Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pitkalija – permessi għax-xerrejja

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1661, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li kienu mogħtija permess biex jaħdmu ta' xerrejja, kull sena bejn l-2007 u l-2012? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni, mhux xerrejja, li jitħallew jidħlu fil-Pitkalija, wara l-ħinijiet normali tax-xerrejja, u x'tip ta' kontroll isir fuq dawn il-persuni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kienu mogħtija permess biex jaħdmu ta’ xerrejja bejn is-snin 2007 – 2012 kienu ta’ 646, 695, 729, 795, 775, 798 rispettivament. Ninsab infurmat ukoll li permess għal persuni li mhumiex xerrejja ma jiġġeditx kull sena. Mill-2011, min meta bdew jiġu rreġistrati sal-2012, in-numru ta’ permessi li nħarġu kien ta’ 438. Il-kontroll jitwettaq permess ta’ dokument maħruġ għal dan il-għan u li jingħata lil dawn il-persuni.

Esportazzjoni ta’ tonn

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1431, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tat-tabella li ngħatat għad-diversi xhur indikati, peress li jidher li hemm overlap f'dawn iċ-ċifri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-figuri mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 1431, jiġbru t-tunellaġġ ta’ tonn esportat fejn kull ma jitqiegħed fil-containers ikun ikkumpanjat minn ċertifikat maħruġ lill-esportatur. Għaldaqstant ma tistax tingħata informazzjoni bix-xahar imma l-informazzjoni qiegħda mqassma skont l-ammont li tpoġġa fil-containers.

Irziezet — spezzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1430, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu r-raġunijiet għall-ispezzjonijiet imsemmija, u x'kienu r-riżultati miksuba?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat illi hemm diversi raġunijiet għalxiex isiru l-ispezzjonijiet, fosthom liġijiet u linji gwida li jikkonċernaw l-irżieżet u r-raba u biex jimxu mal-bżonnijiet tal-pjanijiet annwali tal-kontroll ta’ mard, identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali, iġene u trattament xieraq ta’ l-annimali. Nitlob lil Onor. Interpellant jindika speċifikament għal liema riżultati jixtieq tweġiba peress li r-raġunijiet għalxiex isiru l-ispezzjonijiet huma bosta.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xiri u kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozza uffiċjali? Jekk qed tinkera kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtrat kemm inxtrat? Ħarġu offerti għal kiri jew xiri u minn fejn qed tinkera jew inxtrat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nhar it-22 ta’ Diċembru 2009, ġie ffirmat kuntratt bejn il-kumpanija Meli Car Rentals Ltd u l-Ministeru tal-Politika Soċjali ta’ dak iż-żmien, illi permezz tiegħu ġiet mikrija karozza tat-tip BMW 520D għal perjodu ta’ 48 xahar li beda nhar it-22 ta’ Diċembru 2009 u jagħlaq nhar it-30 ta’ Novembru 2013. Din il-kirja saret għall-prezz miftiehem ta’ €900 fix-xahar. L-użu ta’ din il-karozza ġie trasferit għal fuq il-Ministeru tiegħi nhar l-14 ta’ Marzu 2013, bl-istess kundizzjonijiet preċedenti.

veterinarji mal-Ministeru għall-Ambjent

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' veterinarji li preżentement huma impjegati mad-dipartimenti kkonċernati taħt il-Ministeru għall-Ambjent?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li n-numru ta’ veterinarji fid-Direttorat tar-Regolazzjoni Veterinarji fi ħdan id-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima huwa ta’ tmintax-il veterinarju, li wieħed minnhom huwa mpjegat tal-Ministeru għal Għawdex. Ninsab infurmat ukoll li flimkien mat- tmintax il-veterinarju, hemm tnejn veterinarji oħra illi persuna minnhom qiegħed fuq ‘leave’ fit-tul bla ħlas u persuna oħra qiegħda fuq ‘parental leave’. Hemm ukoll żewġ uffiċjali fi skala 5, Direttur u Direttur Ġenerali li bi professjoni huma Veterinarji.

