Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet għall-trasferiment ta’ proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid dettaljatament x'sar wara t-tweġiba tiegħu għall-interpellanza 24038 biex jiġi indirizzat il-backlog qawwi fir-Reġistru tal-Artijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onor. Interpellanti li Identity Malta lestiet pjan ta’ azzjoni biex isir ristrutturar fid-dipartiment u jkun hemm ukoll reklutaġġ ta’ persuni ħalli dan il-backlog jkompli jonqos gradwalment.
Is-sistema tal-Land Registry tal-ICT ilha minn 1992.
L-aħħar aġġornament fil-mapep kien sar fl-2008.
Is-sistema tal-IT ma tiflaħx għad-domanda tal-lum. Beda l-proċess sabiex tiġi aġġornata s-sistema kollha tas-sistema tal-IT tal-Land Registry u bħalissa għaddejjin mill-fażi tar-rekwiżiti għal sistema ġdida
Din il-ġimgħa (2Nov16) bdejna nħaddmu x-xiri ta’ pjanti
online
fuq pjanti aġġornati tal-PA
Din hija l-ewwel pass fir-ristrutturar tas-sistema tal-IT
Is-sistema kollha (inkluż l-antika) se tibqa tiffunzjona fuq il-pjanti aġġornati fi ftit ġimgħat.
B’hekk ma jibqax ikun hemm anomaliji serji bejn il-mapep tal-Land Registry, PA u Lands.
Santa Luċija – Toroq suġġeriti mill-Kunsill Lokali biex jiġu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27381 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma t-toroq li ġew issuġġeriti jew mitluba mill-Kunsill Lokali Santa Luċija sabiex jiġu asfaltati minn Transport Malta fl-aħħar sena s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li ssuġġerixxa li tkun asfaltata Triq il-Pepprin.
Il-Gudja – Toroq suġġeriti mill-Kunsill Lokali biex jiġu asfaltati
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma t-toroq li ġew issuġġeriti jew mitluba mill-Kunsill Lokali Gudja sabiex jiġu asfaltati minn Transport Malta fl-aħħar sena s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li ssuġġerixxa li jkunu asfaltati Triq tal-Lampat, Triq Filippu Castagna u l-parti ta’ Vjal it-Torri għal Triq Ħal Resqun.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25644, jista’ l-Ministru jikkonferma li, għall-kuntrarju tar-risposta li ta, Heritage Malta użat nies maniġerjali u fi Grad A sabiex isir "grass weeding u general clean up" fit-Tempju Kordin III?
Response (BONNICI, OWEN)
Nassumi li l-On. Interpellant qed jirreferi ghal team building session informali li saret b’mod volontarju f’Marzu 2015, ftit wara li s-sit imsemmi ghadda f’idejn Heritage Malta. Dakinhar ufficjali tal-agenzija illiberaw il-fdalijiet arkeologici minn haxix, hamrija, u affarijiet ohra. Apparti l-iskop socjali tal-attività, dan ix-xoghol relattivament specjalizzat ma jistax jaghmlu kulhadd minhabba n-natura specifika tieghu.
Heritage Malta – Bighi – Head Office – reperti storiċi
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26029 peress li hemm reperti tal-metall ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinijija li qegħdin jissaddu, jista’ l-Ministru jassigura li dawn ir-reperti tal-metall jiġu mogħtija l-attenzjoni tant mistħoqqha minn Heritage Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-oggetti li qed issir riferenza għalihom jifilħu sew għall-elementi.
Ma jfissirx li Heritage Malta mhux se tkun qed tagħti attenzjoni għal dawn ir-reperti, iżda l-Onor Interpellant jifhem li hemm prijoritajiet f’dan is-settur.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26028, jista' l-Ministru jgħid għaliex Heritage Malta m’għandhiex il-ħsieb li l-kariga ta' Manager DSL, li tant hija importanti għal Heritage Malta ma timteliex? Jista' jgħid minn min qed jitmexxa dan il-Unit u xi kwalifiki għandu/għandha li huma relatati ma’ dan is-suġġett? Jista' jgħid x'miżuri qiegħda tieħu Heritage Malta sabiex dan il-unit jissaħħaħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-dipartiment imsemmi qed jimexxa direttament mis-CEO u qed jiġi pprovdut b’attenzjoni partikolari sabiex ikun jista’ joffri s-servizz essenzjali ħalli l-aġenzija taqdi l-funzjonijiet tagħha.
Heritage Malta – Triq Melita – exhibition spaces għal skopijiet kummerċjali
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26027, jista' l-Ministru jgħid għaliex f'Diċembru 2015, il-wirja taċ-ċeramika li kien hemm f'dan il-post kienet iktar għamla ta' ħanut, fejn lanqas irċevuti fiskali ma nħarrġu meta sar il-bejgħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26027: fil-post imsemmi saret wirja minn terzi persuni bil-kundizzjonijiet tas-soltu kif sar kemm il-darba fl-istess spazju u f’mużewijiet oħra ta’ Heritage Malta.
