġ. Għaldaqstant trid tittieħed azzjoni ta’ infurzar jew mill-pulizija jew inkelli mill-gwardjani lokali sabiex dan il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku jigi ndirizzat.

Il-Kalkara — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u qed isiru f’din il-Leġiżlatura fil-Kalkara b’mod partikolari quddiem il-Kunvent ta’ Santa Liberata? Jista’ jgħid kemm intefqu jew mistennija li jintefqu flus fuqhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-bidu ta' din il-leġiżlatura tlesta x-xogħol ta' tisbiħ taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta' San Gużepp waqt li bħalissa għaddej ix-xogħol ta' tisbiħ taz-zuntier tal-Kunvent ta' Santa Liberata. Xogħlijiet oħra ppjanati huma dawk tal-bini mill-ġdid tal-latrini pubbliċi, xogħlijiet f’ ġnien pubbliku u l-bini ta' changing rooms u faċilitajiet anċillari fil-ground tal-football tal-Kalkara. Ix-xogħol taz-zuntier ta' San Ġużepp ġie jiswa €233,448 waqt li dak ta' Santa Liberata ser jiswa' madwar €330,000. Fuq it-tliet proġetti l-oħra li se jsiru matul l-2016 qed isiru l-istimi.

Bormla – Il-Kappella tal-Konservatorju – tiswijiet u manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji u l-manutenzjoni meħtieġa lill-Kappella tal-Konservatorju fi Triq San Ġorġ f’Bormla?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li dan hu xogħol ta’ restawr. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant hu mitlub jaghmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madankollu l-Ministeru tiegħi lest li jagħti l-għajnuna tiegħu b’kull mezz possibli, dejjem jekk ikun hemm fondi u riżorsi biżżejjed.

Il-Belt – Knisja ta’ Santa Barbara – tiswijiet u manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji u l-manutenzjoni meħtieġa lill-Knisja ta’ Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li dan hu xogħol ta’ restawr. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jaghmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madankollu l-Ministeru tiegħi lest li jagħti l-għajnuna tiegħu b’kull mezz possibli, dejjem jekk ikun hemm fondi u riżorsi biżżejjed.

San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed iżomm biex jingħata l-wiċċ ta’ tarmak ta’ Triq Jean de la Cassiere San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni tkun tista’ tiġi asfaltata meta il-bażi/formazzjoni tagħha tilħaq l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji. Bħalissa teżisti kwistjoni bir-riżultati tat-testijiet (plate bearing) li probabilment huma kkawżati mill-art taflija li hemm f’din iż-żona.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Papa Ġwanni Pawlu Tnejn — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tingħata t-tarmak Triq il-Papa Ġwanni Pawlu Tnejn f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet ħareġ. Abbażi li t-tender jiġi aġġudikat mingħajr problemi u abbażi tal-programm ta’ xogħlijiet li għandna għaddejjin u dawk li għad iridu jibdew, jidher illi dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sa nofs is-sena id-dieħla.