Legislature:
Category:
Reset
Active:

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport – persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' nisa u rġiel li jokkupaw pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema pożizzjoni ta' deċiżjoni qed tagħmel referenza għalihom.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, ma saru ebda ħlasijiet lill-kumpaniji indikati mill-Onor. Interpellant mill-Ministeru, Segretarjat Parlamentari, Direttorati u entitajiet fi ħdan l-istess Ministeru.

Klabb 3-16 u SkolaSajf – screening tal-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta ta d-direzzjoni biex jiġu impjegati aktar ħaddiema ma' Klabb 3 - 16 u SkolaSajf, ħa ħsieb ukoll li jassigura li l-ħaddiema kollha li kellhom jiġu impjegati għandu isirulhom l-iscreening meħtieġ u r-reklutaġġ tagħhom skont il-liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-persuni li ġew impjegati sabiex fis-sajf jaħdmu fi Klabb 3-16 u Skola Sajf ġejjin jew mill-iskejjel tal-Istat jew mill-iskejjel tal-Knisja jew Skejjel Indipendenti. Dan ifisser li dawn il-persuni kienu approvati mid-DQSE jew mill-PSC. Bħal ma ġara fi snin oħra, intużaw ukoll studenti tal-Universita` u/jew MCAST bħala parti mill-University Student Summer Work Opportunities.

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – impjieg ta’ coordinator, child support workers u l-playworkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi ngħatat l-awtorizzazzjoni bil-miktub biex timpjega l-Coordinator, iċ-Child Support Workers u l-Playworkers biex dan is-sajf jaħdmu ma' SkolaSajf u Klabb 3 - 16? Jista' jgħid kemm kienu n-numri ta' ħaddiema f'kull kategorija li kienu awtorizzati li jimpjegaw? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-awtorizzazzjoni li ngħatat biex l-Fondazzjoni tkun tista' timpjega il-ħaddiema li kien hemm bżonn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-6 ta’ Mejju 2014 il-Fondazzjoni ingħatat permess sabiex timpjega 12-il kordinatur, 140 Child Support Worker u 300 Play Worker bejn Lulju u Settembru 2014. Kopji tal-awtorizzazzjoni li ngħatat biex il-Fondazzjoni tkun tista' timpjega dawn il-ħaddiema qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Dok. A; B u Ċ

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – fondi għall-klabb 3-16 u SkolaSajf

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk u meta l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi se tingħata fondi iktar milli hemm allokati fil-baġit imressaq mill-Gvern sabiex ikunu jistgħu ikopru għall-ispejjeż kollha li huma marbuta ma' Klabb 3 -16 u SkolaSajf matul din is-sena kollha? Jista' jgħid kemm huwa x-shortfall ta' Klabb 3 - 16 u SkolaSajf li huwa kkalkulat li għandha l-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi għal matul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi s’issa ngħatat fondi addizzjonali biex ikopru spejjeż relatati ma’ Klabb 3-16 u Skola Sajf li jammontaw għal €901,467.56. Ngħataw ukoll €200,000 għas-salarji tal-part-time cleaners.

Kampanja Vot-16 – nefqa mil-vot tas-Segretarjat għaż-Żgħażagħ u l-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s’issa l-kampanja Vot 16 li nieda l-Gvern ftit aktar minn sena ilu mill-vot tas-Segretarjat responsabbli miż-żgħażagħ u l-isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s'issa l-kampanja Vot 16 ġiet tiswa total ta` €2,361.50 li kienu parti minn proġett tal-Unjoni Ewropeja.

Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi – kap eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li nbidel il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi? Se ssir sejħa pubblika biex jintgħażel Kap Eżekuttiv ġdid, kif wara kollox suppost hija l-prassi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta, liema rapport ġie ppubblikat, il-Ministeru ħatar lis-Sur Charles Micallef, li għandu esperjenza vasta ta' tmexxija maniġerjali, għal perjodu definit.

