Legislature:
Category:
Reset
Active:

WasteServ — Studji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-istudji li għamel referenza għalihom waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar il-kompożizzjoni tal-bord il-ġdid tal-WasterServ? X'aspetti tal-operat tal-WasteServ qed ikopru dawn l-istudji? Min qed jagħmilhom? Sa meta għandhom jitlestew?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-istudji li rreferejt għalihom huma intiżi biex jagħmlu review strateġiku - skrutinju fid-dettal – ta’ l-operat kollu tal-kumpanija aktar u aktar wara sensiela ta' nuqqasijiet serji li ilhom li ġew elenkati kemm mill-Uffiċċju tal-Awditur Nazzjonali u anki mill-istess ditta ta’ awdituri interni li qabbdet il-kumpanija innifisha. Il-ħsieb huwa li dawn iħarsu lejn kull qasam inkluż dak li huwa management, operat u anki dak finanzjarju fost oqsma oħrajn. Dan l-eżerċizzju komprensiv li mistenni jieħu madwar sitt gimgħat, kif ħabbart fil-konferenza tal-aħbarijiet, qed issir mill-kumpaniji NEXIA BT, RSM MALTA u IDEA MANAGEMENT CONSULTING SERVICES LTD. F'mod parallel hemm review team li għandu bħala Chairperson lil Profs. EA Mallia u bħala membri lil Dr Louiselle Spiteri Farrugia u lis- Sur A Pulis li qegħdin jħarsu lejn l-impatt ambjentali tal-impjant ta' Sant’ Antnin, kif ukoll dwar kemm dan qiegħed filfatt jilħaq il-miri tiegħu f'termini effettivi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mit-tħaddim tiegħu. Nittamaw u nawguraw li dak li nħeba u ġie mistur mill-pubbliku in ġenerali u mit - taxpayers Maltin għal dawn l-aħħar snin jitla fil-wiċċ ħalli toħroġ il-verita' kollha u kullħadd ikun mitlub u mistenni jġorr ir-responsabbilita' tiegħu. Anki dik politika. Nittama li fil-ġejjieni qrib inkun nista nirreferi wkoll għall-istudju li kien tħejja għall-Gvern preċedenti nnifsu, dwar abbużi u prattiċi ħżiena, fost affarijiet oħra, fil-kumpanija WasteServ, li għal raġunijiet mhux magħrufa baqa’ fuq l-ixkaffa, tant li wara li tlesta, il-kumpanija WasteServ baqgħet tagħmel il-maqlub ta’ dak li l-istudju nnifsu rrikmanda.

Buġibba – Waterpark – ħinijiet tal-ftuħ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1362, jista’ l-Ministru jgħid meta se jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku l-Waterpark ta’ Buġibba u x’se jkunu l-ġranet u l-ħinijiet li fihom tinfetaħ din il-faċilità?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed jsiru preparamenti li huma ntiżi biex il-waterpark jinfetaħ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd (inkluż il-festi pubbliċi), bejn l-1 ta’ Lulju u 29 ta’ Settembru bejn 10:00am u 7:00pm.

Impjant tat-Trattament għall-Iskart — Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Bord biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis, liema impjant ġie approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dan l-aħħar? Jekk iva sa meta hu mistenni li dan il-Bord ilesti l-evalwazzjoni tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-Bord biex jevalwa t-tender għall-Impjant tat-Trattament għall-Iskart fil-limiti tal-Għallis ġie mwaqqaf. Dan il-Bord għandu jibda jiltaqa' minn din il-gimgħa. L-Onor. Interpellant ġentilment mitlub japprezza li dan il-proċess huwa delikat u għaldaqstant għad m’hemmx data fissa ta’ meta dan il-bord hu mistenni jlesti l-evalwazzjoni tiegħu.

