Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – entitajiet — użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u jista’ jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-entita’ u l-korporazzjoni li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi jagħmlu użu minn credit cards pubbliċi. Dawn jintużaw mill-ogħla uffiċjali u jintużaw għal spejjeż relatati ma’ safar, u xiri online ta’ prodotti relatati ma’ software, marketing, pubblikazzjonijiet etc, u/jew speċifikament meta l-pagament tal-prodott jew servizz provdut ma jkunx jista’ jsir b’mod ieħor. In-nefqa minn dawn il-credit cards għall-perjodu msemmi kienet ta’ €13,322 minn Transport Malta u ta’ €8,169.18 mill- GHRC. Infurmat ukoll li n-nefqa minn credit cards minn Transport Malta għall-perjodu 2010 u Frar 2013 kienet tammonta għal €244,964, filwaqt li dik mill-GHRC għal perjodu 2009 u Frar 2013 tammonta għal €9,641.60.

L-Imdina u r-Rabat — Shelters liż-żwiemel tal-karrozzini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karrozzini liċenzjati biex jaħdmu fl-Imdina u r-Rabat? Transport Malta se tipprovdi shelters għaż-żwiemel bħal ma saru fil-Belt? Jekk fl-affermattiv, fejn se jsiru dawn is-shelters?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi l-Awtorità ma tillimitax in-numru ta’ karozzini li jistgħu joperaw fl-inħawi tar-Rabat u l-Imdina. Madankollu, l-Awtorità hi nfurmata li mill-mija u ħdax-il karozzin li hawn liċenzjati f’Malta, hemm madwar ħdax li joperaw fin-naħat imsemmija. Infurmat ukoll li dawn il-karozzini normalment joperaw mill-istand li tinsab biswit id-daħla prinċipali tal-Imdina. Din l-istand tilqa’ fiha sebgħa karozzini u toffri dell naturali għaż-żwiemel permezz tas-siġar li hemm fil-viċinanzi. F’dawn l-inħawi m’hemmx stands oħrajn għall-karozzini.

Transport Malta – devjazzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta jkun hemm il-ħtieġa li jkun hemm devjazzjoni tat-traffiku, minħabba xogħol li jkun se jsir permezz ta’ kuntratturi mqabbdin minn Transport Malta stess, () issirx konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali minn Transport Malta li se jkollhom toroq affettwati? Jekk iva, kif issir din il-konsultazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li kull proġett ta' xogħol ta'kostruzzjoni ta' toroq għandu bżonn Trenching Permit. Tali permess jinħadem permezz ta' sistema komputeriżżata fejn jiġu kkonsultati l-entitajiet fosthom il-kunsilli lokali rispettivi. Ukoll, fejn ikun hemm n- neċessita' ta' devjazzjoni tat-traffiku minħabba xogħolijiet ta' kostruzzjoni ta' toroq mill-Awtorit’ tat-Trasport, il-kunsill lokali jiġi notifikat bid-devjazzjonijiet kollha ppjanati. Tinħareġ ukoll notifika fil-gazzetti.

Karozzi tal-linja – skeda mibdula

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwarjgħid jekk l-iskeda mibdula tal-karozzi tal-linja daħlitx fis-seħħ inkella le? Jekk iva, liema parti minnha daħlet fis-seħħ u liema le? Jsita’ Jista’ jagħti wkoll tagħrif dwar jekk is-servizz lejn il-Ġnejna u lejn l-Armier inbediex ukoll? Jekk iva, meta beda u b’liema frekwenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-Ħadd 12 ta’ Lulju 2015 is-sussegwenti rotot ġew estiżi hekk kif ġej: Numru tar-Rotta Rotta Estizi 37A Armier - Valletta Estiża għal-Armier 41A Xemxija- Valletta Żewġ vjaġġi addizjonali li jibdew mix-Xemxija 71A Għar Lapsi - Valletta Estiża għall- Ghar Lapsi 101/102 Ċirkewwa - Ġnejna Estiżi għall-Mgarr u il-Ġnejna 109 Baħrija - Għar Lapsi Estiża għall-Għar Lapsi Mill l-istess data l-operatur tat-trasport pubbliku huwa obbligat illi jżid il-frekwenzi fuq is-sussegwenti rotot: Numru tar-Rotta Rotta 12/13 Buġibba - Valletta/ San Ġiljan -Valletta 31 Buġibba - Valletta 41 Ċirkewwa- Valletta 42 Ċirkewwa- Valletta 45 Buġibba - Valletta 221 Ċirkewwa - Buġibba 222 Ċirkewwa - Sliema 223 Buġibba - Għajn Tuffieħa 225 Sliema - Għajn Tuffieħa

Simulator għas-sewqan tal-karozzi tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx simulator għas-sewqan tal-karozzi tat-trasport pubbliku li qed jintuża jew imħaddem jew mikri minn Transport Malta? Jekk iva, kemm-il siegħa tintuża kemm ilu li nġieb u meta wasal Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-operatur tat-trasport pubbliku qed jippjana li jintroduċi ‘simulator’ għall-skopijiet ta’ taħriġ fis-sewqan tal-karozzi tat-trasport pubbliku fl-ewwel kwart tas-sena id-dieħla.