Ħal Saflieni – Ipoġew – xogħlijiet minn Heritage Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħol sar minn Heritage Malta ġewwa l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni minn mindu ngħalaq s'issa? Jista' jagħti indikazzjoni ta' meta l-Ipoġew se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s'issa ġie żarmat ħafna mill-apparat antik li se jinbidel, intrama scaffolding protettiv, u għaddej xogħol preparatorju ta’ servizzi għall-apparat il-ġdid. Huwa ppjanat li l-Ipoġew jerġa' jinfetaħ għall-pubbliku lejn nofs is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta’ membri fi ħdan Heritage Malta fl-aħħar ta' Ġunju 2015 u fl-aħħar ta' Ġunju 2016? Jista' jgħid kemm-il Heritage Malta Membership ġiet imqassma b'xejn minn Marzu tal-2013 s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sa Gunju 2015 kien hemm 502 membru ma’ Heritage Malta. Dawn zdiedu ghal 821 sa Gunju 2016. Minn Marzu 2015 sa issa tqassmu 749 shubija minghajr hlas (2013 - 124; 2014 - 169; 2015 - 217; 2016 - 239).
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ser jibda jopera mis-sit li qabel kien jokkupa l-Café Premier?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq is-sit imsemmi biex ikun jista’ jibda jopera l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru mid-Direttorat tar-Restawr u kif diġa tħabbar pubblikament għandhom jitlestew fil-bidu tal-2017.
Kunsilli Lokali — Toroq rurali li se jsiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali, lokalità b'lokalità f'Malta u f’Għawdex, li se jsiru mill-kunsilli lokali b'fondi tal-Unjoni Ewropea? X' tip ta' xogħol se jsir fuq kull triq? Kemm ġejja tiswa kull triq? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Minn eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali nfushom jirriżulta li l-ebda wieħed minnhom mhu se jagħmel toroq rurali b’fondi mill-Unjoni Ewropea.
Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali – investigazzjoni dwar ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi investigazzjoni għaddejja bħalissa dwar xi ħaddiema jew ex-ħaddiema tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL)? Jista’ jgħid jekk l-Internal Audit and Investigations Department (IAID) humiex jinvestigaw lil xi ħaddiema jew ex-ħaddiema tal-AKL jew humiex qed jinvestigaw xi proġetti li nbdew mill-AKL?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Membru ghall-obbligu legali tal-konfidenzjalita dwar investigazzjonijiet tal-IAID li johrog mill-artikolu 22 tal-Kap 461.
Fic-cirkostanzi jien ma jistax jikkonferma jew jichad l-istqarrijiet maghmula fl-interpellanza
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni tal-Commonwealth Local Government Conference li ser issir f’pajjiżna s-sena d-dieħla? Jista’ l-Ministru jgħid fejn ser issir din il-konferenza?
Response (BONNICI, OWEN)
L-organizzazzjoni tal Commonwealth Local Government Conference hi mmexxija minn Working Group maghmul minn rapprezentanti tal-Ministeru ghall- Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u l-Kunsill Malti Ghall- Arti.
Il- Konferenza ser issir fis-sala tal- Konferenzi ta Dar il- Mediterran.
Sejħa għal-offerti għall-proġett ġdid fi Gżira Gardens
Question
B’referenza għall-paġna 108 tad-Diskors tal-Baġit 2017, jista’ l-Ministru jgħid jekk “is-sejħa għall-offerti għall-proġett ġdid fi Gżira Gardens” hux qed jirreferi għal-“Ġnien Kunsill tal-Ewropa” li hu devolut lill-Kunsill Lokali tal-Gżira?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gżira li huwa Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa.
Tindif tal-bajjiet/xtut – nefqa tal-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa’ ta’ kull kunsill lokali għal tindif tal-bajjiet/xtut u jekk ix-xogħol sarx minn ħaddiema tal-gvern jew kuntrattur privat f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.
Dipartiment tar-Restawr – Kunsilli Lokali – applikazzjonijiet għal restawr fuq siti storiċi
Question
Wara s-sejħa mid-Dipartiment tar-Restawr sabiex Kunsilli Lokali jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sabiex isir restawr fuq siti storiċi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tinfetaħ sejħa għas-sena 2017 u jekk hemmx il-ħsieb li din l-iskema titwessa’ aktar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-preżent, permezz taċ-ċirkulari Nr. 9/2016, inħarġet it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet għal proposti ta’ proġetti ta’ restawr mill-Kunsilli Lokali f’Malta. L-applikazzjonijiet għalqu f’nofsinhar ta’ nhar l-Erbgħa 31 ta’ Awwissu 2016. Hu maħsub li l-proġetti li eventwalment jintgħażlu taħt l-applikazzjoni preżenti jitwettqu fl-2017. Hemm ukoll l-intenzjoni li l-applikazzjonijiet taħt din l-iskema jibqgħu jinħarġu kull sena.
Bħal ma seħħ fl-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet fl-2015, bil-għan li kull ma jmur in-numru ta’ Kunsilli Lokali Maltin li jibbenefikaw minn din l-iskema jikber dejjem aktar, dawk il-Kunsilli li fl-aħħar tlett snin ġa bbenefikaw minn proġetti ta’ restawr imwettqa mid-Direttorat tar-Restawr ma humiex eleġibli li japplikaw.
