B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8034, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali jiġifieri kemm kien hawn (u mhux kemm waslu) immigranti rregolari f’Malta, sena b’sena, bejn l-2009 u l-2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ immigranti li kienu jinsabu fiċ-ċentri miftuħa u magħluqa. Din hi l-unika informazzjoni li tinżamm.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2009 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?
Response (MALLIA, EMANUEL)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9431 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ngħataw l-ebda xogħlijiet lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed ingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi bejn Jannar 2009 u Marzu 2013.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern wara d-dikjarazzjoni li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta dwar l-immigrazzjoni rregolari l-ġimgħa li għaddiet? Jista’ jinforma lill-Kamra meta kienet l-aħħar darba li kellem jew ikkomunika ma’ dan l-individwu?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministru qed jkollu rabtiet ma’ l-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament, sabiex jiġi nformat b’dak li jkun qed jseħħ minn jum għall-ieħor. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-komunikazzjoni qed tkun ta’ spiss.
Jista' l-Ministru jgħid minn min kienet komposta d-delegazzjoni tal-PBS għall-festival tal-Eurovision 2014 li sar f'Kopenhagen? Jista' jgħid kemm kienu l-ispejjeż relatati ma din id-delegazzjoni f'dawk li huma flights, akkomodazzjoni, subsistence allowances u allowances oħra jekk inhu l-każ u jispeċifikaw s-somma totali tal-ispiża?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw spearatament kienux jiffurmaw parti mid-delegazzjoni tal-PBS fil-festival tal-Eurovision f'Kopenhagen? Jista' jgħid x'kien l-irwol tagħhom u jekk il-PBS ħallasx xi fondi għall-parteċipazzjoni tagħhom?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwi in kwistjoni kienu akkreditati mill-PBS bħal ma’ kienu wkoll akkreditati ġurnalisti minn media oħra. L-ispiża ta’ dawn iż-żewġ individwi m’hijix se tinġarr mill-PBS.
Iż-Żejtun – Triq il-Ħerba – truck taċ-ċilindri tal-gass
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji ħalli truck mimli biċ-ċilindri tal-gass fi Triq il-Ħerba fiż-Żejtun, kantuniera ma’ Triq Santa Monika, jitneħħa minn hemm minħabba li huwa ta’ perikolu għar-residenti tal-madwar? Jista’ jgħid jekk hux permessibli li jbiegħ mill-garaxx li għandu fl-istess akkwati?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment ser ikun inidirizzat mil-Pulizija flimkien mal-Awtoritajiet regulatorji, u risposta tingħata mill-aktar fis-possibli.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — xogħlijiet lill-individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet, anki ta’ Segretarju) ? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta’ direct order?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda xogħol lill-individwu li d-dettalji dwar ingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tal-PBS għas-sena 2013?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Audited Accounts tal-PBS għas-sena finanzjara Ottubru 2012/Settembru 2013 għadhom ma ġewx ppreżentati lill-MFSA. Malli jiġu ppreżentati lill-MFSA, dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal- Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-grant/għotja tal-Gvern bħala PSO jew EPSO lill-PBS għall-iskedi tal-programmi bejn Ottubru 2013 u Ġunju 2014? Kif tqassmu dawn il-fondi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra breakdown bil-libsa ta' programmi li kwalifikaw għal dawn il-fondi pubbliċi u kemm kien l-ammont li kwalifikaw għalih għal kull programm
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont tal-grant tal-Gvern bħala EPSO baqa’ l-istess bħas-sena ta’ qabel. Il-prassi dejjem kienet li r-rapport jigi ppreżentat lill-Mejda tal-Kamra wara li jkun iffinalizzat l-awdittjar. Għaldaqstant ir-rapport għas-sena Ottubru 2013 u Septembru 2014 jiġi ppre¿entat f’nofs is-sena d-dieħla.
