Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14997 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid x'agenda items sejra tissuġġerixxi Malta għad-diskussjonijiet taċ-CHOGM, apparti mit-temi prinċipali li diġa' ġew imħabbra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ ittra li jien bgħatt lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, l-Eċċellenza tiegħu Don Mc Kinnon, bl-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Kunsill Kon Katidral ta' San Gwann — Rappreżentanti tal-Gvern Malti
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid min kienu r-rappreżentanti tal-Gvern Malti fuq il-kunsill tas-St. Johns Co Cathedral Foundation bejn Awissu 2004 u Awissu 2005, kemm saru laqgħat u kemm attendew minn dawn il-laqgħat?
Jista' jispjega għaliex ġie magħżul Awstraljan biex jagħmilha ta' Project Manager fil-Kon Katidral ta' San Gwann? Xi kwalifiki għandu fir-restawr jew fi project management? Min kien il-bord ta' l-għażla? Għaliex mhux qed jintużaw is-sistemi normali tal-gvern biex isir reklutaġġ ta' persuna fil-Kon Katidral?
Jista' jispjega kif ġiet magħżula l-kuratur ġdid tal-Kon Katidral ta' San Gwann? Xi kwalifiki għandha bħala restawratur? Jista' jgħid għaliex ma ntgħażlux persuni li kellhom aktar kwalifiki minnha?
Jista' jispjega kif inhuma kontrollati u awditjati l-finanzi tas-St. Johns Co Cathedral Foundation? Kif jispjega li dawn m'humiex qed joħorġu tenders bis-sistema normali tal-gvern imma billi jġibu avviż fil-gazzetti? Jaħseb li hu tajjeb li f'dawn l-avviżi l-applikant jiġi mitlub jikkuntattja direttament lil min għamel id-disinn?
Kif ġie magħżul id-disinjatur Taljan għas-sistema ta' dawl dekorattiv tal-Kon Kattidral ta' San Gwann? Saret tender jew saret b'direct order? Kemm tħallas dan it-Taljan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni ghada qed tingabar u r-risposta ser tinghata f’xi seduta ohra.
B'riferenza għall-aħħar rapport annwali ta' l-Awditur Ġenerali (għas-sena 2003) f'paġna 70 jingħad li l-arretrati ta' income tax dovuti lill-gvern sas-sena ta' stima 1999 kienu jiskorru l-Lm140 miljun, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inġabru minn din is-somma minn meta kien imxandar dak ir-rapport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-ammont dovut ta’ Lm140 miljun kif rifless fir-rapport annwali ta’ l-Awditur Generali naqas għal Lm123.7 miljuni fit-30 ta’ Settembru 2005.
Jista' il-Prim Ministru jinformana kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus tat-taxxa ta' 3% fuq il-valur tal-prodotti li l-bdiewa ddikjaraw fil-pitkalija ċentrali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija f’Seduta Numru 301 fl-10 ta’ Ottubru 2005 għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14617.
B'riferenza għas-surcharge fuq id-dawl u l-ilma, jista' il-Prim Ministru jinformana minn liema vot il-gvern se jassorbi d-differenza tal-persentaġġi li tkopri 'l fuq minn 55% ta' surcharge? Din l-għajnuna se tingħata mill-Unjoni Ewropea jew se titħallas mill-istess taxxi li l-gvern jiġbor mingħand it-taxpayers lokali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-differenza ser tiġi assorbita kemm dirett mill-Korporazzjoni Enemalta u kemm indirett mill-Fond Konsolidat f’isem il-konsumatur. It tieni parti qiegħda riflessa fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern għall-2006.
Jista' il-Prim Ministru jinformana għaliex il-proġett tal-crafts village f'Ta' Qali ilu jkaxkar fl-agenda tal-gvern Nazzjonalista sa mill-1992 u se jibqa' ikaxkar sa l-2010? Jista' jinformana x'kienu r-raġunijiet għal dan il-falliment fit-twettiq tal-politika tal-gvernijiet Nazzjonalisti fir-rigward tal-proġett tal-crafts village?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li nagħtat l-attenzjoni kollha bil-konsultazzjoni kollha meħtieġa mas-sidien u l-awtoritajiet ikkonċernati ġiet konkluża l-fażi tal-ippjanar. Tlestew il-konvenji mas-sidien u ġie maħruġ il-permess għal bini tal-villaġġ.
