Peress li numru ta' ħwienet tal-laħam li jixtru ċanga friska niżel minn 373 f'Dicembru 1998 għal 247 f'Mejju, 1999, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ġara dan?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ammont ta' bejgħ ta' ċanga minn xahar għal xahar, kif ukoll in-numri ta' drabi li ħwienet jixtru ċ-ċanga huma determinati mill-forzi tas-suq kif ukoll minn fatturi oħra li jaffettwaw il-konsum bħal żmienijiet tal-Milied u żmien ir-Randan u l-Gimgħa Mqaddsa.
Peress li l-bejgħ taċ-ċanga friska lill-ħwienet tal-laħam niżel minn 39212 kilos f'Diċembru, 1998 għal 24788 kilos f'Mejju, 1999, jista' l-Ministru jgħid kif oriġina dan it-tnaqqs fil-bejgħ ta' dan il-prodott?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda Parlamentari numru 7623.
Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li bdiewa, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, fl-inħawi tan-Nigret, ir-Rabat qed jinqatgħalhom l-ilma tat-tisqija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Wara nvestigazzjoni li saret minn uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jirriżulta li l-bdiewa ndikati qegħdin jalleggaw li naqsilhom l-ilma fl-ispejjer tagħhom minħabba li qiegħed jinġarr ilma bil-bowżers mill-Pumping Station ta' Ħad-Dingli. Meta ġew ikkuntatjati uffiċjali tal-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma ddikjaraw li l-ammont ta' ilma li qiegħed jinġarr kulljum huwa ta' 160 metru kubu kulljum skond ftehim li kien sar xi tlett snin ilu.
Probabilment in-nuqqas ta' ilma fl-ispejjer tal-bdiewa huwa riżultat ta' nuqqas ta' xita u ta' staġun twil ta' tisqija minħabba li x-xita qatgħet kmieni.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Urban Rural Landscaping
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti li qed jissokta bihom l-Urban & Rural Landscaping Unit tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-'Urban & Rural Lanscaping Unit' tad-Dipartiment tal-Agrikoltura qed jissokta bir-riabilitazzjoni tal-Ġnien tal-Mistrieħ - Msida Bastion il-Furjana bi sħab ma Din l-Art Ħelwa u l-Kummissjoni Għolja Indjana f'Malta u bil-proġett tat-tħawwil ta' siġar f' Għar Lapsi bi sħab ma l-'International Tree Foundation (Malta)'.
Ministeru tal-Biedja u Sajd — Grad ta' Direttur Ġenerali
Question
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-Ministeru aċċetta li jitneħħa l-grad ta' Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Biedja u Sajd meta kien diġa' approvat mill-amministrazzjoni preċedenti? Ma jħossx il-Ministru meta l-istess dipartiment jinstab impenjat sabiex jaġġorna r-regoli u liġijiet tal-biedja ma' dawk ta' l-UE, dan il-grad huwa ġustifikat? Jista' jara li din il-miżura li tista' tinħass inġusta minn dawk l-uffiċjali li kienu applikaw tiġi rtirata fl-affermattiv?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 7077, naċċertaħ ukoll li fl-istruttura li qegħda tiġi gradwalment attwata qegħdin nagħtu mportanza ħafna l-impenji li dan il-Ministeru għandu fir-rigward tas-sħubija fl-UE.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ u x'kienet il-varjeta' tal-frott u l-ħaxix frisk impurtat matul Jannar u Mejju, 1999 fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bejn Jannar u Mejju 1999 ġew impurtati dawn il-frott u ħxejjex:
Tunnellati
Ċitru (l-aktar larinġ u mandolina) 5,233
Frott artab (l-aktar tuffieħ, banana, lanġas u għeneb) 7,909
Frott tal-għadma (l-aktar għajnbaqar) 77
Frott eżotiku (l-aktar kiwi) 301
Ħxejjex (l-aktar basal u twem) 306
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-prezz medju tal-pastard u kaboċċi xahar b'xahar bejn Jannar u Mejju 1999 għall-bdiewa? X'kienu l-prezzijiet għall-bdiewa fil-perijodu ta' l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba hija:
Kaboċċi Pastard
1998 Kgs. Lm Prezz 1998 Kgs. Lm Prezz
Medju Medju
Jannar 139,380 32,511 23.33 Jannar 149,193 46,771 31.35