Proġetti dwar l-agrikoltura – 5+5

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jikkoordina xi proġetti partikolari dwar l-agrikoltura, flimkien mal-pajjiżi l-oħra membri fil-5+5?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma ġewx varati proġetti fi ħdan il-proċess 5+5 fil-qasam agrikolu. L-aħħar laqgħa li saret kienet f’Jannar 2012 fl-Alġerija.

Miżura 121 – benefiċjarji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni, gruppi ta' persuni li bbenefikaw mill-Miżura 121, dwar l-immodernizzar ta' azjendi agrikoli? Minn liema lokalitajiet huma dawk li bbenefikaw? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk għadx fadal applikazzjonijiet pendenti jew li għadhom ma bbenefikawx wara li applikaw? Kemm huma, u minn fejn huma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fl-ewwel sejħa taħt Miżura 121 ibbenefikaw 282 applikant. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra bħala Tabella A. Ninsab infurmat ukoll li 363 applikant huma eliġibli mit-tieni sejħa li nħarġet għall-għajnuna finanzjarja taħt il-Miżura 121. Madankollu, dan il-proċess għadu mhux finalizzat għaliex fadal jiġi konkluż l-istadju ta’ l-appell.

Bdiewa/Raħħala – informazzjoni dwar nitrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' informazzjoni qed tingħata lill-bdiewa/raħħala, f'Malta u f'Għawdex dwar l-użu u l-preżenza tan-nitrati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tagħrif li qiegħed jingħata lill-bdiewa u r-raħħala taħt il-programm InfoNitrates huwa relatat ma l-obbligi tal-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati. Għal dan il-għan ġiet imnedija kampanja ta’ informazzjoni ġewwa Għawdex nhar il-15 ta’ Mejju u li ser tkun qiegħda tiġi segwita minn tletin laqgħa oħra ma’ bdiewa u raħħala professjonali ġewwa 30 lokalità madwar il-Gżejjer Maltin. Ninsab infurmat ukoll li din l-informazzjoni qiegħda titqassam permezz ta’ DVD u fuljett informattiv lill-madwar 20,000 persuna li huma involuti fis-settur agrikolu.

Siġar u Pjanti – Border Checks

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' border checks qed iseħħu għal dak li jirrigwarda d-dħul ta' siġar u pjanti fis-suq lokali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija ngħatat parżjalment taħt in-numru 1714, iżda jien ninsab infurmat li l-istess risposta tapplika wkoll għall-pjanti li jidħlu fis suq lokali.

ex segretarju permanenti — ħlas ta' overtime

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1183, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet u għal xiex huwa dovut dan id-dewmien?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li napprezza l-interess tal-Onorevoli kollega, nista’ nassigurak li m’hemm l-ebda dewmien li mhux iġġustifikat dwar l-investigazzjoni. Id-dewmien huwa dovut biss għal fatt li hija x-xewqa tal-Ministeru li kull investigazzjoni ssir fil-fond u b’mod l-aktar professjonali u dettaljat minflok ma jsir xogħol tal-għaġġla. Il-Kamra ser tkun aġġornata fil-mument opportun.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kull kuntratt li l-Ministeru tiegħu kellu fis-seħħ fi Frar 2013, jekk kull kuntratt ingħatax b'direct order jew b'tender, min rebaħ kull kuntratt, kemm hija l-ispiża ta' kull kuntratt u meta jagħlaq kull kuntratt?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewlna, qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub, miġbur f’Tabella ‘A’.

Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — Membri tal-Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 1379.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — membri tal-bordijiet - Remunerazzjoni u Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 1380.

Ministri u Uffiċjali tal-Gvern – Kiri ta’ vetturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1254, jista’ l-Ministru jfisser b'mod konkret x'kienu r-rekwiżiti li ntalbu fil-kwotazzjonijiet jew fis-sejħiet għall-offerti għal kiri jew xiri ta' karozzi għall-użu tal-Ministeri u entitajiet governattivi oħra mid-9 ta' Marzu sal-lum u dan in konformi mal-wegħda elettorali tal-Partit Laburista kif hemm miktub f'paġna 107 tal-Programm Elettorali?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi l-Ministeri u l-entitajiet governattivi ġew avżati li x-xiri u l-kiri ta’ karozzi għandu jirrispetta l-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li qiegħda miktuba f'paġna 107 tal-Programm Elettorali.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – kuntratti ta’ security guards