Tlestiet ukoll id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa għad-dokument tal-ħruġ tal-offerti. Jonqos issa li tkun finaliżżata l-għażla tal-metodu li bih ser jiġi ffinanzjat dan il-proġett u hekk il-Gvern ikun jista’ jagħżel l-aħjar finanzjament.
Sadattant mal-MEPA qegħdin jitlestew l-aħħar emendi minuri tal-permess oriġinali għal kull binja individwali.
Irrid ngħid li dan huwa l-ewwel proġett tal-għamla tiegħu fejn il-Gvern qiegħed ifassal Villaġġ ġdid mill-bidu sal-aħħar waqt li hemm diġa’ is-sidien eżistenti fil-huts tagħhom. Allura l-Gvern irid joqgħod ferm attent li filwaqt li jippjana l-Villaġġ jassigura li s-sidien tal-huts eżistenti jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin b’xogħolhom bl-inqas inkonvenjent possibbli.
Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-collective agreement ġdid għas-servizz pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Collective Agreement il-ġdid li ġie ffirmat fis-26 t’Ottubru 2005.
Ninsab infurmat illi dan id-dokument jinstab ukoll fuq l-Intranet tal-Gvern.
B'riferenza għat-tweġiba li tatni l-Ministru għal Għawdex għall-mistoqsija parlamentari 15015, jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex minn Lm30 miljun li l-Italja tat lil Malta taħt il-ħames protokoll Taljan, Għawdex messu biss Lm120,000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa finali ta' konsum sena sena mill-1999 'il hawn ta' l-istituzzjonijiet f'Għawdex li ma jaħdmux għall-qliegħ u li jagħtu servizzi u ħidma oħra ta' benefiċċju lill-familji Għawdxin? X'kien u kemm kien jammonta l-kontrtibut li l-gvern ta lil dawn l-istituzzjonijiet kull sena matul l-istess perijodu? Jista' jagħtini dan it-tagħrif skond is-settur li fih iwettqu l-ħidma tagħhom dawn l-istituzzjonijiet, per eżempju, edukazzjoni, kultura, sport, kura medika, reliġjon, mużewijiet u libreriji, wirt storiku u riċerka?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 14732 dwar in-nefqa totali tal-familji f'Għawdex, billi t-tagħrif mitlub huwa ta' importanza kbira biex jitkejjel il-livell ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomika ta' Għawdex, jista' jekk jogħġbu il-Prim Ministru jara li dan it-tagħrif jibda jinġabar? Jaqbel il-Prim Ministru li m'għandniex niġbru biss dak it-tagħrif li tobbligana niġbru l-Eurostat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li n-nefqa totali tal-familji fi prezzijiet tas-suq f’Għawdex u Kemmuna fis-sena 2000 kienet ta’ Lm80.3 miljun kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan ħareġ mill-Household Budgetary Survey li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.
Għal aktar dettalji tan-nefqa wieħed jista’ jara tabella 117 pagni 158 sa 160 fil-pubblikazzjoni Household Budgetary Survey 2000/1.
Biex tkun tista’ tagħti din l-informazzjoni kull sena, jeħtieġ li jsir Continuous Household Budgetary Survey, u dan għadu ma bediex isir. L-istimi li jsiru bejn HBS u ieħor ikunu jkopru l-pajjiż kollu, u għalhekk in-nefqa fil-konsum m’hix maqsuma skond ir-reġjun.
