Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prezz ta' l-Għeneb

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju ta' l-għeneb matul l-istaġun ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mal-ammont minn Lulju 2002 lil hawn, wieħed irid iżid ukoll is-sussidju li jagħti l-gvern fuq l-għeneb biex jifhem aħjar id-dħul reali li jieħu l-bidwi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Carnet de Chasse — Tajr/Għasafar Maqbuda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew maqbuda tajr u għasafar sena b'sena kif dikjarat mill-kaċċaturi u nassaba skond il-Carnet de Chasse? X'tip kienu l-għasafar maqbuda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-riżultati li nkisbu mill-carnet de chasse huma hekk kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra : 2001: fuq sample meħuda minn National Statistics Office, dawn ħarġu l-figuri ta’ l-għasafar li nqabdu. Dettalji tagħhom qiegħdin għand l-uffiċċju ta’ l-Istatistika. 2002: Wara li ġie ddisinjat software, it-tagħrif kollu li nġabar mill-carnet de chasse ġie mdaħħal f’ dan is-software u r-riżultati tiegħu huwa dan li jidher hawn taħt. 2003: Din l-istatistika għadha qed tinġabar wara li l-kaċċaturu u n-nassaba jeħduhom lill-Għaqda tagħhom rispettivament, u għalhekk din ma tistax tingħata għalissa.

Pieta' — Triq Marina - żbir ta' siġar

Question

Jista' il-Ministru jibgħat xi uffiċjali mid-dipartiment sabiex jinżabru s-siġar li hemm f'Marina Street, Pieta u dan peress li dawn is-siġar kibru ħafna u qed jarmu ħafna weraq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ż-żabra tas-siġar issir skond il-programm imħejji, u skond il-prioritajiet u l-bżonn. Iż-żabra tas-siġar fi Triq Marina, Pieta qegħda fil-programm. Minħabba li dan ix-xogħol jinsab fi triq prinċipali u traffikuża, iridu jsiru ċerti preparamenti biex jiġi evitat li t-traffiku jiġi mfixkel.

Ta' Qali — Potato Grading Station - asbestos fl-arja

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga jekk l-ammont ta' asbestos fl-arja fil-Potato Grading Station li ħiereġ mis-soqfa ta' l-asbestos li hemm fil-grading station stess, huwiex tant għoli li l-ħaddiema tal-plant health section ittieħdu l-pitkalija f'Ta' Qali bħala prekawzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema ntbagħtu jaħdmu f' post alternattiv sakemm is-sitwazzjoni qed tkun eżaminata.

Qui Si Sana — Proġett ta' car park

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proġett ta' car park fi Qui Si Sana hux se jsir u jekk fl-affermattiv, jinformani jekk ġiex identifikat l-iżviluppatur għall-proġett? X'feedback hemm mill-kunsill lokali u r-residenti ta' l-inħawi? Hemm programmati dati ta' konsultazzjoni pubblika? Fejn waslet ir-resident parking zone scheme f'din iz-zona ta' Tas-Sliema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Wara proċess ta' tender mid-Dipartiment ta' l-Estates Management bbażat fuq development brief li tħejja mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġiet magħżula l-kumpanija C&F Building Contractors u eventwalment daħlu żewġ applikazzjonijiet għal żvilupp ta' parkeġġ fi Qui-si-sana u x-Chalet f' Tas-Sliema. Il-Konsultazzjoni Pubblika fuq dawn il-proġetti kienet ġiet kondotta bħala parti mill-proċess tad-Development Briefs għal Qui-si-Sana u x-Chalet, qabel ma dawn ġew approvati mill-MEPA. Skond Sezzjoni 6.2 tad-Development Briefs approvati għall-iżvilupp ta' din iż-żona, l-applikant irid jipprepara u jintroduċi Residential Parking Zone għall-inħawi. L-applikant irid ukoll jissottometti Traffic Impact Statement u l-materji kollha li għandhom x' jaqsmu mar-Residential Parking Zone ikunu ikkunsidrati fit-Traffic Impact Statement. Hu mifhum li l-konsulenti ta' l-applikanti qegħdin preżentement jippreparaw it-Traffic Impact Statement u r-Residential Parking Zone. Il-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema ssottometta ittra fuq l-applikazzjoni tax-Chalet fejn kien talab għal 30 ġurnata oħra sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu. Il-MEPA ma rċeviet l-ebda korrispondenza oħra f' dan ir-rigward mingħand l-istess Kunsill. Min-naħa l-oħra, il-MEPA rċeviet erba’ oggezzjonijiet għal dan l-iżvilupp mingħand xi residenti. Il-MEPA trid tipproċessa dawn l-applikazzjonijiet fuq il-parametri ndikati fid-development briefs.

