Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — Tindif fis-Sokkors tas-Salina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tindif propost li se jsir fis-Sokkors tas-Salina għandux bżonn permess mill-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Saret applikazzjoni lill-MEPA ghal tindif fl-inhawi msemmija. Sadattant saru xoghlijiet ta’ emergenza biex jigu evitati incidenti serji li sehhew sena ilu fl-gharghar ta’ Settembru. Fil-fatt, dakinhar is-Salina u xi strutturi tal-madwar sofrew danni konsiderevoli minhabba l-gharghar. Wara diskussjoni bejn il-Protezzjoni Civili u d-Divizjoni tax-Xoghlijiet, is-Sukkursu li jircievi l-ilma tax-xita li mbaghad jispicca l-bahar instab li kien imblukkat b’materjal li ngemma’ matul is-snin li jinkludu wkoll materjal mormi illegalment.

MEPA — Talba għal storm water culvert f'Ħad Dingli

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx talba biex isir storm water culvert fi Triq il-Kbira, f'Ħad Dingli matul ix-xahar ta' Settembru 2004? Jekk fil-pożittiv, jista' jipproduċi kopja ta' l-applikazzjoni? Jista' jgħid min kienet il-kumpannija ta' periti li għamlet l-applikazzjoni u jekk intużax timbru uffiċjali tal-kumpannija f'din l-applikazzjoni? Jekk fil-pożittiv, jista' jipproduċi kopja ta' dan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li saret notifika ta’ żvilupp Numru DN 694/04. Il-perit ta' din in-notifika kien Charles Buhagiar A&CE għan-nom ta' Med Design Consultants, Hercules House, Saint Mark Street, Valletta. It-timbru uffiċjali użat fil- formola ta' l-applikazzjoni huwa "MED design consultanta ltd, Hercules House, St Mark St., Valletta. VLT 09" filwaqt li t-timbru fuq il-pjanti huwa "MED DESIGN CONSULTANTS, Engineering + Cost Consultants, Hercules Hse., 2nd Floor, St. Mark Street - Valletta - VLT 09. Minn-naħa l-oħra it - "Title block" fuq il-pjanta li turi d-disinn tal-"Culvert" huwa "MED design PERITI consultants, hercules house st mark street, valletta vlt 09, malta. L-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma tistax tipproduċi kopji ta l-applikazzjoni u pjanti sottomessi mill-applikant.

Ta' Qali — Grading/Parking Station

Question

Jista' il-Ministru jinformana min se jkun responsabbli mit-tmexxija u l-ispejjeż li se jkun jinvolvi l-operat il-ġdid tal-grading u l-parking station li qed jiġi żviluppat f'Ta' Qali? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-kalkoli finanzjarji li għandu d-dipartiment dwar kemm se tiswa flus it-tmexxija ta' l-operat ta' l-impjant imsemmi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ser titwaqqaf soċjeta’ tat-tmexxija tal-pitkalija li tinkludi rappreżentanti tal-Gvern, Pitkala u Bdiewa. Din is-soċjeta’ se tkun responsabbli, fost oħrajn, mill-amministrazzjoni tal-pitkalija. It-twaqqif ta' din is-soċjeta’ u l-finanzjament tal-operat diġa ġew diskussi bejn l-esperti Taljani tal-Ħames Protokol Taljan u l-uffiċjali tal-Ministeru, u fil-ġranet li ġejjin ser jiġu diskussi mar-rappreżentanti tal-bdiewa u pitkala. Bl-operat ġdid fil-pitkalija l-ispejjeż għall-gvern m’ għandhomx ivarjaw minn dawk eżistenti għajr għal spejjeż ta' elettriku minħabba makni u cold storage.

EU — Biedja Lokali

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk id-dipartiment irċeviex talbiet uffiċjali mill-għaqdiet tal-bdiewa u tal-biedja f'Malta u Għawdex sabiex jiġu applikati s-salvagwardji tal-biedja lokali li skond il-gvern ġew negozjati ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru ma rċieva ebda talba uffiċjali mill-għaqdiet tal-bdiewa f’ Malta u Għawdex sabiex tiġi applikata l-klawżola ta’ salvagwardja.

