Jista' l-Ministru jara li fil-parti tal-bidu taċ-ċentru tar-restawr ġewwa l-Kalkara fejn hemm is-sezzjoni li kienet iddedikata għal pażjenti li riedu jpejpu tiġi rranġata għax is-saqaf sejjer jaqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi biex jirrapportali fuq l-azzjoni meħtieġa skond il-kwestjoni li qed iqanqal l-Onor. Kollega tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma numru ta' għaqdiet sportivi li qed jitolbu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni sabiex jestendilhom faċilitajiet/bini eċċ talli jorganizzaw l-attivitajiet u l-avvenimenti tagħhom? Liema huma u meta huwa maħsub li dawn it-talbiet jiġi rimedjati?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista b'41 talba mingħand l-għaqdiet biex jiġu allokati faċilitajiet/bini mis-Segretarjat Parlamentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li x-xogħol preparatorju tlesta. Jonqos biss li dawn it-talbiet jitressqu għall-approvazzjoni tal-Parlament biex tgħaddi Riżoluzzjoni Parlamentari. Dan isir meta l-aġenda tal-Parlament tkun tippermetti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' għalliema li bħalissa għandhom warrant biex jgħallmu l-Ingliż lill-barranin?
Kemm hemm minnhom full-time?
X'inhuma r-regolamenti li jaqaw taħthom dawk l-għalliema fejn jidħlu salarji u kundizzjonijiet ta' xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar tas-sena 2000 kien hemm 867 għalliema li kellhom permess li jgħallmu fl-Iskejjel ta' l-Ingliż. Minn dawn, 51 kienu mpjegati 'full time'.
M'hemmx liġijiet partikolari dwar salarji u kundizzjonijiet ta' xogħol għal dawk li jaħdmu f'dawn l-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezjonijiet minn uffiċjali tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni fi skejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin biex jkun żgurat li kull għalliem għandu il-warran?
Instabu xi każi fejn għalliema ma kellhomx warrant?
X'passi ttieħdu?
Jista' jagħti l-figuri mill-1 ta' Jannar 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Monitoring Bord il-ġdid inħatar f'April 2001. F'Mejju saret il-laqgħa Ġenerali għall-kapijiet ta' l-iskejjel biex jinħatar rappreżentant tagħhom fuq il-Bord. B'hekk, il-Bord il-ġdid ma bediex jiltaqa' qabel Ġunju, u matul is-sajf il-ħidma tiegħu kienet dwar dawk il-materji li sab pendenti meta nħatar. Għalhekk ma kienx possibli li jsiru żjarat fl-iskejjel b'mod regolari, ħlief f'dawk fejn kien qed jintalab permess biex issir skola ġdida.
Ma kien hemm ebda rapport ta' għalliema mingħajr permess minn Ġunju 'l hawn; u mir-rapport ġenerali tal-Bord ta' qabel ma jidhirx li kien hemm xi azzjoni kontra għalliema bla permess minn Jannar sa Ġunju ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru b'referenza għall-mistoqsija numru 29658, jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta' l-arranġamenti u/jew il-linji gwida li l-board tal-Matsec jimxi magħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull meta l-Bord tal-MATSEC ikollu talba minn studenti għal arranġamenti speċjali, dan jgħaddi din it-talba lill-Kumitat maħtur apposta mill-Universita` "Special Needs Committee". Bħala linja ta' gwida dan il-Kumitat jimxi fuq il-ktejjeb ta' Examination Boards barranin "Joint Council General Qualifications GCE, VCE, GCSE u GNVQ - Regulations & Guidelines - relating to candidates with special requirements".
Informat ukoll li s-sena li għaddiet il-Kumitat Lokali - The Special Needs Committee, ħejja dokument ta' gwida għall-każijiet bħal dawn. Wieħed jispera li dan ikun ippubblikat fil-ġejjieni qrib.