Transport Malta – ktieb dwar ir-rotot ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-ktieb dwar ir-rotot il-ġodda li tqassam fid-djar kollha ta’ Għawdex minn Transport Malta?? Min ħallas l-ispejjeż ta’ dan il-ktieb? Kemm swiet l-ispiża tal-printing u tal-impustar? Fejn ġie printed u kif saret l-għażla tal-persuna/kumpanija li dan il-ktieb ġie printed għandha?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ktieb dwar ir-rotot il-ġodda li tqassam fid-djar kollha ta’ Għawdex minn Transport Malta ġie jiswa €4490.08 (VAT inkluża). Transport Malta ħallset għal-ispejjeż ta’ dan il-ktieb. Inħarġu call for quotations kemm għall-printing kif ukoll għall-impustar ta’ dan il-ktejjeb u ntagħżlu l-irħas offerti. Il-printing sewa €2,493.75 filwaqt li l-impustar sewa €344.33.

Iż-Żejtun — Triq il-Labour - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba t-Triq il-Labour fiż-Żejtun hiex se ssir mill-ġdid billi wara x-xita tal-aħħar xhur partijiet sew minnha marret lura?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara x’ jifhem eżatt bil-frażi “ fuq bażi ta’ self-employed”.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk hu jew xi membri fis-Segretarjat tiegħu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’ismu jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tiegħu? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Ministru tal-Gvern huwa ntitolat li jkollu Credut Card fuq ismu. Ir-raġuni għaliex inħass il-bżonn għal din il-Credit Card hija biex l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar, bħal prenotazzjonijiet ta’ lukandi eċċ, ikunu koperti permezz ta’ din il-card u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn li jinġarru ammonti ta’ flus kontanti waqt safar uffiċjali. Ma sar ebda xiri ieħor, apparti minn servizzi msemmija hawn fuq. In-nefqa minn din il-credit card għall-perjodu msemmi kien ta’ €8,764.41 imqassmin fuq 20 safra fuq xogħol Ministerjali.

Il-Qawra — Buġibba - rotta ċirkolari

Question

Jista' l-Minstru jagħti taghrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li terġa' tiddaħħal ir-rotta ċirkulari li keinet tgħaddi minn bosta toroq ta' Buġibba u l-Qawra, biex taqdi aħjar il-bżonnijiet tal-persuni li joqogħdu fiċ-ċentru tal-Qawra/Buġibba u li jkollhom bżonn jattendu għal xi bżonnijiet tagħhom f'San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’ hemmx il-ħsieb illi terġa tiddaħħal rotta ċirkulari dedikata sabiex tgħaqqad lil Buġibba u l-Qawra ma’ San Pawl il-Baħar. Minkejja dan, bin-network il-ġdid li ser jiġi introdott gradwalment matul din is-sena, permezz ta’ diversi rotot tat-trasport pubbliku, xorta ser ikun hemm konnettivita’ bejn l-inħawi imsemmija.

Il-Belt Valletta – mina fis-sur faċċata ta’ St Michael’s Counterguard

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2677, jista’ l-Ministru jgħid sal-lum x’progress kien hemm biex jiġi implimentat il-proġett li bih tintuża l-mina li tinsab fis-sur faċċata ta’ St. Michael’s Counterguard fil-Belt Valletta biex din isservi ta’ passaġġ għan-nies? Għad hemm il-ħsieb li dan il-passaġġ jiġi restawrat u jiġi stallat people mover fil-forma ta’ escalator ħalli jiffaċilità l-passaġġ tan-nies mill-foss għal ġewwa l-Belt Valletta? Jekk iva, meta hu maħsub li jinbeda dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Il-proġett indikat mill-Onor. Interpellent għadu parti mill-programm tal-Gvern għar-riabilitazzjoni taż-żona. Dan il-proġett qiegħed jiġi mfassal biex jinkorpora kemm faċilitajiet ta’ parkeġġ, kif ukoll passaġġ għall-pubbliku li mill-foss iwassalhom ġewwa l-Belt minn ġo mina antika li tinstab fis-swar. Xogħol fuq dan il-proġett jista’ jseħħ hekk kif jiġu allokati l-fondi neċessarji, u wara li tiġi ppublikata l-Pjan għall-Immaniġjar tat-Traffiku ġewwa l-Belt li qiegħed jiġi mfassal minn Transport Malta.