Delegazzjoni tal-PBS li attendiet għall-Eurovision
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra minn min kienet magħmula d-delegazzjoni tal-Gvern u/jew tal-PBS li attendiet għall-Eurovision? Jista’ jagħti l-ismijiet ta’ kull min ifforma parti mid-delegazzjoni? Jista’ għal kull isem, jagħti r-rwol preċiz li dik il-persuna kellha fid-delegazzjoni? Jista’ jagħti wkoll l-ispiża preċiża li nħarġet minn fondi pubbliċi għall-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni kollha?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nassigurah li d-daqs tad-delegazzjoni Maltija ma kinitx akbar mis-snin preċedenti, ninfurmah ukoll li l-ispiza kienet inqas.
Din is-sena ħadna din l-inizzjattiva b’mod kummerċjali u għaldaqstant l-informazzjoni rikjesta hija ta’ natura kummerċjali.
Jista’ l-Ministru jinforma lilil-Kamra x’inhu r-rwol preċiz tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi ħdan il-PBS? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job description tiegħu kif ukoll kopja tal-kuntratt tiegħu? Jista’ jispjega b’mod konkret x’inhu x-xogħol li wettaq l-istess individwu matul dawn l-aħħar 14-il xahar?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-persuna in kwistjoni huwa relatat ma’ produzzjoni. Ninfurmak ukoll li f’dawn l-aħħar 14-il xahar, ix-xogħol li sar minn din il-persuna ġġenera introjtu ta’ aktar minn €270,000 għall-PBS.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9338, 9337, 8891 u 8890, jista’ l-Ministru, permezz ta’ uffiċjali tiegħu, jieħu l-passi neċessarji biex jikkordina l-ħidma neċessarja, peress li ninsabu f’sitwazzjoni fejn donnu kulħadd qed jistenna wieħed lill-ieħor, iktar u iktar meta hu magħruf li sid il-post ilu msiefer numru ta’ snin u l-post ilu ma jinfetaħ ukoll għal perjodu twil ta’ żmien?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Il-Pulizija għada ma rċeviet l-ebda talba mingħand l-Awtoritajiet tas-Saħħa kif mitlub fil- provedimenti tal-Kap 465, l-Att dwar is Saħħa Pubblika. Għalkemm kif diġa elenkat fit- tweġibiet numru 8890 u 9338, din hija materja li tirrigwarda l-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-Pulizija Distrettwali għamlu f’kuntatt mal-Awtoritajiet Distrettwali tas-Saħħa dwar dan il-każ. Malli tintalab, il-Pulizija tkun tista tgħin kif titlob il liġi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8220, jista' l-Ministru jgħid meta se titwaħħal il-plakka kommemorattiva li tfakkar it-tqegħid tal-ewwel ġebla
tal-istess akkademja f'Ta' Kandja, issa li x-xogħol tal-kostruzzjoni tal-akkademja tal-pulizija f'Ta' Kandja hu lest?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li għalkemm ix-xogħol f’parti mill-bini tal-Akkademja tal-Pulizija, dik li tinkorpora il-klassijiet u l-uffiċini amministrattivi hija lesta u bdiet tintuża, għadu għaddej ix-xogħol tal-kostruzzjoni fuq parti oħra mill-Akkademja. Għaldaqstant din il-plakka se terġa titqiegħed meta jkun il-waqt. B’differenza minn dak li ġara taħt l-amministrazzjoni preċedenti aħna mhux ser niftaħru bix-xogħol qabel ikun kollu lest.