Skejjel Primarji – rata nazzjonali tal-assenteiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tal-primarja mill-Year 1 sal-Year 6 jew ekwivalwenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi, dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel tal-primarja Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, iġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħall-iskejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn 3 ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola. Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru. Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza ser tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Skejjel Sekondarji – rata nazzjonali tal-assenteiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi r-rati nazzjonali tal-assenteiżmu mill-iskejjel tas-sekondarja li m’għandhomx il-bniet u s-subien imħalltin, mill-Form 1 sal-Form 5 jew ekwivalenti, mis-sena skolastika 2003-2004 sas-sena skolastika 2013-2014, għat-tliet setturi dak Statali, dak tal-Knisja u dak Indipendenti, f’kull każ għall-bniet u s-subien separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar l-iskejjel tas-sekondarja Statali, minn meta bdiet tinżamm ċentralment din l-istatistika, iġifieri mis-sena skolastika 2008/09, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħall-iskejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti huma mistennija li jissottomettu l-Formoli SEWO7 (School Education Welfare Office), li fihom għandhom jiġu rappurtati każijiet ta’ studenti li jkunu fallew skola għal aktar minn 3 ijiem matul xahar partikolari mingħajr ma pprovdew ġustifikazzjoni valida lill-iskola. Filwaqt li jeżisti l-obbligu għall-iskejjel kollha rreġistrati biex jimxu ma' dawn il-proċeduri, jidher li dan ix-xogħol min-naħa tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti jieqaf fil-livell ta’ skola u għaldaqstant id-data mitluba mhix disponibbli għall-Ministeru. Tajjeb wieħed ifakkar li politika nazzjonali dwar l-attendenza ser tkun varata fil-futur qrib mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Malta Racing Club – assistenza mill-Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar l-assistenza li ngħatat lill-Malta Racing Club min-naħa tal-Kunsill Malti għall-Isport bejn Jannar 2009 u Awwissu 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar l-assistenza li ngħatat lill-Malta Racing Club qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Assenteiżmu minħabba kundizzjonijiet mediċi

Question

Fl-isfond tat-tibdiliet riċenti fil-mod ta’ kif it-tfal qed jiġu ċċertifikati għall-assenza minħabba mard biex jitnaqqas l-assenteiżmu, jista’ l-Ministru jgħid x’għandu x’joffri d-Dipartiment tal-Edukazzjoni biex jgħin lil dawk it-tfal li jbatu minn school refusal li tfisser li student ma jkunx irid imur l-iskola minħabba li din tikkawżalu/a distress emozzjonali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn din is-sena skolastika (2014-15) il-ġenituri huma obbligati jagħtu raġuni valida ta’ kull ġurnata li l-istudenti jfallu l-iskola. Din hi waħda mill-miżuri li tnedew dan ix-xahar bl-għan li jitnaqqas l-assentejiżmu. Meta l-iskola tinduna li hemm studenti li qed ifallu minħabba li jbatu minn school refusal, dawn jiġu referuti lis-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali fi ħdan il-Kulleġġ partikolari. Wara li jsir assessment tal-istudent li ġeneralment isir mill-ħaddiema soċjali dawn jiġu referuti lill-Psikoloġi tal-Kulleġġi jew ma’ professjonisti barra mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, li qed jaħdmu mal-istudent. F’dawn il-każijiet il-ħaddiema soċjali jaħdmu id f’id ma’ dawn il-professjonisti, li jinkludu ċ-Child Guidance Clinic, psikjatri, psikoloġi u psikoterapisti. Isir ukoll ħafna xogħol mal-ġenituri. Meta l-istudent jiġi referut direttament lill-Psikoloġi tal-Kulleġġi dawn jiġbru informazzjoni dwar l-interventi li jkunu saru qabel kif ukoll l-attendenza tal-istudent fl-aħħar snin u s-sitwazzjoni preżenti tal-familja tal-istudent. F’ħafna mill-każijiet isir pjan mal-istudent, il-ġenitur, l-iskola u l-professjonisti involuti biex l-istudent jersaq lejn l-iskola. B’hekk jinħoloq pjan edukattiv individwali għall-istudent li l-għan tiegħu hu li l-istudent jiġi integrat l-iskola ftit ftit.