Dipartiment tal-Biedja u Sajd — Impjegati Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali ġodda u ħaddiema ġodda li ngħataw impjieg mad-dipartiment tal-biedja u s-sajd lokali matul din is-sena? F'liema livell u grad, u kemm minnhom huma Maltin u kemm barranin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru mitlub jinnota li llum ma jeżistix aktar "Dipartiment tal-Biedja u s-Sajd" għaldaqstant nitolbu jispeċifika preċiżament għall-liema dipartiment/i qed jirreferi.

Għammieri — Farm Esperimentali - Produzzjoni Agrikola Organika

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm ta' esperimentazzjoni fuq produzzjoni agrikola organika ġie mħejji fil-farm esperimentali ta' l-Għammieri? Liema kienu l-varjetajiet u x'livell inkiseb?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-Farm ta' l-Għammieri saru żewġ esperimenti din is-sena, wieħed bit-tadam ċatt fis-serra, u l-iehor kien prova ta' paragun bejn it-tkabbir tal-qarabagħli b' metodi konvenzjonali u dawk b' metodi organiċi. Il-livell kien pożittiv.

Produzzjoni Agrikola Organika

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa u uffiċjali tad-dipartiment li matul l-ewwel disa' xhur tas-sena tħarrġu fuq il-produzzjoni agrikola organika? Kemm minnhom kienu Għawdxin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' bdiewa u uffiċċjali tad-Dipartiment li tħarrġu fuq il-produzzjoni agrikola organika kien ta' erbghin bidwi (fosthom 7 Għawdxin) u 7 uffiċċjali tal gvern.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown tas-safar tal-ministeru u ta' l-uffiċjali tad-dipartiment li sar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena separatament, biedja, sajd, żvilupp rurali u ambjent? Jista' jinformana wkoll bl-ispiża involuta għas-safar matul l-istess perjodu u kemm minnha tħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' Seduta oħra.

Ambjent — Għasafar/Ħlejjaq oħra

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema annimali, għasafar jew ħlejjaq oħra waqgħu taħt il-kustodja tad-dipartiment ta' l-ambjent din is-sena? X'tip kienu? Kemm minn dawn mietu, kemm intelqu wara li fiequ u x'sar mill-oħrajn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kelli l-opportunità nispjega lill-Onorevoli Membru, fir-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari tiegħu numru 5687, f’ Marzu ta’ l-2002 id-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent, sar Direttorat fi ħdan l-Awtorita' ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Kif ukoll, ġie spjegat dak inhar stess li, mill-1997, id-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent ma żamm u mhu qed iżomm l-ebda annimal ferut jew ikkonfiskat.

MEPA — Applikazzjonijiet għal Ċimiterji Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm talbiet quddiem il-MEPA biex isiru ċimiterji ġodda? Min huma l-applikanti? Meta saret l-applikazzjoni? F'liema lokalita'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond is-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar (MEPA), l-Awtorita' għandha quddiema applikazzjoni waħda għal ċimiterju ġdid. Din hi l-applikazzjoni PA 2407/04. Id-dettalji li qed jintalbu mill-Onor. Interpellant huwa aċċessibbli għall-pubbliku minn fuq il-website u għaldaqstant ma jidhirlix li għandi nagħti din l-informazzjoni.

MEPA — Estensjoni taċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk saritx talba għall-estensjoni taċ-ċimiterju ta' l-Addolorata u ċimiterji oħra quddiem il-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skond is-sistema ta' l-Informatika ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), l-Awtorita' għandha żewġ applikazzjonijiet pendenti għall-estensjoni taċ-ċimiterji, waħda minnhom għaċ-ċimiterju ta' l-Addolorata.

MEPA — Kuntratturi/scrapyards

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi jew scrapyards liċenzjati u li għandhom permess mill-MEPA biex iżommu għandhom vetturi abbandunati skond id-direttiva ta' l-end of life vehicles?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li għalkemm diġa hawn scrapyards illiċenzjati, sal-lum għad m' hemmx kuntratturi jew scrapyards li huma lliċenzjati mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għall-iskopijiet tad-direttiva ta' l-end of life vehicles.

