Meta hu fatt magħruf li l-konsum tat-tabakk hu fattur ewlieni ta' morbidity u mortality, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk ma tinżammx rata jew statistika mid-diviżjoni tas-saħħa ta' mard jew każi ta' mortalita' relatati mat-tipjip? Jekk le, jaħseb il-Ministru li għandha tibda tinżamm din l-istatistika kif jiġri f'diversi pajjiżi Ewropej?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta` l-Interpellanza Parlamentari 12964.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li ġie ffirmat fid-29 ta' Frar, 2000 bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-konsorzju Skanska?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba li l-ftehim bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-Konsorsju Skanska iffirmat fis-29 ta` Frar 2000, huwa wieħed ta` natura kummerċjali, m'għandux jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jien lest jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq li ngħaddilu kopja b'mod kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kull speċjalita' se jkollha assenjati lilhom sodod meta jiftaħ l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pjan ta` migrazzjoni għadu qed jitfassal. In-numru ta` sodod li diġa` ġew assenjati huma kif ġej:-
Intensive Care Unit - 12
High Dependency Unit - 8
Admission Wards - 48
Cardiac Unit - 59
Obstetrics - 60
Gynaecology - 44
PICU/NICU - 19
Paediatrics - 60
Infectious Disease - 24
Burns & Plastics Unit - 12
Psychiatry - 15
--------------------------------------------
TOTAL - 361
--------------------------------------------
Jista' l-Ministru jgħid meta fl-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq, se jkun qed jiffunzjona bi 850 sodda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mal-ftuħ tiegħu l-Isptar il-Ġdid f'Tal Qroqq se jkollu l-possibilita` li jakkomoda għal 850 sodda. Fil-bidu l-isptar ser jibda b'650 sodda. Numru akbar jintuża 'pari passu' mal-migrazzjoni tas-servizzi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' servizz ta' awditjar tax-xogħol infrastrutturali ta' l-isptar l-ġdid f'Tal-Qroqq, li kienet saret sejħa għalihom xi żmien ilu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Kuntratt li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadu fil-fażi ta` aġġudikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas il-konsorzju Skanska mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Kemm minnhom kienu jiffurmaw parti mill-claims li kienet qed tagħmel Skanska, liema claims kienu qed jintalbu minn Skanska f'Settembru 1998 u claims oħra li Skanska kienu qed jitolbu bejn is-6 ta' Settembru, 1998 u t-29 ta' Frar, 2000?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba tifforma parti minn kuntratt ta` natura kummerċjali, bħal ma jiġri f'ħafna pajjiżi, informazzjoni ta` din in-natura ma ssirx pubblika. Għal din ir-raġuni ma nħossx li l-informazzjoni mitluba għandha titpoġġa fuq il-Majda tal-Kamra.
Minħabba ż-żieda fid-domanda għas-servizzi partikolarment inpatient fl-Isptar Zammit Clapp, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi estiż dan l-isptar sabiex jiżdied in-numru ta' sodod?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta` l-Onorevoli Interpellant qed jiġi kkonsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżulta li mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn fl-Isptar Monte Carmeli sarux xi abbużi bit-trasport ta' l-istess sptar?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu f'dan ir-rigward mill-officer in charge?
Jirriżulta wkoll li fl-istess sezzjoni hemm uffiċjali li qed jaħdmu day-in-day-out mingħajr permess ta' min huwa konċernat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn ma jirriżultax li fl-Isptar Monte Carmeli saru xi abbużi bit-trasport ta' l-istess sptar.
L-impjegati li jaħdmu f'din is-sezzjoni kollha għandhom il-permess meħtieġ biex jaħdmu fuq roster AOAO minbarra:
a) xufier li ġie trasferit f'dan l-isptar propju ġimgħa ilu, u dan applika għall-approvazzjoni.
b) żewġ xufiera li għamlu t-talba meħtieġa u qegħdin jistennew l-approvazzjoni mid-Direttur kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn fl-Isptar Monte Carmeli sarx overtime fuq xogħol ta' tindif u grasscutting u xogħol ieħor dopjament minn impjegati li xogħolhom huwa in charge mit-trasport?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk jirriżultax li mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemmx ħaddiema (Hospital Auxiliary) li fl-off-day tagħhom għamlu xogħol ta' overtime fil-kċina meta xogħolhom kien fis-swali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna li hi `in charge' mit-trasport qatt ma għamlet xogħol ta' overtime fuq xogħol ta' tindif u grasscutting. F'din is-sezzjoni hemm ukoll żewġ supervisors li kemm il-darba għamlu tindif u xogħol ieħor fuq bażi ta' overtime.