Skejjel f’Għawdex – posijiet vakanti ta’ Heads u Assistant Heads

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti ta' Heads u Assistant Heads fl-iskejjel Primarji, Sekondarji u Post Sekondarji ta' Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-preżent m’hemmx postijiet vakanti ta’ Heads u Assistant Heads fl-iskejjel Primarji, Sekondarji u Post Sekondarji ta’ Għawdex.

MCAST Business and Commerce — aċċess

Question

Minħabba li kif jirriżulta, l-aċċess għall-fakultà l-ġdida tal-MCAST Business and Commerce qed jingħata minn block adjacent li qed jitlesta, u jeħtieġ li l-istudenti (anke dawk b'diżabilità) jitilgħu tliet sulari taraġ, jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jingħata l-aċċess lil dawn l-istudenti għal-lift tal-istess fakultà?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li aċċess għall-blokk imsemmi jeżisti b’mod sħiħ għall-istudenti b’diżabilita’ permezz tal-użu ta’ lift. Studenti b’diżabilita’ li għandhom bżonn jużaw dan il-lift jingħataw card apposta sabiex ikollhom aċċess għall-lift.

Spejjeż għall-Edukazzjoni ta’ kull Student

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa lill-Istat, l-edukazzjoni ta’ student jew studenta fi skola tal-Gvern f’sena waħda meta jkun year 1, meta jkun year 6, form 1 u form 5 bejn wieħed u ieħor?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn eżerċizzju li sar dwar in-nefqa fl-iskejjel tal-Istat għas-sena skolastika 2012-2013, irriżulta li n-nefqa ras għal ras fuq kull student hija ta’ €2,267 kull student fi skola primarja (irrispettivament jekk hux f’Year 1 jew Year 6) u €3,952 kull student fi skola sekondarja (irrispettivament jekk hux f’Form 1 jew f’Form 5).

KMS – riforma — ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10305, jista’ l-Ministru jgħid jekk meta stqarr “li l-ebda ħaddiem mhu se jitlef postu”, kienx qed jirreferi wkoll għall-ħaddiema part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-unika ħaddiema part-time li għandha l-KMS huma marbuta b’kuntratt ta’ sena.

Skola ġdida tal-Isport – xogħol ta’ bini

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li waqt li jkun qed isir ix-xogħol ta’ bini fuq l-iskola l-ġdida tal-Isport l-istudenti mhux se jkunu esposti għal inkonvenjent waqt li jkunu għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom matul is-sena skolastika 2014/2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha fl-iskola l-ġdida tal-isport biex l-istudenti ma jkunux esposti għal inkonvenjent waqt li għaddejjin bil-lezzjonijiet tagħhom. F'dan ir-rigward, xogħol ta' skavar u twaqqiegħ huwa previst li jsir qabel ma tibda l-iskola u ser isir hoarding madwar iż-żona fejn ser isir ix-xogħol biex tiġi mħarsa s-sigurta' kemm tal-istudenti kif ukoll tal-għalliema. Għal dan il-għan ġie kkummissjonat Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sigurta'.

Skola tal-isport f’Ħal Kirkop

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’użu se jkollhom matul is-sena skolastika 2014/2015 il-klassijiet tal-iskola tal-isport li kienet qed tintuża sa ftit jiem ilu f’Ħal Kirkop?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ kmamar li kienu jintużaw mill-iskola tal-isport fil-bini tal-Iskola Sekondarja f’Ħal Kirkop se jintużaw għall-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Benedittu li għal ftit tas-snin se tkun parti mill-bini tal-Iskola Sekondarja Kirkop.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista aġġornata tal-persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jressaq lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu is-servizz tagħhom lid-dekasteru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Università ta’ Malta – Kors tad-dentistrija

