Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Ikliet/riċevimenti
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'hospitality f'ristoranti/lukandi bejn Jannar 2004 u Settembru 2005? Kemm minn dawn kienu jaqbżu l-Lm150? Min kienu l-persuni li għalihom tħallsu dawn l-ikliet/riċevimenti, u x'kienet ir-raġuni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14417 u jgħid kemm ingħataw sensji din is-sena xahar b'xahar? Minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li n-numru totali ta' sensji li ngħataw din is-sena (sa Awissu) kien ta' 1199. Fl-istess perjodu 838 persuna sabu xogħol. It-tagħrif mitlub dwar is-sensji ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex xi klassijiet fil-Form 3 fil-junior lyceum tal-Ħandaq għadhom bla għalliem ta' l-Ingliż? Jista' jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mmedjatament għall-benefiċċji ta' l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' għalliem ta' l-Ingliż fil-Liceo tal-Ħandaq kienet rimedjata fl-4 ta' Ottubru 2005 billi ntbagħtet għalliema ta' l-Ingliż.
Jista' il-Ministru jara li 18-il student mill-Baħrija l/o Rabat li jmorru l-junior lyceum tal-Ħandaq jibdew jaslu bil-van sa l-iskola imsemmija direttament u mhux nofs triq kif qed jiġri llum? Jista' jara li jkun hemm ħinijiet aktar diċenti u ta' lanqas jitilqu fis-7.00 a.m. u mhux fis-6.15 a.m. għall-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tieħu l-passi meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-impjiegi lill-ħaddiema barranin mill-ETC matul dawn l-aħħar sitt xhur, xahar b'xahar? Jista' jelenka minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-ħaddiema u f'liema setturi ta' l-industrija jew manifattura ġew impjegati? L-ETC qiegħda tissorvelja kemm minn dawn il-ħaddiema barranin fil-fatt qegħdin jaħdmu fl-impjiegi li ngħataw permess għalihom, jew inkella dawn humiex jaħdmu f'xi mpjieg ieħor li m'għandhomx permess għalih?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ il-Ministru jgħid x’ġie implimentat u/jew adottat mill-gvern u mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni s’issa mir-rapport dwar l-inklużjoni li tlesta mill-working group li tqabbad mill-Ministru taħt il-presidenza tas-Sur Lino Spiteri?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapport dwar l-edukazzjoni inklussiva u speċjali ġie preżentat uffiċjalment fit-22 ta' Lulju. Ir-rapport tpoġġa fuq il-websajt immedjatament u nbeda proċess fejn inġabru il-kummenti jew mistoqsijiet dwar dan ir-rapport. Dan ir-rapport tqassam ukoll fl-iskejjel kollha. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni nediet proġett li se jiffoka fuq in-networking bejn l-iskejjel speċjali u l-implimentazzjoni tar-rapport Spiteri bħala parti mir-ristrutturar li jirrakkomanda r-Rapport.
Is-Sur George Borg ġie maħtur koordinatur għal dan il-proġett pilota. Diġa' beda jitwettaq parti mill-pjan ta' taħriġ f'dan is-settur. In fatti, fis-17 ta' Ottubru, 2005 se jibda kors ta' taħriġ fil-qasam ta' l-iskejjel speċjali. Matul din is-sena ta' proġett pilota hemm l-għan li jitfassal il-Programm Parallel imsemmi fir-rapport, filwaqt li jiġi preżentat ukoll ir-Repositioning Plan minn-naħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Ġew ukoll impjegati aktar għalliema fil-qasam tas-servizz peripatetiku għal tfal neqsin mis-smigħ, filwaqt li tlett persuni bdew kors fil-livell ta' Masters ma' l-Universita' ta' Birmingham f'diversi oqsma li għandhom x'jaqsmu ma' l-edukazzjoni tat-tfal b'diżabilita'.
Jista’ il-Ministru jgħid x’direttivi ġodda u differenti mis-snin ta’ qabel inħarġu mid-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni fejn jidħlu l-facilitators fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? Jista’ jgħid ukoll kemm-il tip ta’ facilitator insibu? Kemm huwa n-numru ta’ persuni li taħt xi isem jew ieħor qed jagħmlu xogħol ma’ studenti li ġie deċiż li għandhom bżonn dak li jissejjaħ facilitator? Jista’ jgħid jekk minbarra one to one u shared facilitator insibux possibbiltajiet oħrajn? Jekk fl-affermattiv, x’inhuma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena skolastika intbagħtu 'guidelines' lill-iskejjel biex jerġa' jiġi spjegat ir-rwol tal-facilitators. Dawn il-guidelines kienu diġa' ħarġu fi Frar ta' din is-sena. Dawn il-guidelines m'humiex differenti minn dawk ta' snin ta' qabel.
