Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Soċjeta' La Stella

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 12668, ladarba l-Ministru jaf li hemm substation u hemm cable, jista' jgħid għaliex l-istess cable ma ġiex attwat jew komunikat? X'inhu jżomm li jsir dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12164 u cioe'jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fid-dipartimenti, aġenziji u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu tul is-sena 2004 sal-lum? Minn fejn ġew impjegati, x'kien il-grad u kif saret is-sejħa għall-impjieg?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Interprint — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li sa din il-ġimgħa stess il-ħaddiema ta' l-Interprint qed jagħmlu l-overtime u li din il-ġimgħa stess ġew aċċettati ordnijiet ġodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-overtime inħadem biex jintlaħqu d-deadlines miftiehma mal-klijenti. L-ordnijiet ġodda li ġew aċċettati dan l-aħħar huma riżultat ta' negozjati li kienu laħqu nbdew qabel ma ttieħdet d-deċizjoni ta' l-għeluq tal-kumpanija.

Interprint

Question

Peress li tħabbar li l-kumpannija Interprint issa se tagħlaq, jista' il-Ministru jgħid: a) jekk sarux tentattivi sabiex flok tagħlaq tinbiegħ? b) jekk fl-affermattiv, b'liema mod sar dan it-tentattiv? Kien hemm min hu nteressat?

Response (GATT, AUSTIN)

Iva sar tentattiv biex l-Interprint tinbiegħ. Dan sar bi proċess sħiħ u kien inħareġ Request for Proposal li kien ġie ċirkulat lill madwar 30 kumpanija kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta. Sa meta għalaq iż-żmien li fih kellhom jintbgħatu l-proposti l-ebda proposta jew offerta ma ġiet sottomessa.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif qed isir l-updating tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-pensjonanti u persuni oħra li qed jintbagħtu kull xahrejn? Dawk li għandhom il-lukandi u l-fabbriki qed jiġu trattati bl-istess kriterju bħal ħaddiema ż-żgħar u l-pensjonanti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kontijiet għas-settur domestiku qed jintbgħatu kull xahrejn. Għalhekk matul is-sena jintbgħatu sitt kontijiet: erbgħa fuq stima u tnejn fuq qari attwali. Din is-sistema tippermetti lill-konsumaturi li jkunu jistgħu jqassmu u jippjanaw aħjar il-finanzi tagħhom. Lukandi u fabbriku qed jiġu trattati b'mod differenti, dan għaliex qed jintbgħatulhom kont attwali kull xahar.

Freeport — Soċjetajiet barranin

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra liema huma s-soċjetajiet barranin li qabel kienu jagħmlu użu mis-servizzi li jagħti l-freeport u li ma baqgħux jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fl-aħħar tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Kont tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12944 u jgħid b'riferenza għall-kontijiet tad-dawl tal-familja ta' żewġ persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament fis-sens li minkejja li ilhom li pproduċew evidenza dokumentata li ilhom miżżewġin mis-sena 1983, in-numru ta' residenti tal-kontijiet li rċevew dejjem baqgħu jidhru bħala resident wieħed, jista' il-Ministru jara li jsir l-aġġustament xieraq u nitlob illi jekk kien hemm overcharging jingħata refund adegwat lil din il-familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li s-sussidju tal-Gvern għad-dawl ibbażat fuq in-numru ta' persuni beda jseħħ fis-sena 1987 filwaqt li dak li jirrigwardja l-ilma, fis-sena 1994. Għaldaqstant, in-numru ta' residenti fid-dar msemmija fl-interpellanza ma kellu ebda effett fuq il-kontijiet li ħarġu qabel dawn id-dati. In-numru ta' persuni li fuqu jkun qiegħed jinħadem il-kont, jiġi ndikat fuq l-istess kont. Il-konsumatur qatt qabel it-30 ta' Mejju 2005 ma talab jew avża lill-Korporazzjoni għal xi tibdil f'dan ir-rigward. Skond ir-regolamenti taż-żewġ Korporazzjonijiet, il-konsumatur għandu dritt għal reviżjoni ta' l-aħħar kont li jkun ħareġ sa dak inhar li ressaq id-dikjarazzjoni tiegħu. Għalhekk il-kont mill-31 ta' Diċembru 2004 sat-13 ta' April 2005 ħa jiġi rivedut fuq żewġ persuni.