Fil-fatt ma jinġabarx dak it-tagħrif li tobbligana biss il-Eurostat għal Għawdex iżda jinġabru bosta ndikaturi ekonomiċi illi m’humiex rikjesti mill-Eurostat peress li Għawdex huwa reġjun ta’ NUTS 3.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm- il Quality Service Charter ġew imnedija s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li s’issa ġew imnedija uffiċjalment 56-il Quality Service Charter. Il-lista kompluta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minn dawn iċ-
Charters
, tlieta (3) ġew miżmuma.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw jew ġew imġedda appointments ta': a) Permanent Secretary, b) Direttur Ġenerali, c) Direttur u d) Assistent Direttur minn Jannar sa Settembru 2005? Lil min ingħataw jew ġew imġedda dawn l-appointments?
Jista' jgħid jekk kienx hemm xi impjegati li kellhom kariga minn dawn imsemmija hawn fuq li l-kuntratt li kellhom ma ġiex imġedded? Min kienu dawn l-impjegati u x'kienet ir-raġuni li l-kuntratt tagħhom ma ġiex imġedded?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi kemm ingħataw, iġġeddew jew ma ġġeddewx ħatriet ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali, Direttur u Assistant Direttur għall-perijodu li ntalab mill-Onor Interpellant.
Dawn il-ħatriet kollha kienu, jew għadhom, fuq
Performance
Agreements
li jiskadu awtomatikament wara tliet snin jew, fil-każ ta’ Assistenti Diretturi, wara ħames snin.
Dawn il-
Performance Agreements
jiġġeddu kif ġej:
· Fil-każ ta’ Segretarji Permanenti, il-ħatriet isiru fit-termini ta’ Artikolu 92 (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
· Fil-każ tal-pożizzjonijiet l-oħra, il-ħatriet isiru fuq bażi ta’ kompetizzjoni ġdida u l-aktar kandidat adattat, jintgħażel għall-post.
Ma nħossx li hija etika li jingħataw dettalji personali ta’ kapijiet jew assistenti kapijiet li l-kuntratti tagħhom ma ġġeddewx. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu varji bħal, per eżempju, l-individwu ma jkunx laħaq il-livell minnu mistenni, jew il-persuna ma tibqax idonea in vista ta’ ristrutturar, jew jista’ jkun ukoll li ċ-ċirkustanzi, mġiegħla minn riforma, jiddeterminaw li jkun hemm tibdiliet fl-istruttura. F’dan ir-rigward qiegħed ukoll inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Ċirkolari OPM Nru 41/2005 li titfa’ dawl fuq il-proċess li għaddej bħalissa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid taħt liema poter jew liġi d-dipartiment tat-taxxa qiegħed jesiġi lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tħallas arretrati ta' taxxa allegatament dovuta għal perijodu li jmur oltre 30 sena u għalhekk huma preskritti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-dispożizzjoni rilevanti hija l-klawsola 54 ta’ l-Att II ta’ l-2004 li emendat l-artikolu 47 ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa. Il-liġi minn dejjem tat lill-Kummissarju tmien snin biex jiġbor it-taxxa minn meta l-assessment ikun sar finali u konklussiv. B’din l-emenda, f’dawk il-każijiet fejn il-preskrizzjoni setgħet daħlet sal-aħħar tas-sena 2003, il-Kummissarju ngħata sal-aħħar tas-sena 2005 biex jirrimedja billi jieħu l-azzjoni legali neċessarja.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14900, kif jispjega l-Prim Ministru li impjegat fl-uffiċċju tiegħu li ismu qed jintbagħat separatament, ċempel lit-tarzna biex jinforma ruħu dwar il-każ imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tiegħi bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14900, inżid ngħid li huwa d-dover ta’ kull membru tas-Segretarjat Privat li jżomm ruħu aġġornat ma’ dak li jkun qed jiġri fid-dipartimenti u entitajiet pubbliċi.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid meta l-gvern għandu l-ħsieb li jintroduċi l-Freedom of Information Act kif hemm fil-maġġoranza kbira tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Gvern hu ntenzjonat li sa l-aħħar ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla, jippubblika bħala white paper abbozz ta’ liġi dwar l-aċċess liberu għall-informazzjoni.