Question

Peress li dentisti ggradwati mill-Università ta’ Malta huma rinomati għal-livell għoli ta’ sengħa fix-xogħol tagħhom u għaldaqstant ħafna minnhom jirnexxu fi studji iktar avvanzati jew f'impjiegi saħansitra fl-aqwa istituzzjonijiet barra minn Malta u peress li dan il-livell huwa milħuq grazzi għas-sistema ta’ taħriġ li permezz ta’ superviżjoni minn speċjalisti u professjonisti impjegati mill-Università ta’ Malta l-istudenti jingħataw l-opportunità ta’ tagħlim u prattika tas-sengħa tagħhom f’ambjent li jiżgura l-ogħla kura għall-pazjenti u bħala parti mill-operat ta’ din is-sistema, id-dentisti tal-Gvern kellhom il-possibilità li jirreferu pazjenti għand l-istudenti fejn ix-xogħol li l-pazjenti kellhom bżonn kien ta' kumplessità adattata għal-livell ta’ sengħa tal-istudenti u li llum qegħdin f’sitwazzjoni fejn din is-sistema twaqqfet u għalhekk l-istudenti mhux qed jirċievu biżżejjed esperjenza fix-xogħol kliniku tagħhom u dan qiegħed ikun ta' detriment għal-livell ta’ sengħa fil-qasam tad-dentistrija f’Malta b’riskju li l-livell ta’ kura fid-dentistrija ma tibqax iżomm il-livell għoli li laħaq illum il-ġurnata, jista’ l-Ministru jagħti spjega għaliex saru dawn it-tibdiliet fis-sistema u x’passi se jieħu l-Gvern biex jindirizza din il-problema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-istudenti fil-Fakulta’ tad-Dentistrija tal-Universita’ ta' Malta huma mħarrġin sew waqt il-kors li jsegwu kif jidher ċar mir-riżultati li huma rċevew dan l-aħħar fl-eżamijiet ta' Ġunju. Minħabba l-fatt li n-natura tal-kura tal-pazjenti u l-bżonnijiet tagħhom huwa proċess ta' tibdil kontinwu, ċerti proċeduri ma jistgħux isiru min-naħa tal-kliniċi ta' l-Universita’ iżda huma mogħtija mill-kliniċi u konsulenti tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Il-livell ta' edukazzjoni u taħriġ kliniku kien, u għadu, ssorveljat mill-istaff fl-isptar Mater Dei li joffru s-servizz tagħhom biex jgħallmu u jedukaw mill-esperjenza u l-għarfien tagħhom. Din hija deċiżjoni libera u mhux imposta mill-gvern u lanqas mill-Universita’. Hemm min jogħġbu jirreferi pazjenti lin-naħa ta' l-Universita’ u hemm min mhux lest jagħmel dan. Ix-xewqa hi li aktar staff jinvolvu ruħhom min-naħa tal-Isptar Mater Dei bħala sptar li jgħallem (teaching hospital). Nixtieq inżid li hemm koperazzjoni kbira bejn il-Fakulta’ tad-Dentistrija u ċ- chairman preżenti tad-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei kif ukoll mas-segretarjat parlamentari tas-saħħa f’dan ir-rigward.

Il-Ħamrun – rapporti ta’ bullying fl-iskejjel

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' bullying ġie rrapportat, jekk inhu l-każ, fl-iskejjel tal-Ħamrun fis-sena 2013? Jista' jindika f'liema skejjel sar dan il-bullying u x'passi ttieħdu dwar dawn il-każijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, minn Jannar 2013 sal-aħħar ta’ Diċembru 2013, fl-iskejjel tal-Ħamrun ġew irrapportati lis-Servizz Kontra L-Ibbuljar 15-il każ. L-iskejjel li rreferew il-każijiet kienu: Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja Tas-Subien, il-Ħamrun - 7 każijiet Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja Tal-Bniet, il-Ħamrun – 2 każijiet Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja Ħamrun (School Street) – 2 każijiet Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja Ħamrun (Ġużè Pace Str) – 4 każijiet L-uffiċjal li huwa inkarigat minn dawn l-iskejjel ħadet azzjoni fuq kull każ li ġie rreferut lis-Servizz. Inħadem pjan ta’ azzjoni għal kull każ. Fosthom dan jinkludi intervent mal-klassi sħiħa, sessjonijiet individwali mal-vittma u l-bully u meta meħtieġ ma’ gruppi żgħar kif ukoll sessjonijiet mal-ġenituri. Saru wkoll kuntatti mal-professjonisti oħra bħal guidance teachers, Counsellors, College Prefect of Descipline, u INCO biex jagħtu s-sapport professjonali fejn meħtieġ skont in-natura tal-każ. Kien hemm każ fejn il-Pulizija kienet involuta.