Użu ta' software open source

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12939 u jgħid li qabel l-elezzjoni ta' l-2003 ic-CEO tal-MITTS kienx stqarr li l-MITTS kellha d-dover li tirriċerka l-possibbilta' li s-settur pubbliku kollu jibda juża software open source minflok Microsoft? Fil-fatt kien sar xi studju dwar dan u jekk iva, tista' tippubblikah? X'inhi r-raġuni li sal-lum l-MITI donnu ma jridx jikkonsidra open source minflok is-sistemi alternattivi wżati? Kemm qed jonfoq il-gvern f'liċenzjoni tal-Microsoft?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-MITTS kienet, għadha u ser tibqa' tagħmel riċerka kontinwa dwar l-użu ta' l-Open Source. Fil-fatt il-politika mħaddna mill-Ministeru hija li d-deċizjoni dwar il-platforms li għandhom jintużaw trid tkun: (a) waħda strateġika; (b) mifruxa fuq medda ta' żmien u mhux bi bdil kull sena; (c) tkun ibbażata fuq it-Total Cost of Ownership li dik il-platform tkun iġġib magħha u mhux biss fuq il-prezz (prima facie) tal-liċenzja. F'dan il-kuntest, għalkemm jiena nfurmat li l-MITTS la qatt għamlet stqarrijiet tat-tip li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant jew għamlet xi studju speċifiku b'konkluzjonijiet speċifici, il-Gvern qiegħed josserva mill-qrib dak li qed jiġri fil-qasam ta' l-Open Source biex meta jkun il-waqt jibda jieħu l-vantaggi tiegħu hu wkoll. Fil-fatt illum il-Gvern diġa beda jħaddan din il-politika. Illum il-MITTS għandha numru ta' servers li jaħdmu fuq il-Red Hat Linux - li huwa prodott Open Source - liema deċiżjonijiet saru minħabba li kienu jagħmlu sens finanzjarju. Il-Gvern qiegħed ukoll jipparteċipa f'diversi fora ewropej fejn jiġu diskussi dawn l-iżvillupi biex b'hekk il-linja politika tal-Gvern tieħu l-perspettiva ewropeja fil-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni tiegħu. Meta l-Gvern ħa d-decizjoni li jidhol fi ftehim mal-Microsoft fuq il-licenzji tad-desktop, dan sar wara li sar cost-benefit assessment mill-Ministeru u l-MITTS. Ghalkemm id-dettalji tal-kuntratt huma ta' natura kunfidenzjali, nista nikkonferma li l-mod kif gie nnegozzjat dan il-ftehim fisser ffrankar ta' miljuni ta' liri għall-Gvern, partikolarment minn mindu nbidel ir-reġim tal-liċenzjar tas-software mill-1 ta' Mejju 2004. L-ispiza diretta għal-Gvern għal-liċenzji tal-Microsoft fis-Settur Pubbliku hija mnizzla fl-estimi tas-sena 2005, taħt il-vot tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Limiti taċ-Ċumnija — Impjant tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li biex jgħaddu xi mini li jieħdu lejn l-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ fiċ-Ċumnija, limiti tal-Mellieħa, jittieħed raba' saqwi fil-Manikata? Mnejn se jgħaddu dawn il-mini? Jista' iqiegħed pjanta ta' l-inħawi milquta fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li ma hemm ebda ħsieb ta' mini fl-inħawi tal-Manikata li jwasslu għall-imsemmi impjant.

Interprint — Diretturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi ta' l-Interprint? Jista' jgħid x'inhuma l-benefiċċji li għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Id-Diretturi tal-Interprint huma: Alfred Mallia-Milanes (Chairman) LM5000 pa Berta Sullivan LM 900 pa Claudia Taylor East LM 900 pa Robert Vella LM 900 pa Dennis Zammit LM 900 pa

Żurrieq — Bozza fi Triq Napuljun

Question

Jista' il-Ministru joħroġ dawk l-istruzzjonijiet neċessarji, wara li fallew it-tentattivi l-oħra kollha, sabiex titwaħħal bozza fi Triq Napuljun, fiż-Żurrieq anke mal-faċċata tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Bid-devoluzzjoni ta' l-istreet lighting lill-Kunsilli Lokali, r-risponsabilita' ta' twaħħil ta' bozoz ġodda għaddiet f'idejn il-Kunsill Lokali.

Air Malta — Ġurnali lokali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jarax li kienet politika short sighted dik meħuda mill-kumpannija Air Malta li taqta' is-servizz tal-ġurnali lokali fl-economy class tat-titjiriet tagħha? Ma jaħsibx li eżerċizzji ta' cost cutting qatt m'għandhom isiru minn dawk li huma customer services?

Response (GATT, AUSTIN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li l-kumpanija ħadet ħafna miżuri biex tnaqqas l-ispejjeż tagħha. Fost dawn ittieħdet deċiżjoni li ma jingħatawx gażżetti fl-'economy section' u b'hekk ġew frankati eluf ta' liri fis-sena. Ovvjament il-kumpanija ma ħaditx gost li naqset is-servizz lill-klijenti tagħha iżda taħt iċ-ċirkustanzi preżenti ħasset li dan it-tnaqqis fl-ispejjeż, flimkien mal-miżuri l-oħra li ttieħdu, huma neċessarji. Il-kumpanija dejjem tirrevedi dawn il-miżuri, u tkun lesta li tibdilhom meta jinbidlu ċ-ċirkustanzi.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Diretturi u chairpersons

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.