Enerġija nadifa — Refused Derived Fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-Gvern preżenti beħsiebu jikseb enerġija nadifa mir-refuse-derived fuel li pajjiżna jiġġenera?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ġentilment mitlub japprezza li bħalissa jinsab għaddej eżerċizzju intensiv dwar l-operat kollu tal-WasteServ inkluż l-istess impjanti tagħha. Huwa l-ħsieb tagħna li nindirizzaw l-mistoqsija fi stadju ulterjuri la jkollna stampa aktar ċara attwali tal-operat tal-WasteServ. Ser nkunu qed nħarsu b’attenzjoni kbira lejn r-rakkomandazzjonijiet li jkunu qed jagħmlu dawk responsabbli għal dawn ir-rapporti. L-aspett tar-RDF bla dubju ta’ xejn ma jistax jitwarrab jew jiġi njorat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bidla fil-Klima — membri tal-bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 1379.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — membri tal-bordijiet - Remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 1380.

Irziezet — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq irziezet li jrabbu l-majjali, tiġieġ, nagħaġ u mogħoż separatament fl-aħħar erba’ xhur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’.

Esportazzjoni ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie esportat tonn lejn pajjiżi esteri xahar b'xahar minn Jannar 2012 sal-aħħar ta’ April 2013? Lejn liema pajjiżi? Min kienu l-produtturi lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’.

Pitkalija – permessi għal xerrejja

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li huma reġistrati/mogħtija permess biex jaħdmu bħala xerrejja mill-Pitkalija f'Ta’ Qali? Kif jiġi kkontrollat min jidħol fil-Pitkalija fil-ħin meta l-pubbliku mhux permess li jidħol jixtri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li din is-sena hemm 1317-il persuna li għandhom permess bħala xerrejja fil-Pitkalija f’Ta’ Qali. Dawn il-persuni jiġu mogħtija sticker ikkulurita li din trid tiġi mwaħħla ma’ quddiem tal-vettura tagħhom, għaldaqstant, minn ma jkollux din l-i sticker ma jitħalliex jiddaħal fil-Pitkalija.

Skalli — responsabbiltà

Question

Billi waħda mid-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħha s-sajjieda part-time hi dik tal-iskalli li hawn madwar Malta u Għawdex, u kultant ukoll id-diffikultà ta' liema dipartiment/awtorità hi responsabbli minnhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema minn dawn l-iskalli huma responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent/ Dipartiment tas-Sajd?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura huwa responsabbli għall-użu tal-iskalli li hawn madwar Malta u Għawdex skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 425.04, “Regolamenti dwar l-Użu ta’ Skal”.

Binjiet agrikoli – Working group

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari1476, fejn qed jingħad li se jitwaqqaf working group li se jipproponi tibdil tad-dokument tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) dwar agriculture, farm diversification and stables, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt kienx diġà miktub, diskuss mal-Awtorità u emendat tali studju, matul l-aħħar leġiżlatura? Jekk iva, x'se jkun l-iskop li jerġa’ jinbeda x-xogħol mill-ġdid fuq xi ħaġa li kienet fi stadju avvanzat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-diskussjonijiet li qed jirreferi għalihom u li seħħu fil-leġiżlatura preċedenti ma kienux ġew maqbula mill-istakeholders kollha konċernati u għaldaqstant ma ġewx fis-seħħ l-emendi msemmija, tant li sal-lum għadhom japplikaw l-“Agriculture, Farm Diversifications and Stables” Guidelines hekk kif ġew pubblikati fl-2007. Ninsab infurmat ukol li f’dawn l-aħħar ġimgħat saru numru ta’ laqgħat ma diversi organizazzjonijiet tal-bdiewa u rriżulta li għad hemm numru ta’ kwistjonijiet li ma ġewx indirizzati b’mod soddisfaċenti fil-leġiżlatura preċedenti u li jeħtieġu studju u bidliet ulterjuri flimkien mal-konsultazzjoni neċessarja, u għaldaqstant ġie fformat dan il- working group.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — laqgħat ma' ambaxxaturi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra ma’ liema Ambaxxaturi ltaqgħa tul ix-xhur ta Marzu, April u sal-ġurnata tal-lum? Jista’ jindika ukoll x’ġie diskuss?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Ambaxxaturi li ltqajt magħhom matul ix-xhur indikati kienu: -L-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta – is-Sinjura Gina Abercrombie-Winstanley -L-Ambaxxatur Olandiż għal Malta- is-Sur Robbert J. Gabrielse -L-Ambaxxatur Taljan għal Malta – is-Sur Giovanni Umberto De Vito -L-Ambaxxatriċi tal-Awstrija għal Malta – Dr Petra Schneebauer -Il-Kummissarju Għoli Ingliż – is-Sur Robert Luke -L-Ambaxxatriċi Svediża għal Malta – Is-Sinjura Ulla Gudmundson -L-Ambaxxatur tal-Kuwait għal Malta – Is-Sur Faisal S. Al-Musaileem -L-Ambaxxatur Spanjol għal Malta – is-Sur Felipe De La Morena -Il-Kummissarju Għoli tan-New Zealand għal Malta - Dr Trevor Donald Matheson fejn ġew diskussa suġġetti topiċi marbutin mal-oqsma ewlenin tad-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Nefqa għall-użu ta' mobiles