Frar 105,675 34,239 32.40 Frar 151,567 45,133 29.78
Marzu 153,227 21,998 14.36 Marzu 239,874 43,085 17.96
April 180,527 7,693 4.26 April 452,026 16,645 3.68
Mejju 205,560 3,541 1.72 Mejju 337,685 10,683 3.16
Kaboċċi Pastard
1999 Kgs. Lm Prezz 1999 Kgs. Lm Prezz
Medju Medju
Jannar 217,080 4,578 2.11 Jannar 587,062 11,942 2.03
Frar 201,345 7,127 3.54 Frar 302,112 31,241 10.34
Marzu 233,236 5,569 2.39 Marzu 384,311 26,491 6.89
April 179,876 5,492 3.05 April 395,243 13,253 3.35
Mejju 174,120 8,125 4.67 Mejju 233,283 15,195 6.51
Kif jidher mill-istatistika ta' hawn fuq, il-prezz medju skond il-produzzjoni u d-domanda.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għad-domanda numru 678 li kien għamel hu stess u li fiha hu stess kien semma l-maltemp u l-effetti ħżiena fuq il-produzzjoni, kif riflessa anki fiċ-ċifri komparattivi ta' produzzjoni għall-ewwel xhur tas-snin 1998 u 1999. Fil-fatt minħabba fl-iskarsezzi ikkaġunati minn dan il-maltemp, il-Gvern li minnu kien jifforma parti l-Onorevoli Interpellant, kien ta eżenzjoni parzjali fuq il-levy ta' importazzjoni għal iktar minn 40,000kg pastard u kaboċċi. Infakkar ukoll li l-bdiewa li batew konsekwenzi ta' dak il-maltemp u li kellhom l-uċuħ taghħom meqruda ma ngħataw l-ebda kumpens, anzi ġew użati LM8,000 mill-flus allokati għat-tiswija ta' ħsarat ikkaġunati mill-maltemp, sabiex ġie mgħotti l-fjask u l-falliment ta' l-esportazzjoni tal-ħaxix frisk lejn l-Ingilterra, dejjem meta l-Onorevoli Interpellant kien Ministru responsabbli mill-biedja.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-prezz medju tal-prodott tal-patata xahar b'xahar minn Jannar sa Mejju 1999 għall-bdiewa? X'kien l-istess prezz għall-istess perijodu fl-1998 għall-bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezz medju tal-patata fil-pitkalija xahar b'xahar minn Jannar sa Mejju 1999 u 1998 kien hekk:
1998 Kgs. Lm Prezz 1999 Kgs. Lm Prezz
Medju Medju
Jannar 233,963 36,207 15.48 Jannar 303,857 48,612 16.00
Frar 162,674 30,195 18.56 Frar 229,553 51,922 22.62
Marzu 232,280 52,260 22.50 Marzu 375,015 77,927 20.78
April 500,959 61,725 12.32 April 528,478 72,117 13.65
Mejju 437,078 34,035 7.79 Mejju 469,035 35,579 7.59
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-membri tas-segretarjat privat tal-Ministeru tiegħi u għalhekk nirreferih għar-risposti li jiena kont tajt għal domandi numru 3459 u 3532, u li fihom hemm l-informazzjoni dwar il-membri tas-segretarjat tiegħi sa dakinhar. Minn meta tajt dawk ir-risposti sa issa, eżattament fit-13 taż April 1999, ġiet ingaġġata formalment persuna oħra biss, Kathleen Schembri, bħala Secretariat Pool.
L-uniku membru tas-Segretarjat li għamel użu ta' mobile phone fil-perjodu msemmi kien il-Communications Coordinator, is-Sur Martin Bugelli, b'dawn l-ispejjeż:
Novembru 1998 Lm57.71(inkluż connection fee)
Diċembru 1998 Lm33.71
Jannar 1999 Lm23.10
Frar 1999 Lm41.36
Marzu 1999 Lm64.71
April 1999 Lm45.04
Mejju 1999 Lm22.88
Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant huma kollha konformi ma' dak imniżżel fil-Memorandum 'Engagement of Staff in Private Secretariats' li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Novembru li għadda (liema memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin), inkluż il-fatt li ma hemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organizzazzjoni parastatali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: (1) Kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma; (5) għal liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw; (7) kemm huma fl-ammont?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-perjodu msemmi mill-Onor. Joseph Cuschieri inxtrat biss karozza waħda. Din kienet BMW bil-prezz ta' Lm11,600 mingħand Muscat Motors Ltd. tal-Gżira għall użu tal-Ministru għaliex il-karozza li kienet tintuża mill-Ministru preċedenti kienet fi stat ħażin ħafna u saħansitra perikoluża.