Ajruport Internazzjonali ta' Malta — arresti ta' persuni
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm, fis-sena 2010, fl-2011, fl-2012, bejn Jannar - Frar 2013 u bejn Marzu 2013 u l-aħħar ta' Ottubru 2013, saru arresti ta' persuni mill-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jista' jispeċifika f'kull każ ir-raġuni tal-arrest u jekk il-persuni konċernati tressqux eventwalment quddiem il-Qorti ?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella li turi in-numru ta’ arresti ta' persuni li mill-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. Inpoġġi ukoll il-lista bir-raġuni tal-arrest u informazzjoni meta il-persuni konċernati tressqu jew ma tressqux quddiem il-Qorti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid, in vista ta' dak li qal il-kap tal-EASO fit-30 ta' Ottubru 2013 fit-Times li l-Kummissjoni Ewropea kienet għadha ma rċevietx talba minn Malta għal special support jew emergency support minkejja li l-Gvern Malti kien ilu minn Lulju 2013 li indika li hekk kellu jagħmel, meta se ssir din it-talba? Jista' jgħid x'qed iwassal għal dan it-tkaxkir tas-saqajn li jistona mal-lingwaġġ ta' emerġenza fil-kriżi tal-immigrazzjoni li lissen il-Ministru u l-Prim Ministru kemm-il darba?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għamel talba formali għal għajnuna mingħand il-Kummissjoni Ewropea f’Awwissu 2013 taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati. Il-Kummissjoni Ewropea approvat din it-talba għall-għajnuna fis-17 ta’ Ottubru. Fid-29 ta’ Novembru tal-istess sena saret it-tieni talba għall-għajnuna. Din it-talba kienet approvata mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Diċembru.
Ta’ min wieħed jgħid li l-għajnuna li kellha bzonn Malta kienet relatata mal-akkoljenza tan-numru kbir ta’ immigranti li waslu fuq medda ta’ zmien pjuttost qasira, milli mal- ipproċessar tal- applikazzjonijiet għal azil. Fil-fatt, ħafna mill-applikazzjonijiet għal azil ġew deċizi fl-ewwel istanza fi zmien sitt xhur jew inqas, u dawk li ingħataw protezzjoni ħargu mid-detenzjoni kmieni, bir-rizultat li n-numru ta’ nies fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni naqas.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm persuni li oriġinarjament kienu immigranti irregolari, ġew rilokati minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ wkoll jgħid kemm persuni u f’liema dati siefru? Ta’ liema nazzjonalità kienu? Liema pajjiż laqagħhom? X’kien l-istatus tagħhom?
Response (MALLIA, EMANUEL)
In-numru ta’ persuni li ġew ri-sistemati jew rilokati f’pajjiżi oħra bejn Marzu 2013 u Marzu 2014 jammonta għal 520. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal kumplament tad-domanda tiegħi, li se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm persuni li oriġinarjament kienu immigranti rregolari ġew ripatrijati minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni u f’liema dati siefru? Ta’ liema nazzjonalità kienu? u?
Response (MALLIA, EMANUEL)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9277 ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Immigranti rregolari – ripatrijati taħt l-mekkaniżmu ta’ Dublin II
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni li oriġinarjament kienu immigranti rregolari ġew ripatrijati taħt il-mekkaniżmu ta’Dublin II minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ jgħid ukoll f’liema dati ġew? Mil-liema pajjiż?
Response (MALLIA, EMANUEL)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9278 ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew kommessi reati ta’ serq minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ jindika kemm minnhom kienu kommessi bl-aggravju tal-vjolenza?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tabella li tkopri l'perjodu min Marzu 2013 sa Marzu 2014, dwar l-ammont ta’reati dwar serq li ġew kommessi, kif mitlub. Dwar ir-reati ta’ serq li kien aggravat bi vjolenza, l-informazzjoni ma tinzamx taħt forma komputerizzata għaliex din l-informazzjoni toħroġ mil-investigazzjonijiet u l-aggravju jitniżżel fl-akkuża ma’ aggravji oħra, jekk ikun il-każ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-perijodu taż-żmien li qed jistennew dawk il-persuni mhux Maltin li talbu biex ikollhom ID card f'Malta wara li ġew joqogħdu hawn għal tup ta' żmien? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx distinzjoni fil-perijodu li wieħed irid jistenna, qabel jingħata din l-ID card, bejn dawk li huma ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi oħra? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti bħalissa għall-għoti ta' tali ID card? Minn liema pajjiżi, pajjiż b'pajjiż?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.