F'dawn l-aħħar xhur kien hemm xi Hospital Auxiliaries li x-xogħol normali tagħhom huwa fil-Wards u li tqabbdu jagħmlu xogħol ta' tindif fil-kċina. Dan ix-xogħol sar fl-off-day tagħhom fuq bażi ta' overtime.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li tractor li nxtara għall-Isptar Monte Carmeli m'għandux number plates?
Jista' jgħid jekk dan it-tractor għandux insurance?
Jista' jgħid minn fejn inxtara dan it-tractor?
Jista' jgħid f'dan is-sens intalbux quotations jew ħarġux offerti?
Jista' jgħid kemm sewa fi spejjeż dan it-tractor?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tow tractor li nxtara riċenti għall-Isptar Monte Carmeli nxtara mingħand `Ventur Garage' bill-prezz ta' Lm805.
Intalbu quotations mingħand żewġ aġenti oħra minbarra `Ventur Garage'. Il-Quotations miġbura huma kif ġej:-
a) Bonnici Bros. Lm2300
b) Il-Palma Lm875.00c
Dan it-tractor twaħħlitlu tinda tal-ħadid u perspex li swiet Lm30 oħra. Għalkemm ilna xi żmien li għamilna kuntatt mad-dipartiment tal-liċenzji dwar in-number plates, sa issa dawn il-plates għad ma waslux għandna. Bħall-vettturi l-oħra tal-Gvern, dan it-tractor mhux kopert b'insurance.
Jaf il-Ministru bil-każ ta' menangitis f'St. Albert the Great College, li jidher li l-ġenituri tat-tfal ġew informati matul il-ġimgħa li bdiet, fl-14 ta' Frar, 2000? Jaf li l-ġenituri ġew informati madwar ħamest ijiem wara li nstab il-każ? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li suppost li jiġu addottati f'ċirkostanzi bħal dawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat illi l-każ imsemmi f'din il-mistoqsija ġie rappurtat lit-Taqsima Sorveljanza tal-Mard fis-16 ta' Frar 2000 dakinhar stess li ħareġ ir-riżultat mill-laboratorju, u immedjatament ittieħdu l-passi kollha neċessarji.
Dawn jinkludu:
Ġbir tal-listi tal-kuntatti mill-qrib mingħand il-familjari u
mill-iskola fejn jattendi l-pazjent.
Trattament b'mediċina preventiva lill-kuntatti mill-qrib
kollha.
Nirreferi wkoll għar-risposta li kont tajt għall-Mistoqsija
Parlamentari Nru. 14314.
Jista' l-Ministru jgħid matul ix-xahar ta' Frar, 2000 kemm-il darba l-ħaddiem, li ismu qed jintbagħat separatament u li hu sewwieq ta' l-ambulanzi, iddaħħal jagħmel xogħol overtime ta' żebbiegħ fl-Isptar San Luqa? Għaliex dan ix-xogħol jingħata lilu meta hemm ħaddiema oħra jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Matul ix-xahar ta` Frar l-impjegat imsemmi ddaħħal jagħmel xogħol overtime ta` żebbiegħ sitt darbiet fl-uffiċċju tal-Manager tat-trasport u mhux fl-Isptar San Luqa.
Dan ix-xogħol ingħata lil dan l-impjegat għaliex il-ħaddiema tal-Maintenance Section kienu mpenjati fuq il-proġetti l-oħra li għaddejin fl-Isptar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tas-Sanita' mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dan ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li ma jeżistix Dipartiment tas-Sanita'. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, ninfurmah li ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi Dipartiment mis-16 ta' Settembru 1999 sa l-4 ta' Jannar 2000.
Jekk l-Onor.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-Health Centre ta' Raħal Ġdid, fid-diabetic clinic, pazjenti li jkollhom check ups dwar il-kondizzjoni tagħhom, ikollhom jerġgħu joqogħdu fil-queue biex it-tabib jagħmlilhom vista? Ma jidhirlux l-Ministru li jkun aħjar li l-pazjenti li jkunu jenħtieġu vista wkoll jinqdew mill-ewwel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kull pazjent li jattendi l-klinika tad-Dijabete f'xi Ċentru tas-Saħħa jiġi eżaminat mit-tabib.
Il-proċedura li tiġi segwita fid-Diabetes Clinic ta' Raħal Ġdd, bħal fiċ-Ċentri tas-Saħħa l-oħra, hi li l-ewwel il-pazjenti jiġu eżaminati min-nurse li tiċċekja l-piż, l-awrina, l-pressjoni u d-demm ta' kull pazjent, u wara kull pazjent jiġi eżaminat mit-tabib bl-assistenza tan-nurse. Din il-proċedura hi kkunsidrata l-aktar prattika fiċ-ċirkostanzi preżenti għal dawn ir-raġunijiet:
1. Biex jiġi utilizzat bl-aħjar mod il-ħin tat-tabib, għaliex
waqt li n-nurse tkun qed tipprepara l-pazjenti, it-tabib jkun
jista' jagħmel xogħol ieħor.