Ma nħarġet l-ebda tender għax-xiri ta' din il-karozza.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 6869 u 7033, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jersqu xi talbiet quddiem l-awtorita' sabiex isiru dawn l-ameljoramenti fir-roundabouts tal-gżejjer? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6869 u 7033, id-Dipartiment tal-Agrikoltura qiegħed jagħmel il-preparamenti kollha meħtieġa, sabiex meta jkollu l-fondi jkun jista jagħmel l-applikazzjoni lill-Awtorita tal-Ippjanar sabiex ikun jista jibda x-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-prezz medju għall-bdiewa għall-prodott tal-patata mill-Pitkalija Ċentrali fix-xhur ta' April u Mejju ta' din is-sena? X'kien il-prezz għall-istess prodott għas-sena 97 u 98?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezz medju għall-bdiewa għall-prodott tal-patata mill-Pitkalija Ċentrali fix-xhur ta' April u Mejju ta' din is-sena kif ukoll għall-istess prodott għas-snin 1997/1998 kienu hekk:
Sena April Mejju
Cents per Kg. Cents per Kg.
1997 6.67 6.58
1998 12.32 7.79
1999 13.65 7.77
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 7169 u ċioe' għall-kliem użat kif suppost ikun uffiċċju diċenti li jixraq għaż-żmenijiet tal-lum, jista' l-Ministru jara li l-uffiċini ta' l-uffiċjali u kmamar tal-ħaddiema tad-dipartimenti jkunu rispettati bl-istess mod? Jekk iva, jista' jara li jibdew ix-xogħlijiet u jgħid meta se jibdew? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini li jaqgħu taħt il-Ministeru kollu bil-mod il-mod qegħdin fil-fatt jiġu rranġati kif suppost, ħalli jkunu diċenti u li jixirqu għaż-żminijiet tal-lum.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7055?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ispejjeż li saru għall-Green Week ta' Berlin u ta' Malta kienu hekk:
Malta Berlin
LM LM
1995 11,102 25,659
1996 14,421 9,097
1997 2,100 760
1998 4,030 Xejn (Il-Ministeru ma pparteċipax)
1999 15,376 1,396
Nispjega illi l-Lm760 li tħallsu għall-fiera ta' Berlin fl-1997 kienu l-ħlas ta' parteċipazzjoni biss, għaliex l-Onorevoli Interpellant kien iddeċida li jwaqqaf din il-parteċipazzjoni wara li kienu diġa tħallsu l-flus.
Is-somom ta' l-1997 u l-1998 jidhru relattivament baxxi għaliex ix-xogħol li kien sar mill-ħaddiema tal-Gvern wara l-ħin kien sar fuq is-sistema ta' "time-off in lieu", sistema li għaalkemm tagħti l-impressjoni falza li qed jiġu ffrankati l-flus, toħloq problemi serji fit-twettiq tal-programmi tax-xogħol tul is-sena kollha.
Din is-sena, il-ħaddiema ser ikunu qalgħu bejniethom is-somma ta' Lm9,761.42 fżovertime. Din ser tinqasam bejn 66 impjegat, jiġifieri medja ta' Lm1147.90 kull wieħed. Eluf ta'nies żaru din il-fiera, u kien hemm kliem ta' apprezzament minn diversi fonti, għal mod informattiv u professjonali li bih ġie ppreżentat l-istand tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd.
