Legislature:
Category:
Reset
Active:

NSO — Turisti

Question

Jista' il-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 15387 u jgħid: Peress li jekk wieħed jara l-istatistika ta' kemm kellna turisti f'Settembru 2005 isib differenza bejn dak li jgħid l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u dak li jgħid l-ajruport internazzjonali ta' Malta, l-MIA, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għal dan u kif l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika jispjega dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ħlas lid-depożitanti tal-BICAL

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-aħħar żviluppi fil-ħlas lid-depożitanti tal-BICAL?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Kontrollur ma jħossx li fl-istadju li waslu l-affarijiet tal-B.I.C.A.L. ikun għaqli li jkun hemm distribuzzjonijiet iżjed parzjali. Sa issa il-Kontrollur ħallas lura tmenin fil-mija mill-kapital oriġinali tad-depositi. Għalhekk ikun aħjar li issa jkun hemm likwidazzjoni u distribuzzjoni finali.

Proprjeta' mikrija mill-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformana kemm kienet iċ-ċifra ta' flus li l-gvern ħallas għall-kirjiet ta' proprjeta' mikrija mill-gvern stess matul din is-sena? Kemm fil-fatt hija ċ-ċifra totali li għad trid titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tal-VAT — Multi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' multi li nħarġu mid-dipartiment tal-VAT matul din is-sena? Kemm minnhom tħallsu u kemm hija ċ-ċifra fi flus li d-dipartiment daħħal minn dawn il-multi? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar tliet snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

Taxxi Interni — VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ċittadini li fil-preżent qed joġġezzjonaw iċ-ċitazzjonijiet li rċevew mid-dipartiment tat-taxxa tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li meta persuna tirċievi ċitazzjoni biex tidher il-Qorti fil-ġurnata tas-smiegħ tista’ tagħżel li tammetti l-akkuża jew li tikkontesta l-akkuża. Għaldaqstant, id-Dipartiment mhux f’pożizzjoni li jkun jaf bil-quddiem kif persuna ser twieġeb fil-ġurnata tas-smiegħ quddiem il-Qorti.

Ftehim Kollettiv

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-ftehim kollettiv tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li hu diffiċli li wieħed jagħmel stimi preċiżi tal-Ftehim Kollettiv b’mod realistiku fuq perjodu ta’ 6 snin minħabba l-policy tal-Gvern li ma jissostitwix il-ħaddiema li jispiċċaw minn-numru ta’ gradi fis-Servizz Pubbliku. Dan kien evidenti din is-sena, tant li waqt li ż-żieda skond il-Ftehim Kollettiv, u li tinkludi l-kumpens għall-għoli tal-ħajja, ser tkun ta’ Lm 4,070,000, iż-żieda tas-salarji tas-Servizz Pubbliku mill-2004 ser tkun biss ta’ Lm2,506,000. Il-Pjan tal-Gvern hu li jkompli jikkontrolla t-tkabbir fin-nefqa tiegħu fil-pagi fuq il-perjodu msemmi u għalhekk parti sostanzjali miż-żidiet mogħtija ser ikunu assorbiti kif ġara din is-sena. Għas-sena 2006, iż-żieda skond il-ftehim kollettiv ser tkun ta’ Lm3,501,000, li tinkludi iż-żieda għall-għoli tal-ħajja u l-increments. Għar-raġunijiet diġa’ msemmija, in-nefqa f’salarji fl-2006 ser tiżdied biss b’Lm1,846,000 mill-2005. Għas-sena 2007 iż-żieda skond il-Ftehim Kollettiv ser tkun ta’ Lm 4,499,000, li tinkludi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u l-increments. Għar-raġunijiet diġa’ msemmija, in-nefqa f’salarji fl-2007 hi mistennija li tiżdied biss b’Lm 3,657,000 mill-2006. Huwa premature li wieħed jagħmel stimi għas-snin sussegwenti billi dawn jinbnew fuq l-iżviluppi u ċaqlieq li jistgħu jiġru fis-sentejn li ġejjin. Filwaqt li l-impjegati fis-Servizz Pubbliku ngħataw żidied xierqa, fl-istess waqt il-Gvern ħa ħsieb li jara li n-nefqa globali f’salarji tibqa waħda li tirrifletti dak li jippermettu l-finanzi tal-pajjiż.