Israel — Enerġija solari

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kuntatti saru f'Israel dwar l-enerġija solari?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-programm taż-żjara tal-Ministru f' Israel li tħejja mill-Gvern Israeljan. kien jinkludi wkoll żjara lil kumpannija li tiddisinja, timmanifattura u tinstalla apparat ta' l-enerġija solari kemm kummerċjali kif ukoll domestiku.

Pitkalija — Biegħa tal-ħaxix

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus għall-biegħa li ddaħlet fil-Pitkalija Ċentrali f'Ta' Qali fix-xhur ta' Lulju, Awissu u Settembru ta' din is-sena separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu għas-snin 2003, 2002, 2001 u 2000 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta’ min jinnota li l-ammont ta’ flus ħafna drabi jiddependi direttament mil-kwantita’ ta’ prodott. Meta l-kwantita’ tal-prodott tonqos jiżdied il-prezz, u viċi-versa.

Biċċerija — Qatla tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-piż tal-qatla tal-majjal li daħħal fil-Biċċerija tal-gvern matul ix-xhur ta' Jannar u Settembru xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, qed inppoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija parlamentari numru 3344 f’ Seduta numru 80 tat-12 ta’ Diċembru 2003.

Biċċerija — Qatla taċ-ċanga

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-piż tal-qatla taċ-ċanga li daħħlet fil-Biċċerija tal-gvern matul ix-xhur ta' Jannar u Settembru xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin sena b'sena separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

ELC — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema tal-ELC ma tħallsux fis-6 ta' Ottubru? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid meta se jsir dan il-ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ħlas lill-ħaddiema mill-Environment Landscaping Consortium (ELC) sar nhar is-7 ta’ Ottubru 2004.

Pitkala — Bejgħ tal-biegħa

Question

Jirriżultalu l-Ministru li fix-xhur ta' Awissu u Settembru ċ-ċifra tal-flus tal-bejgħ tal-biegħa tal-pitkala niżlet fl-agħar livelli tagħha meta paragunata mal-figuri tal-bejgħ tal-biegħa fl-istess perjodu għas-snin 2003, 2002 u 2001? Jista' jinforma lill-Kamra x'ikkawża dan in-nuqqas ta' bejgħ ta' flus għall-pitkala u għall-bdiewa lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-ewwel nett irrid niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li l-biegħa mhix tal-pitkala iżda tal-bdiewa. Ta' min jinnota li fl-2004 kien hemm żieda fuq l-2003 fil-produzzjoni tal-ħaxix ta' 1,439,833 kili li, b' riżultat ta' din iż-żieda, il-prezz tbaxxa u allura il-valur naqas b’ Lm169,467. Minn-naħa l-oħra, kien hemm żieda fil-valur tal-frott ta' Lm77,006 peress li kien hemm nuqqas fil-produzzjoni tal-frott b' iktar minn 50,000 kilo. B' riżultat ta' dan, id-differenza niżlet għall-Lm92,461. . Madanakollu, mistenna li wieħed jara l-istampa kollha peress li meta wieħed iqis li l-valur ta’ sussidji skond kif ġie nnegozjat mal-Unjoni Ewropea, il-bdiewa qed jirċievu kumpens aktar mill-valur tad-differenza msemmija.

Kaċċa viċin iċ-ċimiterju ta' l-Addolorata

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux permess li ssir kaċċa fl-areas viċin iċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? Kemm trid tkun id-distanza mill-istess ċimiterju, jekk hemm permess ta' kaċċa fl-istess inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata u il-madwar tiegħu huma nklużi fi Skeda V ta' l-Avviż Legali 146 ta' l-1993, hekk kif emendat b' mod partikolari bl-Avviż Legali 41 ta' l-2003. Dan ifisser li l-lokalita' hekk kif definita fuq il-mappa maħruġa ma’ l-Avviż Legali 41 ta' l-2003 hija ddikjarata bħala Santwarju ta' l-Għasafar, fejn il-kaċċa jew it-teħid ta' l-għasafar huwa illegali.