L-Onorevoli Interpellant għandu jifhem li filwaqt li għandu jkun hemm għaqal u kontroll fl-infiq, tqanċiċ bla sens iwassal għall-qerda ta' l-inizjattiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 7030?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-bidu u t-tmiem tal-istaġun tal-għażla tal-patata għas-safar flimkien mal-medja li kienet ġiet aċċettata kulljum jikkonsistu kif jidher hawn taħt:
Medju kulljum
1995 mis 17 t'April sa 19 ta' Mejju 8,541 xkejjer ta' 25 Kg
1996 mit 22 t'April sa 17 ta' Mejju 7,823 xkejjer ta' 25 Kg
1997 mill 20 ta' Marzu sa 16 ta' Mejju 8,823 xkejjer ta' 25 Kg
1998 Mill 20 t'April sa 14 ta' Mejju 14,770 xkejjer ta' 25 Kg
1999 Sante' mit-12 t'April sa 23 t' April 1,886 xkejjer ta' 25 Kg
Alpha mis-26 t'April sa 18 ta' Mejju 13,910 xkejjer ta' 25 Kg
Dwar ir-rati tal-kambju għas-snin imsemmija, naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li minħabba ċ-ċaqlieq kulljum tal-kambju, dan il-Ministeru mhux f'pożizzjoni li jagħtik dan it-tagħrif, iżda hemm iktar probabilita li tinkiseb mill-Bank Ċentrali ta' Malta.
Barra minn hekk, għall-iktar informazzjoni iktar dettaljata, li eventwalment mhix ikkunsidrata ta' nteress publiku, nistieden l-Onor. Interpellant jara r-rekords tad-Dipartiment.
Peress li l-Ministru qal li l-patata Sante hija mfittxija ħafna fl-Olanda, il-Ministru qed jgħid li l-importaturi Olandiżi m'għadhomx jirrikonoxxu l-Alpha bħala varjeta' ta' kwalita'? Huwa l-kas li aktar ma tiżdied il-kwantita' ta' varjeta' sante l-prezz jaqa' u mhux jogħla għall-bdiewa? Jekk iva, għaliex? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Huwa fatt li s-Sante' fil preżent qegħda tgawdi post fost l-iktar erba varjetajiet favoriti mal-konsumatur Olandiż iżda b'daqshekk ma jfissirx li għandu jkun traskurat dak li nkiseb matul is-snin.
Mingħajr dubju sa llum l-Alpha ta' Malta għadha popolari fis-suq Olandiż iżda kemm għaliex iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar tinħass il-ħtieġa li tinsab varjeta alternattiva minħabba problemi tekniċi li ta' kull sena qegħdin jiżdiedu kif ukoll minħabba l-fatt li s-suq tal-Alpha huwa limitat għal madwar ħames t'elef tunellata u għaldaqstant iktar żieda ta' din il-varjeta jfisser sogru li jintilef il- 'premium' price.
Minħabba dawn ir-raġunijiet u bil-ħsieb li jitrewwem suq ġdid u iktar bikri apparti minn dak tal-Alpha qegħdin inkomplu bil-provi fuq is-Sante' s'issa taw riżultati posittivi ħafna.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jaqbel ma' l-outright purchase, prezz finali, u huwa kontra s-sistema ta' prezz minimu garantit? Għaliex huwa kontra l-kuntratt li għamel il-gvern preċedenti Laburista meta nnegozja s-6,000 tunnellata kollha bi prezz minimu garantit?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien qatt ma indikajt li jiena kontra is-sistema ta' prezz minimu garantit. Iżda fiċ-ċirkostanzi tal-patata tal-varjeta' Sante', li kien kontra tagħha l-Onor. Interpellant meta kien Ministru, kien aħjar u ta' benefiċju aktar għal bidwi Malti li jsir ftehim separat minn dak tal-varjeta' Alpha sabiex tibbenefika mill-fatt li s-Sante' hija ħafna aktar bikrija u tgawdi suq separat. Fuq kollox il-bdiewa ma jsofrux nuqqas fil-prezz bħal meta insterqu Lm13,500 minn flushom sabiex jitatta' l-fjask fl-esportazzjoni tal-ħaxix lejn l-Ingilterra, kif sar fiż-żmien meta l-Onor. Interpellant kien Ministru.