Ġejt assigurat li kull każ dejjem kien studjat u ingħataw l-arranġamenti speċjali skond fejn kien meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li daħlu din is-sena fil-kors tal-liġi fl-ewwel sena u li ma kellhomx is-suġġett tal-Malti fil-grad avvanzat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li bdew fl-ewwel sena tal-kors tal-Liġi li jwassal għall-grad ta' LL.D., kollha għandhom is-suġġett tal-Malti fil-Livell Avvanzat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-kamra kemm kienet l-ispiża f'kotba lill-iskejjel tal-lyceum li hemm f'Malta u Għawdex, sija tal-bniet kif wkoll tas-subien?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma numru ta' għaqdiet clubs, għaqdiet nazzjonali eċċ li qed jitolbu lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni sabiex jestendilhom faċilitajiet/bini eċċ talli jorganizzaw l-attivitajiet u l-avvenimenti tagħhom? Liema huma u meta huwa maħsub li dawn it-talbiet jiġi rimedjati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif meħtieġ intalab lil diversi Dipartimenti u qed nistenna risposta biex nagħti tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti li fallew l-iskejjel sekondarji u primarji matul x-xahar ta' Ottubru f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jagħti l-istess tagħrif għas-sena preċedenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kindergarden ta' Bormla ilhomx żmien bla ilma?
Jekk iva għalfejn u kemm ilhom b' din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond tagħrif mill-awtoritajiet ta' l-Iskola Primarja ta' Bormla ma jirriżultax li s-sezzjoni tal-Kindergarten ilha għal xi żmien bla provista ta' ilma.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema ħin studenti tal-primarja ta' Bormla qed jaraw videos tat-tfal?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-videos hux qed jintwerew kulljum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskop ta' l-apparat tal-video qiegħed fil-klassijiet biex jintwera materjal li jkun ta' appoġġ edukattiv waqt il-lezzjonijiet li jsiru waqt il-ħin ta' l-iskola. Waqt il-ħin tal-lezzjonijiet ma jintwerewx videos lit-tfal meta dawn ma jkunux relatati mas-suġġett.
Informat ukoll li, temporanjament, minħabba xi xogħlijiet pendenti u perikolużi fl-ground ta' quddiem l-iskola (liema ground hu porpjeta` ta' Dipartiment ieħor), it-tfal fil-klassijiet iż-żgħar qed jiġu murija videos addattati għalihom minflok joħorġu barra. Dawn il-videos huma pprovduti mill-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-course tal-yacht master offshore tal-MCAST li se jsir fil-Maritime Institute nhar it-Tnejn 12 ta' Novembru 2001 hux bil-ħlas jew le?
Jekk iva kemm qed jintalbu jħallsu dawn iż-żgħażagħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Course ta' Filgħaxija għal lYachtmasters beda fit-12 ta' Novembru 2001 u jibqa' sejjer għal tlett xhur sħaħ b'sagħterjn lecturers kull ġimgħa.
Il-ħlas għal dan il-Course, li huwa leisure-oriented u mhux career oriented, huwa ta' Lm125.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm purtinara jaħdmu full-time waqt il-ħinijiet ta' l-iskola fl-iskejjel primarji (skala A u skala B)?
Jista' l-Ministru jagħti din l-informazzjoni, skola skola?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat li l-iskejjel primarji ta' Għawdex mhux inklużi billi dawn il-ħaddiema jitħallsu minn Ministeru ieħor, u records tagħhom jinżammu mid-Dipartiment konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'irid jagħmel student li qiegħed fl-Extended Skills Training Scheme (ESTS) sabiex jibdel l-isponsor peress li fejn ikun qiegħed ma jkunx qiegħed jiġi mogħti xogħol skond is-sengħa tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li r-responsabilta` sabiex jinstab jew jinbidel ix-xogħol taħt l-iskema ESTS hija tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u għat-Taħriġ, l-istudent konċernat għandu jibda billi jiddiskuti l-każ ma' l-uffiċjal inkarigat fl-ETC.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-mistoqsija numru 29365, kemm kienet in-nefqa għas-Segretarjat Parlamentari u għall-Ministeru b'mod separat?
Response (GALEA, LOUIS)
Apparti l-ispjega diġa` mogħtija, informat li t-tagħrif dwar in-nefqa fuq safar matul il-perjodu indikat mill-Onor. Membru kienet tammonta għal Lm4678.36 tas-Segretarju Parlamentari u ta' Lm5318.64 għall-Ministeru.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'passi ttieħdu fl-aħħar tlett snin mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex jiġi mgħallem l-latin lill-istudenti tas-sekondarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Latin huwa offrut bħala wieħed mis-suġġetti li studenti jistgħu jagħżlu u xejn aktar ħlief li l-Guidance Teachers jittrattaw din il-lingwa bħal lingwi l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel li jgħallmu l-ingliż lill-barannin li qed joperaw bħalissa?