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn 1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u segretarjat privat flimkien, għall-perjodu bejn l-1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013, laħħqet is-somma ta’ €8,951.59.

Sajjieda Maltin – Skema ta’ insurance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tidħol fis-seħħ l-iskema tal-insurance għas-sajjieda Maltin u Għawdxin, liema skema kien diġà sar ħafna xogħol fuqha taħt il-Gvern preċedenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-Bord għall-Monitoraġġ dwar Għajnuna mill-iStat (State Aid Monitoring Board) għad irid japprova l-ftehim iffirmat mal-Ko-operattivi.

Bdiewa – programm ta’ informazzjoni dwar in-nitrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru żjarat għand il-bdiewa minn Jannar 2013 sal-aħħar ta’ April bħala parti mill-programm ta’ informazzjoni lill-bdiewa fuq it-tnaqqis ta’ nitrati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ammont ta’ żjarat bħala parti mill-programm ta’ informazzjoni lill-bdiewa fuq it-tnaqqis ta’ nitrati bejn Jannar u April 2013 kien dak ta’ 327.

Local Action Groups — Audits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux audits fuq l-infiq tal-local action groups minn Jannar 2013 sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-infiq tal- local action groups għal perjodu msemmi jsir meta dan jaqa’ fis-sena finanzjarja li tkun taħt skrutinju mill-Awtorità tal-Verifika. Ninsab infurmat li din is-sena tibda fis-16 ta’ Ottubru u tintemm fil-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara.

DG Fisheries — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa mill-kariga ta’ DG Fisheries?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-individwu, li d-dettalji dwaru intbagħtu separatament, għandu kariga mal-Gvern u kien qiegħed jokkupa, temporanjament, kariga oħra sakemm din tiġi mimlija. Issa din il-kariga temporanja qiegħda tiġi okkupata minn persuna oħra, għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda tneħħija mill-kariga f’dan ir-rigward.

Siġar tal-palm – tħawwil

Question

Jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li siġar tal-palm li jinqalgħu minn xi post partikulari jitħawlu mill-ġdid xi mkien ieħor? Kemm kien hemm siġar tal-palm li nqalgħu u tpoġġew post ieħor matul l-aħħar sitt xhur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi d-Direttorat responsabbli għas-Saħħa tal-Pjanti ma jagħtiex permess li siġar tal-palm jinqalgħu u jitħawlu f’postijiet oħra.

Miżuri 121 — proġetti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1216, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-data ta’ kull applikant taħt din il-miżura li ġabu l-istess punti relatata mal-kriterji imsemmija fit-tweġiba, kif ukoll dokumenti li jikkonfermaw dawn il-kriterji?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li diġa ġie sottomess ħafna informazzjoni taħt it-tweġiba parlamentari numru 436. Ninsab infurmat illi l-kriterji li ntużaw u msemmija fit-tweġiba ġew ippublikati fit-8 ta’ April 2013 u qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabelli A u B flimkien ma kopja tal-minuti, Tabella Ċ, fejn il-Bord qabel li jintużaw dawn il-kriterji addizzjonali.