National Road Safety Council – terms of reference

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie stabbilit in-National Road Safety Council, min huma l-membri ta’ dan il-Kunsill u x’terms of reference għandhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma ġie stabbilit l-ebda National Road Safety Council iżda l-Malta Road Safety Council. Dan ġie mwaqqaf f’Mejju 2015 u jinkludi rappreżentanti minn dawn l-entitajiet: - Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura - Transport Malta - Intelligent Transport Systems Malta - Protezzjoni Ċivili - Malta Insurance Association - Korp tal-Pulizija - Dipartiment tas-Saħħa - Dipartiment tal-Edukazzjoni - Federazzjoni taċ-Ċiklisti - Kummissarju għat-Tfal - Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali - 2 Wheels Foundation - Malta Motorsport Federation - Red Cross Malta - Driving Instructors Association - Kummissjoni Nazzjonal Persuni b’Diżabilita’ - Għaqda Żwiemel u Kultura Dan il-Kunsill ġie mwaqqaf bil-għan li jlaqqa’ flimkien l-entitajiet u stakeholders oħra li huma b’xi mod involuti fil-qasam tat-trasport, sabiex jaħdmu għal aktar sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan il-Kunsill se jaħdem bis-sħiħ sabiex ikun hawn nfurzar ikbar tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll jaħdem biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali għas-sigurta’ fit-toroq.

Transport Malta – spezzjonijiet fuq tpinġija ta’ reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta tagħmilx spezzjonijiet fuq il-post biex tara jekk isirx abbuż f’dik li hi tpinġija ta’ reserved parking spaces, disabled parking spaces u loading/unloading bays? Jekk iva, meta u fejn saru l-aħħar spezzjonijiet? X’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li approvazzjonijiet ta’ parkeġġi riservati u dawk għal persuni b’diżabbilta’ jsiru għall-ewwel darba minn Transport Malta. Kaxxi għall-ħatt u tagħbija tal-merkanzija jiġu approvati mill-Awtorita’ u jiġu mplimentati mill-kunsill lokali rispettiv. F’każ li jkun hemm rapport ta’ xi allegat abbuż, issir spezzjoni fuq il-post u ssir verifika fir-rekords tal-Awtorita’. F’kaz li l-allegat abbuż jiġi kkonfermat, jittieħdu l-passi neċessarji sabiex l-abbuż jigi ndirizzat.

Każijiet approvati ta’ reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk f’każijiet li jkunu approvati reserved parking spaces għall-perjodu ta’ żmien, pereżempju Ġunju, Settembru, dawn l-istess spazji jerġgħu jiġu rikonsidrati kull sena jew le? Jekk iva, kemm każijiet ta’ dan it-tip ġew deċiżi li jitneħħew din is-sena? Fejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li kull approvazzjoni għall-parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabbilta’ li jiġu approvati għall-perjodu bejn Ġunju u Settembru, jkunu għall-postijiet ta’ villeġġatura. Dawn il-permessi jiġu approvati għal sena u dan jiġġedded awtomatikament sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġra sabiex issir reviżjoni tal-każ. Minn dawn il-każijiet ta’ parkeġġi riservati għal villeġġatura waħda ġiet riveduta fuq talba mill-kunsill lokali u oħra tneħħiet fuq informazzoni li ngħatat mill-kunsill lokali rispettiv.

Transport Malta – sinjali ta’ żgumbrament

Question

Billi fit-tweġibiet preċedenti ngħad li Transport Malta ma żżommx statistika/informazzjoni dwar il-vetturi li fuqhom ikunu twaħħlu s-sinjali ta’ żgumbrament ta’ vetturi, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif kif allura Transport Malta ssegwi l-istess rapporti biex tara jekk is-sidien ikunux segwew l-ordni ta’ tneħħija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li Transport Malta tibqa’ ssegwi il-każ żgumbrament tal-vettura sakemm l-istess vettura titneħħa minn postha. Kif il-vettura titneħħa r-rapport jitneħħa wkoll mis-sistema.