MEPA — Servizz ta' internet għall-impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni wara d-deċiżjoni li nhar l-1 ta' Ottubru 2004 tneħħa l-internet lill-impjegati tal-MEPA? Jista' jgħid għaliex l-aċċess għall-internet tħalla għall-ħaddiema li għandhom grad ta' managers biss? Ma jaħsibx li din id-deċiżjoni ma tagħmilx sens meta l-maġġoranza ta' l-impjegati fi ħdan iċ-ċivil għandhom dan l-aċċess? Jista' jgħid għaliex il-ħaddiema ma ġewx avżati b'din id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-raġuni għal din id-deċiżjoni hi li minn ċerti gradi ‘l isfel, dawn is-servizzi mhux essenzjali għall-qadi tad-doveri ta' kuljum, u li dan kien qiegħed biss joħloq iċ-ċans biex ċerti mpjegati jitilfu l-ħin tagħhom fuq affarijiet li m' għandhomx x' jaqsmu max-xogħol ta' kuljum. Is-servizz ta' l-'internet' qiegħed jiġi pprovdut fuq il-post tax-xogħol barra l-ħin tax-xogħol lil dawk l-impjegati li qed jagħmlu kors l-Universita' li huwa mħallas mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Ħamiem selvaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi mod kif jista' ikun ikkontrollat it-tkattir ta' ħamiem selvaġġ li għandna f'ħafna bliet u rħula, peress li dan jista' ikun ta' detriment għas-saħħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm ħafna metodi biex wieħed jikkontrolla it-tkattir tal-ħamiem salvaġġ. Sintendi dan għandu jkun metodu li ma jgħamilx ħsara lill-ħamiem. Dawn il-metodi mhux dejjem ikunu ta’ suċċess kif wieħed jkun qiegħed jistenna. Ser nitlob lill-Kunsill għat-Trattament Xieraq ta' l-Annimali biex jagħti opinjoni u pożizzjoni fuq din il-materja.

Hands on Fishing

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex il-programm edukattiv "Hands on Fishing" ma baqax jiġi organizzat għall-istudenti li jattendu r-raba' u l-ħames sena sekondarja? Ma jħossx il-Ministru li fid-dawl tar-regoli l-ġodda tas-sajd li ddaħħlu f'pajjiżna dan il-programm edukattiv aktar sar bżonnjuż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li minħabba prioritajiet oħra dik l-inizjattiva fejn tfal ta' l-iskejjel kienu jittieħdu fuq dgħajsa u jiġi spjegat lilhom is-sengħa tas-sajd ma tkomplitx. Ittieħdet iżda inizjattiva oħra fejn numru ta' tfal ittieħdu fuq il-baħar fl-okkazjoni tar-rilaxx ta' fkieren li inqabdu mis-sajjieda. Hu maħsub li din l=attivita' titkompla u aktar studenti jingħataw l-opportunita' jattendu. Ma narax kif il-programm 'Hands on Fishing' għat tfal ta' l-iskejjel huwa "bżonnjuż" "fid-dawl tar-regoli l-ġodda tas-sajd" meta dawn ir-regolamenti jirrigwardjaw il-bastimenti tas-sajd li jintużaw mis-sajjieda.

Koperattivi tas-Sajjieda Maltin — Regolamenti tas-Sajd

Question

Jista' il-Ministru jinformana bil-pożizzjoni li ħa l-bord nazzjonali tas-sajd dwar l-aħħar ilmenti imressqa mill-koperattivi tas-sajjieda Maltin dwar ir-regolamenti l-ġodda tas-sajd u tal-bastimenti tas-sajd?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn meta sar dak l-ilment il-Bord tas-Sajd għadu ma ltaqax. Jien infurmat li r-regolamenti kif ġew ippublikati kienu ġew diskussi għal seba' xhur fil-Bord tas-Sajd xi sentejn ilu. Ir-regolamenti ppublikati huma r-riżultat ta' dawk id-diskussjonijiet.

Ta' Qali — Grading/Parking Station

Question

Jista' il-Ministru jinformana liema huma dawk ir-rappreżentanti tal-bdiewa - u l-għaqdiet li jirrappreżentaw - li ġew ikkonsultati dwar l-ispiża li se jinvolvi l-operat u t-tmexxija tal-grading u l-parking station il-ġdid fTa' Qali? Fil-fatt x'se jħallsu l-bdiewa minn buthom għat-tmexxija u l-ispejjeż ta' l-operat ta' dan il-grading u l-parking station il-ġdid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-operat u t-tmexxija tal-grading u l-packing station il-ġdid f' Ta' Qalii qiegħed jiġi diskuss mal-konsulenti Taljani taħt il-ħames Protokol Taljan u fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi diskuss ukoll mal-għaqdiet rappre¿entanti tal-bdiewa.

