Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-persuna li d-dettalji tiegħu qed ngħaddi separatament qed jallega li kien f' scale13 u mhux 14 qabel ma ħareġ bil-pensjoni, x' se jiġri f' dan il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għadx hemm pensjonanti ex ħaddiema tal-Gvern jew ir-romol tagħhom, ex ħaddiema tal-privat li l-pensjoni tagħhom marbut ma' l-iskali tas-salarji tal-Gvern li sa' llum għad ma saritilhomx ir-reviżjoni tal-pensjoni skond il-ftehim kollettiv il-ġdid? Jekk iva kemm fadal? Għaliex għadhom ma ħadux ir-reviżjoni? Meta dan se jsir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond kif jien infurmat mid-Dipartiment konċernat, minn madwar 19,000 pensjonant ex-ħaddiema tal-Gvern, jew li l-pensjoni tagħhom skond il-provedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) hi analogata ma' salarji tal-Gvern, 120 każ biss għadhom pendenti għal xi raġuni jew oħra. Dawn il-każijiet qed jiġu nvestigati biex issir reviżjoni u kif jitlestew ir-reviżjonijiet il-persuni kkonċernati jiġu nfurmati minnufih.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-pensjoni li qegħda tingħata lill-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament hi koretta peress li mill-ammont ta' din il-pensjoni qiegħed jiġi mnaqqas ammont ekwivalenti għall-pensjoni li l-istess persuna jieħu mill-Awstralja, imma liema somma suppost għandha tvarja skond it-tibdil fir-rata tal-kanbju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jirriżultax li lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed jitnaqsilha mill-pensjoni Maltija l-ammont ekwivalenti għall-pensjoni li qed tirċievi mill-Awstralja mingħajr tibdil fir-rata tal-kambju. Il-persuna ndikata ġiet infurmata dwar il-każ.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x' konsiderazzjoni qiegħed jingħata l-każ ta' housing soċjali tal-familja li d-dettalji tagħha qed jidhru b' mod kunfidenzjali u separatament, u li qed jgħixu f' kamra waħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat flimkien ma oħrajn simili li għandu pendenti quddiemu d-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali.

Parking Bay

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' applikazzjoni għall-parking bay għall-persuna b' diżabilita' li l-partikularijiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija, peress li din il-persuna tinħtieġ dan l-ispazju b' mod urgenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna kkonċernata għada m'applikatx għas-Servizz tar-Reserved Parking. L-istess persuna applikat biss għall-Karta ta' l-Identita" Speċjali u għall-Blue Sticker. L-applikazzjonijiet kemm il-Blue Sticker u kemm il-Karta ta' l-Identita' Speċjali preżentement qed jiġu ivvettjati mill-konsulent mediku tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' possibilita' hemm li l-persuna anzjana li isimha jidher taħt seperate cover tingħata akkomodazzjoni alternattiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna għadha kemm applikat dan ix-xahar stess u trid post fil-pjan terran fil-Belt. Din l-applikazzjoni qed tingħata l-attenzjoni kollha fid-dawl tal-bżonnijiet pendenti li għandu quddiemu d-dipartiment ikkonċernat.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha jidher taħt separate cover ser isirulha t-tiswijiet tant neċessarji fil-fond tagħha peress li din il-persuna tgħix f' periklu kontinwu, għandha s-saqaf ser jaqa', jidħlilha l-ilma kull meta tagħmel ix-xita u għandha ħsarat oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultax li hemm talba pendenti għat-tiswijiet f'dan il-fond. Għalhekk għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija għall-azzjoni meħtieġa.

Kera

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga u jara għaliex il-kera tal-persuna indikata taħt separate cover għadha ma ġietx ri-stabbilita minħabba l-bdil fiċ-ċirkostanzi partikolari u dan nonostante li għaddew kważi seba' xhur? Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijet sabiex il-kwistjoni tiġi mħaffa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Direttur ġia ta direttivi biex f'Jannar li ġej jiġi rivedut is-sussidju tal-kera. Dan irid jinħadem fuq id-dħul matul is-sena ta' qabel u għalhekk jekk jinħadem issa ikun fuq id-dħul matul is-sena 2000 meta r-raġel kien għadu ħaj.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha jidher taħt separate cover m' hi qed tirċievi l-ebda pensjoni ħlief Lm10 fix-xahar meta din il-persuna tgħix f' kamra bla dawl, bla ilma, bla telefon u f' kundizzjonijiet sanitarji inumani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ.

Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li nstab qed jaħdem ma' car wash, fid-19 ta' Ottubru u nqata' minn fuq ir-reġistru tan-nies qgħeda, peress li jirriżulta li l-persuna daħlet taħdem full-time mal-ħanut imsemmi fil-15 ta' Ottubru, wara li wieġeb għal sejħa fil-gazzetti, is-sid tal-post insista li jħaddmu għal ġimgħa bla ktieb tax-xogħol ''bi prova'', u wara li ġew l-ispetturi tal-Labour Office, irrifjuta li jħaddmu? Ma jidhirlekx li qed jitwettaq inġustizja ma' din il-persuna li tibqa' maqtugħa mir-reġistru fiċ-ċirkostanzi msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, l-ispezzjoni mill-ispetturi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ġiet esegwita nhar il-Ġimgħa 19 ta' Ottubru 2001 fis-sebgħa nieqes kwart ta' fil-għaxija. Ir-raġuni għaliex is-Sur Borg ġie maqtugħ mir-reġistru ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol, hija propju għax instab jaħdem waqt li kien qed jirreġistra għax-xogħol. Kontra sid il-post tax-xogħol sejrin jittieħdu dawk il-proċeduri kollha kontemplati mill-liġi fir-rigward ta' dawk is-sidien tan-negozji li jonqsu li jimlew il-formola ta' bidu ta' mpjieg tal-ħaddiema tagħhom kif huma obbligati li jagħmlu skond l-istess liġi. Dwar l-aħħar parti tad-domanda nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata tista' tressaq appell quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol fi żmien ħmistax minn mindu nqagħtat mir-reġistru.

Bordijiet u Kummisjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28507, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li huma anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 sena u 'l fuq minn 46 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fejn jirrigwarda d-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Casino Di Venezia — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Casino Di Venezia li hemm fi Skans Palace il-Birgu? Jista' jgħid kemm minnhom huma mill-Cottonera? Jista' jgħid jekk dawn kienux jirreġistraw għax-xogħol qabel ġew impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Settembru 2001 kien hemm 97 persuna mpjegata mal-Casino di Venezia, li minnhom 11 huma mill-Kottonera. 3 minn dawn il-11 kienu jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru.

Auto Mechanics

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li qed isegwi l-apprendistat ESTs, jiġi żgurat mill-ETC, li l-esperjenza ta' xogħol tkun marbuta mal-auto mechanics u mhux jitqabbad mill-isponsor (Ballut Block) jagħmel xogħol mhux relatat bħal dak ta' tqegħid tal-ġelatina fil-barrieri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ iżuru perjodikament l-apprendisti, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll l-iskola biex jiġi aċċertat li t-tagħlim u x-xogħol jkunu relatati mal-course li jkunu qed isegwu. Fil-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, dawn iż-żjajjar saru wkoll iżda din qatt ma ġibdet l-attenzjoni tal-Korporazzjoni li qed tingħata xogħol ta' tqegħid ta' ġelatina fil-barrieri. Ninsab infurmat ukoll li, madankollu, l-Korporazzjoni ħadet nota ta' dan l-ilment u ser tieħu passi beix tinvestiga l-każ.

Office Skills u Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' korsijiet fl-oqsma ta' l-office skills u computers organizzati mill-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ jistgħu jattendu għalihom u jipparteċipaw fihom żgħażagħ bid-Dyslexia u li ma jkunx kisbu rekwiżiti fl-eżamijiet SEC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-korsijiet fl-oqsma ta' l-office skills u computers organiżżati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li jistgħu jattendu għalihom u jipparteċipaw fihom żgħażagħ bid-Dyslexia kif ukoll dawk li ma jkunux kisbu rekwiżiti fl-eżamijiet SEC huma: Computer courses li jinkludu office packages u l-one day Computer Course, kif ukoll typing, storekeeping u retailing.