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

Importazzjoni ta’ siġar — border controls

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' border controls qed iseħħu meta jiddaħħlu siġar minn barra minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti jagħmel spezzjonijiet fuq siġar li jiddaħħlu minn barra minn Malta skont l-Avviż Legali 97 ta’2004 taħt l-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti, 2001 (Kapitlu 433) u l-liġijiet sussidjarji, kif ukoll skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u skont il-konvenzjoni tal-IPPC (International Plant Protection Convention). Is-siġar li huma rregolati taħt il-liġijiet jew l- istandards imsemmija hawn fuq huma suġġetti għal spezzjonijiet. Waqt dawn il-kontrolli, l-ispetturi għas-saħħa tal-pjanti jivverifikaw il-kontenut taċ-ċertifikat fitosanitarju, l-identita’ tal- kunsinna, kif ukoll l-istat ta’ saħħa u l-kwalita’ ta’ din il-kunsinna. Meta dawn it-tlieta jiġu verifikati kif ukoll approvati, il-kunsinna titħalla tidħol f’pajjiżna. Dawn l-ispezzjonijiet ta’ kunsinni, hekk kif msemmija hawn fuq, isiru ġewwa l- Border Inspection Post tal- FreePort , kif ukoll fl-Ajruport ta’ Malta. Isiru kontrolli wkoll fil- Groupage f’Hal Far kif ukoll fl-imħazen approvati mid-Direttorat.

Esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni li preżentement għandhom liċenzja/permess biex jesportaw/jibagħtu prodotti agrikoli Maltin lejn is-suq tal-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ammont ta’ persuni/entitajiet li jistgħu jinnegozjaw fis-Suq Ħieles Ewropew jew jesportaw lejn pajjiżi terzi prodotti ta’ oriġini mill-annimali, huwa ta’ 134. Ninsab infurmat ukol li fil-każ ta’ pjanti, l-ammont ta’ persuni/entitajiet li jistgħu jinnegozjaw fis-Suq Ħieles Ewropew jew jesportaw lejn pajjiżi terzi, huwa ta’ 218.

Plant health – gradwati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm persuni gradwati fil-plant health, u li preżentement jaħdmu mad-dipartimenti responsabbli mill-agrikoltura? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx persuni li bħalissa qed jistudjaw f'dawn l-oqsma biex ikunu ppreparati għax-xogħol mad-dipartiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament hemm 19-il gradwat li bejniethom għandhom dawn il-kwalifiki kif ġej: 17-il impjegat għandhom Diploma; 14-il impjegat għandhom Degree; 6 impjegati għandhom Masters ; Impjegata waħda għandha PHD. Ninsab infurmat ukoll illi tnejn minn dawn l-impjegati li preżentament għandhom Degree qegħdin ikomplu javvanzaw l-istudji tagħhom fuq livell ta’ Masters. Dawn il-ħaddiema kollha jaħdmu mad-Direttorat tas-Saħħa tal-Pjanti li huwa parti mid-Dipartiment tar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti.

Istituti ta' studji agrikoli — scholarships

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux kuntatti ta' istituti ta' studji agrikoli barra minn Malta, u jekk hemmx xi scholarships li hu mistenni jintrebħu għal dawn l-istituti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament il-Ministeru m’għandux kuntatti ma’ istituti ta' studji agrikoli barra minn Malta.

użu ta' prodotti agrikoli lokali – kuntatti mal-FAO

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi kuntatti partikolari mal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) dwar l-użu ta' prodotti agrikoli lokali? Min hu r-rappreżentant ta' Malta f'din l-organizzazzjoni fil-preżent?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent ma jeżiżtux programmi fuq użu ta’ prodotti agrikoli lokali ta' l-FAO. Malta tippartecipa fl-FAO f’laqgħat f’livelli varji, bir-rappreżentat ewlieni jkun is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, li jipparteċipa fil-konferenza tal-FAO li ssir kull sentejn.