Policy dwar il-parkeġġ f’Malta

Question

Billi jidher li l-policy dwar il-parking f’Malta tinsab quddiem kumitat interministerjali, jista’ l-Ministru jsemmi liema huma l-Ministeri li jiffurmaw dan il-kumitat? Min huma r-rappreżentanti differenti li jirrappreżentaw lill-Ministeri, u x’inhuma l-kwalifiċi ta’ dawn il-persuni? Meta hu mistenni li din il-policy tiġi ppubblikata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat interministerjali li twaqqaf sabiex jevalwa l-proposti nklużi fil-Parking Policy huwa ffurmat minn uffiċċjali għolja mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura, Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kif ukoll mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Din il-policy ser tigi ppubblikata wara li jitlestew id-diskussjonijiet neċessarji, titnieda s-sistema l-ġdida tar-rotot tat-trasport pubbliku w jerġgħu jsiru l-istudji neċessarji sabiex jiġi moniterat it-tibdil fis-sistema tat-traffiku li jirriżulta mit-tnedija tar-riforma.

Il-Qawra — Servizz tat-trasport pubbliku

Question

Billi fl-inħawi minn ħdejn il-ground tal-football ta' Sirens FC u mad-dawra kollha ta' Dawret il-Qawra, fejn illum hemm eluf ta' residenti li joqogħdu u billi r-residenti li joqogħdu f'dawn l-inħawi mhumiex moqdija b'servizz tat-trasport pubbliku tajjeb li jwassalhom min-naħa għal l-oħra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex iżid din ir-rotta mas-servizzi tat-trasport pubbliku provduti bħalissa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi ir-rotot kollha li jitilqu mit-terminus ta’ Buġibba jgħaddu mad-dawra kollha ta' Dawret il-Qawra u minn ħdejn il-ground tal-football ta' Sirens FC fi triqithom lejn lokalitajiet diversi. Infurmat ukoll illi bin-network il-ġdid ser ikun hemm servizz tat-trasport pubbliku li jgħaddi fid-direzzjoni opposta, jiġifieri illi jgħaddi minn ħdejn il-ground tal-football ta' Sirens FC u mad-dawra kollha ta' Dawret il-Qawra lejn it-terminus ta’ Buġibba.

Grand Harbour Regeneration Corporation – Chief Operating Officer – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Jista’ jgħid min hi l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chief Operating Officer tal-Grand Harbour Regeneration Corporation? Jista’ jgħid x’remunerazzjoni għandha, inkluż il-perkaċċi kollha? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chief Operations Officer tal-Grand Harbour Regeneration Corporation intgħażlet wara li saret sejħa pubblika. Din il-kariga issostitwixxiet il-kariga ta’Chief Executive Officer. Ir-remunerazzjoni u perkaċċi mogħtija għall-kariga preżenti huma ferm inqas minn dawk mogħtija għall-kariga preċedenti.

Karozzi tal-linja — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-frekwenza illi biha qed issir il-manutenzjoni fuq il-karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Billi l-kumpanija li llum tmexxi t-trasport pubbliku hija waħda privata, l-Onor. Interpellanta għandha tkun infurmata li l-informazzjoni li qed titlob m’hijiex disponibbli.

Ħal-Qormi – pjan biex jitnaqqas it-traffiku

Question

F'konferenza stampa li saret fit-13 ta' Novembru 2013, il-Ministru ġie ikkwotat li qal li b'mod immedjat kellu jitwettaq pjan biex itaffi t-traffiku fi tliet postijiet, ċjoè f'Ħal Qormi ħdejn ir-roundabout ta' Manuel Dimech, ħdejn ir-roundabout tal-ajruport, u fir-roundabout ta’Naxxar Road bejn Ħal Lija u Birkirkara. . Jista' l-Ministru jgħid x’sar f’dan ir-rigward u b’kemm naqas it-traffiku permezz tal-pjani illi twettqu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijet li twettqu fil-postijiet indikati huma dawn: - f'Ħal Qormi ħdejn ir-roundabout ta' Manuel Dimech: Saru żewġ interventi separati – wieħed kien jinvolvi l-għeluq tal-ħruġ mir-roundabout lejn iż-żona industrjali ta’ Ħal Luqa (Triq l-Imdina, Qormi). L-intervent l-ieħor kien l-introduzjoni ta’ line markings mad-dawra tar-roundabout biex effettivament t-traffiku ta’ mar-roundabout jinqasam f’żewġ karreġġjati. It-tender għall-intervent ta’ addizzjoni ta’ inner flare fi Triq Ħal Luqa fl-inkroċju tar-roundabout kantuniera ma’ Triq l-Imdina qed jiġi aġġudikat preżentament. - ħdejn ir-roundabout tal-ajruport: Il-kuntratt għax-xogħlijiet ħdejn ir-roundabout tal-ajruport qiegħed fil-proċess li jiġi ffirmat. - r-roundabout ta’Naxxar Road bejn Ħal Lija u Birkirkara: Ġew imċaqalqa tlett centre strips/traffic islands biex it-triq lejn il-Mosta issa takkomoda żewġ karreġġjati u ċċeknet ukoll r-roundabout.