B'riferenza għall-prezz imsejjaħ rekord għall-patata bikrija, jista' l-Ministru jinformani xi prezzijiet ġabu l-bdiewa għall-patata bikrija matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, qabel il-Ministru ħabbar il-prezzijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħlas li rċevew il-bdiewa għall-patata bikrija ta' Malta li kienet imsiefra matul dawn l-aħħar ħames snin kien jikkonsisti b'dan il-mod:
1998 Lm11 il-qantar
1997 Lm11 il-qantar
1996 Lm14 il-qantar
1995 Lm14 il-qantar
1994 Lm11 il-qantar
Minn dan jdher li din is-sena, 1999, il-prezz ta' Lm14.20 il-qantar imħallas lill-bdiewa għall-patata bikrija tat-tip Sante' qabeż kull ħlas ieħor li qatt tħallas għall-patata esportata.
Hawn ta min isemmi li sentejn ilu, fi żmien meta l-Onor. Interpellant kien responsabbli mill-Agrikoltura, ġew imsiefra 789 tunnellata patata Sante' fuq ftehim li kien sar fi żmien l-Amministrazzjoni Nazzjjonalista. Kien kollu għal xejn li l-esportazzjoni tagħha kienet bdiet sa mill-20 ta' Marzu, iktar minn xahar qabel is-soltu, għaliex b'sorpriża u disfatta kbira għal dawk li kabbruha mhux biss għamlet tajjeb għall-prezz tal-Alpha iżda fuq kollox ma tħallsux l-ogħla prezz tal-Alpha kif kien miftiehem u fuq kollox kif effettivament tħallas għaliha n-negozjant Olandiż, qisu dan kien preludju għall-forġa li seħħet wara biex tħallsu dawk li esportaw il-ħaxix frisk lejn ir-Renju Unit.
Jista' l-Ministru jgħid fejn hi d-differenza ta' 16% jew 45% żieda għall-bdiewa meta fuq il-kwantita' ta' 471 tunnellata bikrija kull prezz finali ta' 30.65 Guilder u għat-3,000 tunnellata bikrija Alpha kellu l-prezz minimu garantit u mhux finali ta' 30.60 Guilder fuq il-kwantita' kollha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma natiħx tort lill-Onor. Interpellant li jinħasad u donnu għadu ma jridx jemmen li d-differenza hi dik li hi. Infatti bi ftit eżerċizzju ħafif wieħed malajr jikkonferma li:
1.il-prezz medju miftiehem mal-importatur kien ta' NLG30.75 filwaqt dak tal-Alpha huwa NLG26.50 - id-differenza tirriżulta ta' iktar minn 16%; u
2. ħlas mogħti din is-sena lill-bdiewa għas-Sante' jisboq b' Lm4.39 dak medju li ngħata lill-bdiewa sentejn ilu għall-istess varjeta - dan ifisser differenza ta' mhux inqas minn 45%.
Jista' l-Ministru jinformani għaliex innegozja prezz finali (outright purchase) għall-patata tal-varjeta' Sante fuq il-kwantita' kollha ta' 600 tunnellata u ċioe' li minnhom ġiet esportata 471 tunnellata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidhirli li sa kemm il-prezz fiss (outright purchase) ikun wieħed tajjeb, ma nħossx li wieħed għandu jissogra jaċċetta prezz minimu garantit iktar baxx bl-isperanza li forsi jinkiseb overprice.
Dan kollu jagħmel iktar sens meta wieħed jifli bir-reqqa l-aħħar kuntratt għall-esportazzjoni tal-patata ta' Malta li jkopri mill-1999 sa l-2001 fejn wieħed ma jistax ma jinnotax b'dispjaċir kemm dan il-ftehim huwa ta' skoraġġiment għal dawk li jkabbru dan il-prodott għas-safar. Fost il-fatti li l-iktar jispikkaw insibu:
1. Il-ħlas miseru ta' NLG16 kull xkora ta' 25 Kgs, li jfisser madwar Lm9.50 Kull qantar imwassla fl-imħażen tan-negozjant;
2. il-kontroll impost mill-istess negozjanti Olandiżi fuq il-produzzjoni billi mponew importazzjoni massima ta' 800 tunellata patata taż-żriegħ Alpha, li tfisser 200 tunellata fis-sena inqas mis-soltu u;
3. Iż-żieda bla rażan fir-rati għoljien li n-negozjant inaqqas mill-ħlas tal-patata, għall-ispejjes li jagħmel.
Għaldaqstant bir-raġun kollu wieħed jifhem li huma ftit dawk li jemmnu li kif inhu dan il-ftehim jista jħalli spazju għal xi 'overprice'.