Kemm hemm applikazzjonijiet għall-ftuħ ta' skejjel ta' din ix-xorta?
Minn min saret kull applikazzjoni?
F'liema lokalita'?
Meta saret kull applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' skejjel ta' l-Ingliż liċenzjati li hemm bħalissa huwa ta' 33. Minn mindu nħatar il-Bord ġdid ma rċieva ebda applikazzjoni għal skola ġdida, iżda sab dawn l-applikazzjonijiet u qed jaħdem fuqhom biex tkun tista' tinħareġ liċenzja:
* Żvilupp ta' Moynihan House/Sebħa House, San Ġiljan,
f'ċentru residenzjali għal studenti barranin u fi skola ta' l-Ingliż.
* Bdil ta' Shamrock House, Pjazza Dingli, Sliema fi skola
ta' l-Ingliż.
* Bdil ta' parti minn guesthouse, Salini Residence, Triq il-
Lifruna, Marsalforn, fi skola ta' l-Ingliż.
* Bdil ta' residenza, Triq Birbuba, Għarb, fi skola ta' l-Ingliż.
* Ftuħ ta' skola fil-Kumpless St George's Bay Hotel.
* Talba biex Mayfair Academy tibdel l-isem ta' l-iskola għal
EF International School u l-formazzjoni tal-kumpanija li
tamministra din l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar il-ftuħ ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż?
Jaħseb il-Ministru li bħalissa hemm numru biżżejjed minn dawn l-iskejjel għas-suq li hemm għall-Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li liċenzji għall-ftuħ ta' skejjel ġodda jiġu maħruġin mill-Bord jekk dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-liġi (LN No. 60-1996) u jaqblu mal-Policy Guidelines tal-Monitoring Board.
Ma hemm ebda limiti ta' kemm jistgħu jinħarġu liċenzji, jew f'liema lokal, sakemm dan mhux barra l-pjan nazzjonali ta' żvilupp. Bħala regola, l-Bord jinkoraġġixxi ftuħ ta' skejjel barra ż-żona tal-Port, fejn ġa hemm konċentrazzjoni ta' skejjel ta' l-Ingliż.
Ma hemm ebda indikazzjoni li l-iskejjel li hawn mhux ilaħħqu man-numru ta' studenti barranin li qed jiġu biex jistudjaw l-Ingliż f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni huwiex se joffri xi soluzzjoni lil dawk l-istudenti li se joqogħdu għall-eżamiijiet tal-MATSEC u l-London Board fil-livell ordinarja fis-sessjoni ta' Mejju 2002, li se jkollhom clashes f'xi suġġetti? Jaħsibx li l-istudenti għandhom jingħataw iċ-ċans li joqogħdu għall-eżamijiet taż-żewġ bordijiet biex ikollhom żewġ ċansijiet li jakkwistaw iċ-ċertifikati mixtieqa wara li jkunu lestew is-sekondarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kif kien deċiż fis-snin l-imgħoddija, la d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet u lanqas il-Bord tal-MATSEC ma jistgħu jagħmlu arranġamenti speċjali għall-clashes bejn eżamijiet tal-Bord tal-MATSEC u eżamijiet ta' Bordijiet oħra barranin.
Informat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet hu marbut li jimxi mat-time tables li joħorġu l-Matsec Examination Board u l-Edexcel International ta' londra rispettivament. Fl-applikazzjonijiet tal-MATSEC il-kandidati huma avżati li "candidates should note that clashes with local and oversees examining boards will not be considered". Min-naħa l-oħra l-Edexcel International jeżiġu li ma jkunx hemm ċaqliq fit-time-table tagħhom aktar u aktar minħabba sigurta`. Il-kandidati huma liberi li japplikaw għal liema eżamijiet iridu u għalkemm iridu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk supply teacher li tgħallem il-physics hemmx ċans jew possibilita li tiġi impjegata fuq bażi full time jekk u meta jkun hemm il-vakanza?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva. Biex Supply Teachers isiru regolari jrid ikollhom Baċċelerat fl-Edukazzjoni jew 1st Degree u P.G.C.E., jew M.A jew Dottorat, u japplikaw u joqgħodu għall-interview wara sejħa mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku biex jimtlew il-vakanzi li jkun hemm.