Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Proġetti

Question

Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti, inizjattivi jew skemi għandu l-ministeru tagħha biex jirriġenera l-Kottonera fl-2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġetti ta' urban renewal li hemm għaddejjin jew indikati għal matul din is-sena fil-Kottonera jikkonċernaw: il-bini ta' 6 appartamenti fi Triq Serracino Inglott, f'Bormla it-tieni fażi tal-proġett li jinkludi l-bini ta' 50 appartament fi Triq San Ġwann, f'Bormla il-ħrug ta' sejħa għall-offerti għall-bini ta' 3 appartamenti fi Triq il-Ponta, l-Isla. Barra minn hekk, l-Awtorita' tad-Djar għandha l-inizjattiva tal-Care and Repair u skemi ta' għajnuna biex inkwilini jew sidien jibbenefikaw minn għotjiet biex jirrendu r-residenza tagħhom aktar abitabbli.

Belt Valletta — Proġetti

Question

Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti, inizjattivi jew skemi għandu l-ministeru tagħha biex jirriġenera l-Belt Valletta fl-2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda x-xogħol fuq twaqqiegħ u kostruzzjoni mill-ġdid ta' bini fi Triq Merkanti, l-Belt, liema proġett se jservi bħala sheltered housing simili għal dak li għadu kemm tlesta l-Furjana. Qed isir ukoll xogħol fuq proġett ieħor fi Triq l-Ifran. Ninsab infurmata wkoll li għaddejjin diskussjonijiet ma l-Uffiċċju Konġunt biex xi bini perikoluż li għandu dan l-Uffiċċju fil-Belt jitwaqqa' jew jiġi rranġat biex jintuża għal skop residenzjali. Barra minn hekk, l-Awtorita' tad-Djar għandha l-inizjattiva tal-Care and Repairu skemi ta' għajnuna biex inkwilini jew sidien jibbenefikaw minn għotjiet biex jirrendu r-residenza tagħhom aktar abitabbli.

Irħula Maltin u Għawdxin — Proġetti

Question

Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti, inizjattivi jew skemi għandu l-ministeru tagħha biex jirriġenera l-qalba ta' l-irħula Maltin u Għawdxin fis-sena 2005?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Apparti l-proġetti ta' urban regeneration li għaddejjin fil-Belt, il-Furjana u l-Imsida, l-Awtorita' tad-Djar għandha skemi ta' għajnuna biex inkwilini jew sidien jibbenefikaw minn għotjiet biex jirrendu r-residenza tagħhom aktar abitabbli. L-inizjattiva tal-Care and Repair hi wkoll intiża għal dan l-iskop. Dawn l-iskemi u inizjattivi jgħinu biex jirriġeneraw bini fil-qalba ta' l-irħula ta' Malta u Għawdex.

Għajnuna Soċjali — Għajnuna supplimentari

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li qed tieħu l-benefiċċji ta' l-għajnuna supplimentari mhijiex intitolata għall-benefiċċji oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Dipartiment tal-manutenzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li għandu resident - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - quddiem id-dipartiment tal-manutenzjoni ta' postijiet tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie approvat u mistenni li jsir fil-futur qarib.

Servizzi Soċjali — Unmarried mothers

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ħareġ flus il-gvern f'għajnuna għal unmarried mothers is-sena l-oħra? Skond l-informazzjoni li għandu d-dipartiment, kemm ħarġu flus f'manteniment għal uliedhom missirijiethom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Bini Perikoluż

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' każi ta' bini perikoluż u/jew ikkundannat li fil-preżent hija nformata bihom l-awtorita' kompetenti tad-direttorat ghall-akkomodazzjoni soċjali? Kemm minn dawn it-talbiet ġew investigati matul l-2004 u kemm mistennija jiġu nvestigati din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 127 applikazzjoni dwar propjetajiet perikolużi. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment jinvestiga mill-ewwel kull applikazzjoni li jirċievi dwar propjeta' perikoluża u għalhekk ma għandux każijiet pendenti ta' din ix-xorti li għad iridu jiġu nvestigati.

Direttorat għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Talbiet Pendenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ilha l-aktar talba pendenti li tinsab quddiem id-direttorat għall-akkomodazzjoni soċjali f'Għawdex u Malta separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-aktar talbiet li ilhom pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali minn Malta u Għawdex saru t-tnejn fl-1988.