Wara l-proġett pilota ta’ ġbir ta’ skart organiku, jista’ l-Ministru jgħid x’rispons kien hemm kemm mill-Kunsilli Lokali kif ukoll mill-pubbliku u jekk hemmx il-ħsieb li ssir forma ta’ infurzar meta tinħareġ il-borża s-sewda?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal- kamra l-informazzjoni mitluba.
Wara li f’Marzu tal-2013 dan il-Gvern wiret sitwazzjoni ta’ diversi Kunsilli Lokali li kienu mifnija bid-dejn, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sitwazzjoni finanzjarja llum baqgħetx l-istess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-Direttur għall-Gvern Lokali qiegħed jiltaqa’ mal-Kunsill Lokali li fl-għeluq tas-sena finanzjarja 2015 irreġistraw żbilanċ finanzjarju fil-working capital sabiex jiddiskuti kif biħsiebhom jeliminaw dan l-iżbilanċ. Qegħdin jiġu mitluba wkoll sabiex flimkien mal-Accountant tagħhom, jippreparaw Cash Flow Projections sa meta qed jippjanaw li jeliminaq dan l-iżbilanċ. Fl-istess waqt dawn il-Kunsilli Lokali qed ikunu mitluba wkoll sabiex immedjatament ma jidħlux għal aktar commitments ħlief dawk il-kuntratti li l-Kunsill huwa obbligat jagħmel skont il-liġi.
Matul dawn il-laqgħat qiegħed jirriżulta li l-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali diġa qegħdin jieħdu ħsieb sabiex inaqsu l-ispejjeż kurrenti tagħhom għal dawk biss li huma l-funżjoni tagħom kif huma mitluba permezz ta’ artiklu 33 tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali. Permezz ta’ din il-miżura, il-Kunsilli Lokali qegħdin itejbu is-sitwazzjoni tagħhom.
Għaldaqstant wieħed għandu jifhem li fejn hemm Kunsilli Lokali li s-sitwazzjoni tagħhom hija ħażina ħafna, ma jistgħux jeliminaw dan l-iżbilanċ f’sena waħda iżda f’numru ta’ snin.
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ser jibqa’ kontinwament b’kuntatt mal-Kunsilli Lokali sabiex jara li jibqgħu mexjin bil-pjan li qed iħejju u l-iżbilanċ finanzjarju jiġi eliminat kemm jista’ jkun malajr.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ tal-working capitals tal-Kunsilli Lokali għas-snin 2012, 2013, 2014 u 2015.
Jista’ l-Ministru jgħidilna x’kienet il-ħidma tiegħu sabiex il-funzjoni tal-Kumitati Amministrattivi (Hamlets) tkun aktar effettiva? Jista’ jgħid il-frekwenza tal-laqgħat ta’ dawn il-kumitati u l-aħħar seduta ta’ kull kumitat? Hemm xi kumitati li għandhom membri nieqsa u liema huma dawn il-kumitati?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed issir evalwazzjoni tal-operat tal-Kumitati Amministrattivi fid-dawl tal-proposta fil-Manifest Elettorali li tgħid li “Naraw li l-funzjoni tal-Kumitati Amministrattivi (Hamlets) tkun aktar effettiva u minghajr duplikazzjoni biex lokalitajiet fil-periferija ma jibqghux ihossuhom mitluqa.” Għal dan il-għan il-ministeru qed jevalwa d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-Kumitati Amministrattivi sabiex iwettqu l-funzjonjiet tagħhom sabiex jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa. Intant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-bqija tal-informazzjoni mitluba.
Il-Kunsilli Lokali kienu diversi drabi kkritikati u f’xi każi anke nvestigati għal nuqqasijiet fl-operat tagħhom. Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jagħmel sabiex tiżdiet it-trasparenza fit-tmexxija ta’ kunsilli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qiegħed jaħdem bi sħiħ sabiex tiżdied it-trasparenza u kontabilita’ fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali u b’hekk tiżdied il-fiduċja fil-Kunsilli Lokali. Dan id-Dipartiment qiegħed joħroġ diversi direttivi sabiex jagħti direzzjoni ċara kif il-Kunsilli Lokali għandhom jimxu.
Permezz ta’ Memo 9/2016, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, id-Dipartiment introduċa is-Sistema tal-e-procurment sabiex mill-1 ta’ April 2016, il-Kunsilli Lokali jutiliżżaw sistema komuni u uniformi biex jippubblikaw is-Sejħiet għall-Offerti sabiex jinħarġu b’mod aktar trasparenti. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra Direttiva 1/2016, li permezz tagħha d-Dipartiment kompla jigwida lill-Kunsilli Lokali u ta’ struzzjoni lill-Kunsilli Lokali sabiex b’effett mill-1 ta’ Settembru 2016 il-Kunsilli Lokali kollha jibdew joħorġu is-Sejħiet għall-kwotazzjonijiet ukoll bl-istess sistema elettronika.