B'riferenza għax-xogħol li qiegħed isir mill-Fondazzjoni għal Konkatidral ta' San Gwann, jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk tqabbadx konsulent barrani għad-disinn tad-dawl fil-katidral? Jekk fl-affermattiv, fuq liema kriterji ġiet magħżula din il-persuna? Saret sejħa għal provvista ta' dan is-servizz? Il-persuna magħżula għandha xi konnessjoni ma' xi ditta li tissuplixxi l-light fittings?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-fatt tablet quotations għall-proġett tad-Disinn tal-illuminazzjoni għall-Knisja Kon-Katidrali u l-Oratorju anness magħha lid-ditti imsemmija hawn taħt:
(a) ITC – Metalspot spa
(b) Stefano Dall’Osso Lighting Designer
(c) FRAU 18-08
(d) Elektra Ltd.
Id-ditta Elektra ddeċidiet illi ma tagħtix quotation għal dan ix-xogħol.
Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Fondazzjoni biex tingħażel il-quotation ta’ l-Inġinier Stefano Dall’Osso ġiet meħuda a bażi ta’ l-esperjenza professjonali tiegħu fil-qasam tad-disinn ta l-illuminazzjoni f’xi wħud mill-aktar knejjes importanti fl-Italja u l-Ewropa kif jixhed il-Curriculum Vitae u il-kalalgu tax-xogħolijiet tiegħu. L-Ing Dall’Osso fil-fatt huwa speċjaliżżat fl-illuminazzjoni tal-knejjes waqt iċ-ċelebrazzjoni liturġika skond l-istandards maħruġa mill-Kummissjoni Episkopali ta’ l-Italja u tal-Vatikan.
L-Ing Dall’Osso jiddisinja huwa innifsu il-light fittings għal diversi ditti importanti ġewwa l-Italja peress li dan huwa espert fil-qasam.
Nirriferi lill-Onor. Prim Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14727. Jista' jgħid kemm kienet f'termini assoluti l-popolazzjoni attiva ekonomikament sew f'Għawdex kif ukoll f'Malta u kemm kienet il-popolazzjoni ta' eta' tax-xogħol f'Għawdex u f'Malta? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma f'irġiel u nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Nirriferi lill-Onor. Prim Ministru għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14874. Jista' jgħid x'kien l-istokk ta' djar taħt kull kategorija, lokalita' lokalita; f'Għawdex u bħala figura totali nazzjonali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tagħrif għall-Għawdex jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-figura totali ta’ stokk ta’ djar fil-Gżejjer Maltin skond iċ-ċensiment ta’ l-1995 kienet ta 155,202. Minn dawn 15,448 kienu f’Għawdex u Kemmuna
Offerti ta' amnestiji mill-gvern — Dikjarazzjoni ta' assi
Question
Minn meta Malta saret Indipendenti, kemm-il darba saret offerta ta amnestija mill-gvern lil ċittadini li ma kienux iddikjaraw l-assi tagħhom barra l-pajjiż u allura ma ħallsux taxxa fuq id-dħul? X'kienu t-termini ta' kull offerta li saret mill-gvern u f'liema sena? Kemm kien l-ammont totali ta' assi li ġew dikjarati u bdew jikkonformaw mal-liġi, kull meta saret offerta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi jidher li, mill-Indipendenza ‘l hawn, ngħataw tliet opportunitajiet, taħt l-iskemi ta’ reġistrazzjoni dwar l-investimenti, sabiex il-pubbliku jirreġistra assi mhux dikjarati miżmuma barra l-pajjiż.
Taħt l-ewwel skema, li għalqet fl-2002, kienu ddikjarati Lm291.5 miljun.
Taħt it-tieni skema, li għalqet fl-2003, kienu ddikjarati Lm129.8 miljun.
Taħt it-tielet skema, li għalqet fl-2005, kienu ddikjarati Lm127.7 miljun.
Il-kundizzjonijiet ta’ kull skema jidhru fl-Avviżi Legali Numri 59 ta’ l-2002, 209 ta’ l-2003, 226 ta’ l-2003, maħruġa taħt l-Att Dwar il-Kontroll tal-Kambju u l-Avviżi Legali Numri 121 ta l-2005 u 242 ta’ l-2005 maħruġa taħt l-Att Dwar it-Transazzjonijiet Esterni (Kap. 233).