2. Hu wkoll fl-interess tal-pazjenti, li ħafna minnhom ikunu
sajma, li jlestu mit-testijiet tad-demm u l-awrina kmieni
kemm jista'jkun, ħalli jkunu jistgħu jieklu xi ħaġa. Jekk
joqogħdu jistennew li jibda' x-xogħol it-tabib, idumu aktar
sajmin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex minkejja li ma hemm l-ebda pedaloġista residenti fl-isptar ta' San Vinċenz de Paule, il-gvern jew aħjar il-ministeru qiegħed jirrifjuta li jagħti mpjieq lil erba' pedaloġisti appena gradwati?
Għaliex din ix-xeħħa f'qasam daqshekk importanti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bi ftehim bejn iż-żewġ Ministeri konċernati, is-servizz tal-podoloġija fl-isptar San Vinċenz de Paule jingħata mid-Diviżjoni tas-Saħħa. Dwar l-impjieg lil erba' podoloġisti li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, nirreferih għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13098 u 12224.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-erba patoloġisti li ggradwaw dan l-aħħar ma ġewx impjegati għall anqas bħala "casuals" u dan bħalma dejjem ġara fis-snin ta' qabel? Veru li dawn il-gradwati mhux se jiġu mpjegati għallinqas qabel is-sena 2001? Għaliex din ix-xeħħa f'qasam daqshekk importanti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'inhiex infurmat li ggradwaw 4 Patoloġisti dan l-aħħar.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Podoloġisti, nirreferih għar-risposti Nri. 13098 u 12224.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy attwali dwar għoti ta' permessi ta' ftuħ ta spiżeriji ġodda?
X'inhuma l-kriterji li fuqhom minn diġa' għandu permess tal-Planning Authority għall-applikazzjoni sabiex jiftaħ spiżerija, jingħata l-permess mid-Dipartiment tas-Saħħa?
Kemm hemm applikazzjonijiet bħal dawn u meta huwa previst li tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta' dawn il-permessi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Tlett ijiem qabel l-aħħar elezzjoni ġie iffirmat ftehim bejn id-Diviżjoni, ic-chamber of Pharmacists u l-GRTU li rabat lid-diviżjoni u li ma jinħargux aktar liċenzji sakemm jiġu konklużi d-diskussjonijiet.
Id-Diskussjonijiet dwar spiżeriji għadhom għaddejjin u għalhekk il-ħruġ ta` permessi ta` ftuħ ta` spiżeriji ġodda huma temporarjament sospiżi.
Il-kriterji biex jingħataw permessi dwar spiżeriji mid-Dipartiment tas-Saħħa qed ikunu riveduti fl-istess diskussjonijiet.
In-numru pendenti ta` applikazzjonijiet għal spiżeriji huwa ta` 291. Il-lista li tinżamm mid-dipartiment tas-Saħħa tikkonċerna dawk l-appliklazzjonijiet pendenti għal liċenzji maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika w mhux dwar permessi tal-Planning Authority.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-ministeru biex jara li l-ħinijiet (shifts) li jaħdmu t-tobba (housemen) ġo l-isptar ikunu aktar umani u biex jiġu skansati l-burn outs?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni tas-Saħħa u l-M.A.M. qed ikollhom taħdidiet dwar titjib fl-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-tobba.
Jara li huwa taħbit żejjed li dawk li jkollhom imorru fl-ispiżerija ċentrali tal-Gvern f'St. Luke's biex iġibu l-ispecial drugs, imbagħad ikollhom jerġgħu imorru fil-Health Centre biex iġibu l-mediċini normali l-oħra? Il-Ministru jara li s-sistema għandha terġa' tiġi għal li kienet qabel, jiġifieri, li dawk li jkollhom jieħdu miż-żewġ tipi ta' mediċini, jkunu jistgħu jeħduhom it-tnejn minn St. Luke's?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-proċedura tal-ġbir
tal-mediċini Special Drugs u dawk formularji mill-ispiżerija
ċentrali ta` l-isptar San Luqa f`dan ir-rigward.
2. Il-pazjenti li jippreżentaw riċetta għall-mediċini speċjali
jingħataw il-mediċini speċjali u dawk formularji (normali)
mill-istess spiżerija ċentrali ta` l-isptar San Luqa.
3. Mit-13 ta` Marzu ta` din is-sena ċertu mediċini li qabel
kienu jingħataw biss mill-ispiżerija ċentrali
tal-isptar San Luqa sejrin jibdew jingħataw mill-Health
Centres.
DH Circular 54-2000 ser titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra
bħala parti mir-risposta.