MEPA — PA2349/04

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jikkonsidra xi forma ta' kumpens jew alternattiva oħra lill-bdiewa li hemm jaħdmu fl-art assenjata għar-relokazzjoni tal-beach rooms li hemm fil-Marfa skond il-Marfa Action Plan u skond applikazzjoni PA2349/04? Jista' jgħid jekk dawn il-bdiewa hux se jitilfu l-għelieqi li għandhom bħalissa? Jista' jgħid jekk hux se jsiru xi Environmental Impact Assessments dwar din l-area?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kumpens dovut lill-bdiewa fil-kaz li jittieħdilhom xi raba minħabba xi żvilupp huwa regolat mill-liġi li tikkontrolla l-kiri tar-raba, Att XVI tal-1967. L-applikazzjoni PA 2349/04 għadha qed tiġi proċessata mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Fil-fatt, l-ammont ta' art assenjata għar-relokazzjoni tal-beach rooms skond il-Marfa Action Plan għada qed tiġi riveduta biex tirrifletti l-oġġezzjonijiet li saru, għalhekk għadni m' inhix f' pożizzjoni li ngħid jekk hux se jittieħdu xi għelieqi. L-Awtorita' talbet li minħabba l-kobor u s-siti ta' dawn l-applikazzjonijiet Environmental Impact Assessment irid isir.

MEPA — Dħaħen ġejjin mill-karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-MEPA biex tipprova tnaqqas ċerti dħaħen ta' karozzi mill-village cores? Studjat jekk hux possibbli li fil-qalba ta' ċerti rħula u bliet jinsabu rotot alternattivi għal trakkijiet u heavy vehicles oħrajn biex kemm jista' ikun jitnaqqas l-exhaust mill-qalba tar-raħal jew tal-belt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li r-responsabbilta' għal biex jinstabu rotot alternattivi għat-traffiku, u biex isiru studji fuq id-dħaħen ta' karozzi / trakkijiet taqa' taħt l-Awtorita' Dwar it-Trasport fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Trasport. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MEPA — Xogħol f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jara li xogħol li qiegħed isir f'post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, isir kollu skond il-liġi? Jista' isir bini? Setgħet titneħħa l-ħamrija? Il-persuna li qed tagħmel l-iżvilupp intalbet terġa' tpoġġi lura l-ħamrija? Xi jkopru l-permessi li hemm? Għadha tgħodd notifikazzjoni tal-gvern Nru. 384, datata 10/6/04? Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi oqbra taħt din l-art? Hemm xi problema min-naħa tad-dipartiment tal-mużewijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kien inħareġ permess tal-bini PA 983/02 datat 23 ta' Awissu 2002 biex jinbena garaxx u xi modifikazzjonijiet oħra fil-bini eżistenti. Meta inbeda l-iskavar, is-sid beda wkoll jiskava is-sit biswit tiegħu mingħajr il-permessi meħtieġa, u għaldaqsatat inħareġ "Avviż tat -Twettiq" ECF 84/03 f' 4 ta' Marzu 2003 kontrih u il-Kummissarju ta l-Artijiet. Is-sid ġiet mitluba li treġġa’ lura is-sit għal l-istat oriġinali tiegħu. Aktar tard ġiet sottomessa applikazzjoni li jġib in-numru PA 1501/03 fuq is-sit inkwistjoni. Din ġiet irrifjutata u ikkunfermat ir-rifjut tagħha fir-rikunsiderazjoni. Għaldaqstant il-każ ġie rreferut lis-sezzjoni tat-twettiq. L-iskavar li ma kellhomx permess kienu biss żewġ metri l-bogħod minn erba' oqbra Puniċi li nstabu fl-1994 waqt twessiegħ ta’ Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Raħal il-Ġdid.. Is-sit in kwistjoni jinstab wkoll 50 metru minn ħdax il-qabar Puniku oħra (datati madwar 2300 sena ilu), li nstabu fejn ir-round-about t’ Għajn Dwieli, Raħal il-Ġdid, waqt xogħol ta’ żvilupp, toroq ġodda u trinkar matul is-snin 1949, 1960, 1964, u l-1968. In-notifikazzjoni tal-gvern Nru. 384, datata 10 ta’ Ġunju, 2004 msemmija mill-On Interpellant ma’ tapplikax għas-sit in kwestjoni. L-oqbra Puniċi li hemm fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol ġew skedati bħala Klassi B (importanza lokali) permezz tan-Notifika tal-Gvern Nru. 290/98 datata 7 t’ April 1998 u din għadha tgħodd sal-lum. Is-sit in kwistjoni hu wieħed arkeoloġikament rikk u għalhekk sensittiv ħafna għax jistgħa jkun li għad hemm oqbra oħra fl-inħawi li għadhom ma’ nstgħabux. Skavi li jistgħu jaffettwaw dawn l-oqbra jistgħu jsiru biss mis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Kwalunkwe skavi oħra f’ arei ta’ mportanza arkaeoloġika jirrikjedu permessi mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), b’ konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, b’ kundizzjonijiet u garanziji bankarji sabiex jissalvagwardjaw sejbiet arkaeoloġiċi jekk dan iseħħ.