Għaqdiet mhux governattivi — Għoti ta' fondi

Question

B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, tista' il-Ministru tgħid jekk:- id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.? Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorat għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Talbiet Pendenti

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' talbiet pendenti li tressqu l-ewwel darba matul l-2004 quddiem id-direttorat għall-akkomodazzjoni soċjali? Kemm minnhom ġew rimedjati u kemm għadhom pendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 440 applikazzjoni li tressqu l-ewwel darba matul l-2004. Minn dawn ġew konkjużi 67 u fadal 358 pendenti.

Awtorita' tad-Djar — First time buyers

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'politika għandha l-awtorita' tad-djar għal first time buyers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad-Djar għandha dawn is-servizzi u skemi li jindirizzaw lil first time buyers: appartamenti għall-bejgħ bi prezz issussidjat, maħruġa mill-Awtorita' taħt diversi avviżi; sussidju fuq ir-rata ta' l-imgħax fuq self mogħti mill-banek (Skema Y); għotja biex tgħin lis-sidien għall-bini, irranġar jew tkomplija ta' l-ewwel residenza tagħhom (Vat Refund ); għotja sa massimu ta' Lm3,500 fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib f'residenzi privati okkupati mis-sid (Skema Z).

Kumpanniji privati — Pensjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm waqgħu lura l-aġġustamenti fil-pensjoni ta' l-ex-ħaddiema ta' kumpanniji privati, u dan fejn kien hemm xi ftehim kollettiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iffinalizzar ta' collective agreements ġodda li jistgħu jkopru perijodi b'lura u li jkunu jirrikjedu reviżjoni fil-pensjoni ta' l-ex ħaddiema ta' l-ażjenda konċernata, kif ukoll ix-xogħol fuq tali reviżjonijiet mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, hu proċess kontinwu. Ghalħekk ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Nru. 11482 f'Seduta Nru 251.

Dipartiment tat-toroq — Talba għal yellow lines

Question

Tista' il-Ministru tara li jsiru yellow lines quddiem ir-residenza ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Korrispondenza dwar il-każ qiegħda wkoll tintbagħat separatament.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Msida — Appartamenti tal-gvern ġodda

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-awtorita' tad-djar milli tagħti ċ-ċwievet ta' l-appartamenti l-ġodda fil-qasam tad-djar ta' l-Imsida? Meta mistenni jsir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata s'issa ngħataw iċ-ċwievet tat-8 appartamenti ta' Blokk III A li jagħtu fuq Triq il-Kunċizzjoni. Ninsab infurmata wkoll li ċ-ċwievet ta' l-appartamenti li jagħtu fuq Triq il-Wied jingħataw kif jiġu stallati s-servizzi tad-drenaġġ, dawl u ilma wara li titlesta s-service road quddiem il-blokki. It-tender biex issir din is-service road mistennija tingħata fil-futur immedjat.

Sigurta' Soċjali — Għajnuna tal-mard

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - qed tiġi miċħuda milli tieħu l-għajnuna tal-mard?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Spezzjoni f'residenza privata

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-housing inspectors tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali se jagħmlu żjara fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant saret fit-12 ta' April 2005.

Ta' Xbiex H/E

Question

Wara li ċedew l-istrutturi perikolużi f'uħud mill-gallariji ta' block D4, Ta' Xbiex housing estate, tista' il-Ministru tgħid jekk il-gallariji ta' l-appartamenti fil-qrib, li ġew mibnija fl-istess żmien, ġewx ivverifikati mill-awtoritajiet konċernati ħalli wieħed jistabilixxi s-sigurta' u n-nuqqas ta' periklu tagħhom, aktar u aktar jekk jirriżulta li l-inċidenti li ġraw fi block D4 kienu ġejjin minn bad workmanship fejn l-istrutturi setgħu kienu ilhom difettużi miż-żmien tal-kostruzzjoni tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tliet gallarijiet li ġarbu ħsarat fl-inċident fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant bdew jinbidlu l-ġimgħa l-oħra. Ninsab infurmata wkoll li perit mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu jispezzjona l-gallarijiet l-oħra ta' l-istess blokk biex jiġi stabbilit jekk dawn għandhomx periklu.