Informat li hemm sitt tipi ta' facilitators: Facilitators
Kindergarten Assistants
Kindergarten Assistant Special Education
Part time Kindergarten Assistants
Part time Special Education
Supply Kindergarten Assistant Special Needs
Sa l-aħħar tas-sena skolastika 2004/2005, kien hemm 861 persuna jaħdmu f'dawn il-kategoriji. Possibilitajiet ta' għajnuna hemm shared (ma' studenti li jkunu f'klassijiet differenti), shared fl-istess klassi, full time, u full time one to one.
Jista’ il-Ministru jgħid kif jinqasam il-vot kapitali ta’ Lm8,092,000 li kien ippubblikat fil-Comparative Return of Capital Expenditure fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istima Kapitali għal din is-sena tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol hija ta' Lm8,092,000. Hija maqsuma kif jidher fil-Vot 4 Kapital, f 'paġni 164-166 ta' L-Estimi Finanzjarji għas-sena 2005 pubblikati mill-Gvern.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-iskola primarja tas-Siġġiewi l-faċċata twaqqgħet kollha, meta jidher li ma kienx hemm bżonn li dan isir? X’wassal biex dan sar u kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Min għamel dan ix-xogħol? Kien hemm sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-parti tal-faċċata li twaqqgħet hija fil-fatt il-faċċata ta’ wara. Minflokha ser tinbena sala ġdida għal din l-iskola. Dan ix-xogħol qiegħed isir permezz ta’ tender pubblika numru CT 2024/2005 li jkopri ukoll il-bini ta’ din is-sala. Il-kuntrattur li rebaħ din it-tender huwa Scicluna Ltd.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm applikaw għalliema ġodda sabiex jidħlu jgħallmu? Għal liema suġġetti applikaw, kemm ġew magħżula u f’liema suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 375 persuna applikaw għall-post ta' għalliem/a fl-iskejjel ta' l-Istat. It-tagħrif fl-aħħar parti tal-Mistoqsija ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Impjiegi — Persuni ta' nazzjonalita' barranin jaħdmu bil-permess
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn barranin jaħdmu bil-permess illum u minn liema pajjiż huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' barranin li kellhom permess validu sabiex jaħdmu f'Malta fl-ewwel t'Ottubru 2005, kien ta' 2,751.
Tagħrif dwar iċ-ċittadinanza tgħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-bord li joħroġ il-warrants lill-għalliema milli jagħti l-warrant permanenti lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ jinvolvi punti legali li għadhom mhux deċiżi dwar jekk din il-Masters tinkwadrax fil-parametri ta' l-Att dwar l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm bdew korsijiet ġodda livell undergraduate fl-universita' (1) studenti Maltin u (2) studenti Għawdxin matul is-sena akkademika 2004/2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li f'risposta għall-mistoqsija parlamentari 12153 il-Ministru qal: "li huwa ppjanat illi jiġu nstallati l-aperturi ta' l-aluminju fil-kuriduri ta' madwar il-bitħa ta' l-iskola tal-Birgu sabiex dawn ikunu magħluqin għall-elementi", jista' il-Ministru jgħid meta se jsir dan għax reġgħet bdiet sena skolastika ġdida u daqt jerġa' jibda l-maltemp?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aperturi ta' l-aluminium huma diġa ordnati u għandhom jitwaħħlu fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kumitat tal-boċċi club, Bormla, hux se jingħata l-ħlas għal xogħol li għamel fil-club, liema xogħol kien ġie approvat mill-ministeru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport m'għandu l-ebda involviment f'dan il-każ. Il-Kunsill Malti għall-iSport kien biss bagħat uffiċjal tekniku biex jara x-xogħol. Ma jirriżulta mill-ebda dokument la fil-KMS u lanqas fil-Ministeru ta' xi approvazzjoni kif qed jindika l-Onor. Membru.
Peress li fil-pjanijiet oriġinali għall-kumpless sportiv tal-Kottonera kellu jkun hemm 5-a-side calcetto pitch, jista' il-Ministru jgħid x'sar minn dan il-pjan?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-mistoqsija tiegħu stess numru 14460, f'Seduta 300.