MEPA — Proġett ta' artificial reefs

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għax-xogħol konness mal-proġett ta' l-artificial reefs li saru mill-MEPA, kif ukoll kemm kienu jammontaw dawn l-offerti? Jista' jgħid kemm ġie jiswa dan il-proġett u kif intagħżlet l-offerta għal dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proġett ta' l-artificial reef qed jitwettaq bi sħab bejn l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u l-Universita' ta' Malta. Dan il-proġett jikkomprendi ħames partijiet prinċipali. Għal kull parti, barra l-monitoraġġ li qed isir mill-Universita' ta' Malta, u li għalih qed isir re-imbursement ta' spejjeż mill-MEPA, inħarġet talba għall-offerti skond il-provvedimenti finanzjarji. Hawn taht qed nuri l-partijiet prinċipali tal-proġett, in-numru ta' offerti rċevuti mill-MEPA, il-kumpanija li ntgħażlet u r-rata / prezz maqbul. F' kull każ, kienet l-aktar offerta rħisa li ntgħażlet kif jidher hawn taħt: 1. Environmental Impact Assessment Offerti : i. LM 4, 283.40 Din l-offerta ġiet magħżula ii. LM 4, 830.00 iii. LM28, 750.00 2. Blokki tal-franka Offerti: i. LM29.50/blokk Din l-offerta ġiet magħżula 3. Blokki tal-konkos Offerti: i. LM59.00/blokk Din l-offerta ġiet magħżula ii. LM78.80/blokk iii. LM138.00/blokk iv. LM124.20/blokk 4. Dressing tal-blokki tal-franka Offerti: i. LM47.20/blokk Din l-offerta ġiet mgħażula ii. LM95.00/blokk iii. LM65.60/blokk 5. Deployment Offerti: i. . LM12 696.80 Din l-offerta ġiet mgħażula ii. LM14 950.00 iii. LM24 444.00 Barra re-imbursement ta' spejjeż lill-Universita' ta' Malta, s' issa tħallsu LM 26 881.89 fuq dan il-proġett.

MEPA — Applikazzjoni 4464/04

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' korrispondenza, min bagħatha u f'isem liema kumpannija fl-applikazzjoni 4464/04?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru huwa mitluba jinnota l-provvedimenti ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp dwar l-aċċess ta' informazzjoni mill-pubbliku.

Rural Development Plan

Question

Jista' il-Ministru jgħid huwiex minnu li qed tiġi esplorata l-possibbilta' ta' tripartite collaboration ma' l-Olanda u l-Israel fit-tħejjija tar-Rural Development Plan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li l-Gvern Malti ma jeskludi l-ebda kollaborazzjoni fil-qasam agrikolu ma' entitajiet oħra, wieħed irid jeżamina jekk din il-kollaborazzjoni tistgħax tiġi mplimentata fil-qafas tar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea.

Trobbija tat-Tjur tas-simna

Question

Jista' il-Ministru jgħid skond id-dipartiment kemm kien il-volum tat-trobbija tat-tjur tas-simna fl-ewwel disa' xhur tas-sena u cioe' għall-perjodu ta' bejn Jannar u Settembru? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Prezz tad-Dulliegħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju tad-dulliegħ xahar b'xahar matul din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mal-ammont minn Lulju 2002 lil hawn, wqieħed irid iżid ukoll is-sussidju li jagħti l-gvern fuq id-dulliegħ biex jifhem aħjar id-dħul reali li jieħu l-bidwi Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Prezz tal-Patata

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju tal-patata xahar b'xahar matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mal-ammont minn Lulju 2002 lil hawn, wieħed irid iżid ukoll is-sussidju li jagħti l-gvern fuq il-patata biex jifhem aħjar id-dħul reali li jieħu l-bidwi Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Dipartiment ta' l-Istatistika — Pitkala

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'mekkaniżmu ta' verifika juża d-dipartiment sabiex jassigura li l-informazzjoni li tintbagħat lid-dipartiment ta' l-istatistika dwar il-biegħa dikjarata mill-pitkala fil-pitkalija ċentrali tkun iddaħħlet verament? Jista' jgħid min huma l-uffiċjali li jivverifikaw dan il-mekkaniżmu u x'sistema jużaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għandu skrivani li jirrikordjaw il-biegħa tal-pitkala u ssir rikonċiljazzjoni (verifika) sa erbgħa u għoxrin siegħa wara.

Prezz tat-Tadam

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju tat-tadam xahar b'xahar matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Jista' il-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mal-ammont minn Lulju 2002 lil hawn, wieħed irid iżid ukoll is-sussidju li jagħti l-gvern fuq t-tadam biex jifhem aħjar id-dħul reali li jieħu l-bidwi Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.