Dħul għall-Gvern

Question

Il-Prim Ministru kif jispjega l-fatt li l-gvern waqa' lura mid-dħul ipproġettat f'dik li hi bolla, dħul minn dazji u sisa kif ukoll minn liċenzji, taxxi u multi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-istimi oriġinali għal din is-sena kienu saru abbażi ta’ l-istimi reveduti għas-sena 2004. Il-varjazzjoni li rriżulta fid-dħul attwali fis-sena li għaddiet hi riflessa fil-varjazzjoni bejn l-istimi oriġinali u dawk riveduti għal din is-sena.

EU

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar id-diskussjonijiet li jinsabu għaddejjin fil-Kummissjoni Ewropea biex mill-figuri tad-deficit jiġu esklużi miżuri eċċezzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li Malta taqbel li d-diskussjoni dwar dawk il-miżuri li għandhom jitqiesu bħala “miżuri eċċezzjonali’ fil-kuntest tal-proċess ta’ sorveljanza fiskali għanha ssir fuq il-mertu ta’ kull każ partikolari. Dan għaliex l-ekonomiji ta’ l-istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom karatteristiċi uniċi li kultant ikunu jirrikjedu kunsiderazzjonijiet differenzjati. Fl-istess waqt, Malta ssostni li din id-diskussjoni għandha ssir f’parametri li jirrispettaw il-ħtieġa ta’ trattament ugwali għall-istati membri kollha.

EU — Fondi

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid liema kienu dawk l-entijew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li f’rigward l-Uffiċċju tiegħi, din is-sena l-Forzi Armati ta’ Malta applikaw għall-fondi mill-programm tat-Transition Facility għall-2005. Din l-applikazzjoni kienet tikkonsisti f’talba biex jiġi ko-finanzjat ix-xiri ta’ sistema msejħa Forward Looking Infra-Red (FLIR). Din l-applikazzjoni ma ġietx approvata mill-Kummissjoni Ewropeja peress li ma kenitx taqa’ fil-parametri ta’ dan il-fond partikolari. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi, l-informazzjoni mitluba sa Settembru 2005 tinsab fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni boarded out

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm persuni ġew boarded out matul is-snin 2002, 2003, 2004 u 2005 f'Malta u Għawdex u mil-liema lokalita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Tqassim ta' flus mill-Community Chest Fund

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tqassmu flus mill-Community Chest Fund matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Fishfarms — Ħlas ta' taxxi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm idaħħal flus il-gvern mit-taxxi li jiġbor mill-fishfarms li hawn joperaw f'Malta? Jista' jgħid ukoll kemm ħallsu VAT fis-snin 2003 u 2004 u sa Settembru, 2005 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Kapital fiss gross

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kapital fiss gross ġie fformat f'Għawdex mill-1999 'il hawn sena sena fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti ta' l-1999 u ta' l-2000? Minn xiex kien magħmul dan il-kapital u kemm kien il-valur ta' kull component, eżempju kostruzzjoni ta' djar, kostruzzjoni ta' fabbriki, ta' uffiċini u ta' strutturi oħra, makkinarju u apparat eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Kapital Fiss Gross (GFCF) jinġabar għall-pajjiż kollu u mhux maqsum bejn Malta u Għawdex. Huwa diffiċli ħafna li dan isir għaliex xi kumpaniji privati li jinvestu f’bini u f’makkinarju ma jispeċifikawx fir-rapporti finanzjarji tagħhom jekk dan l-investiment kienx Malta jew Għawdex, u mhux neċessarjament li kumpaniji Maltin jinvestu f’Malta biss u kumpaniji Għawdxin jinvestu f’Għawdex biss. Jista’ jkun ukoll li l-kumpaniji, minħabba l-kunfidenzjalita’ jew biex ma jagħtux informazzjoni lill-kompetituri tagħhom, ma jkunux f’pożizzjoni li jiżvelaw dan id-dettal.

AFM — Suldati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt hu n-numru ta' suldati fl-armata fil-preżent? Kemm kien sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li n-numru ta’ suldati, inklużi uffiċjali, fil-Forzi Armati ta’ Malta fil-31 ta’ Ottubru 2005 kien 1592. In-numru f’dawn l-aħħar ħames snin kien hekk: Sena Nr ta’ Suldati, inklużi uffiċjali 2000 1654 2001 1601 2002 1594 2003 1684 2004 1620 Tajjeb wieħed isemmi li bħalissa għaddejin żewġ eżerċizzji għal reklutaġġ ta’: 1. Uffiċjali kadetti (fizzjali) 2. Gunners (rekluti ġodda)

AFM — Ingaġġ ta' suldati

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformani meta hu maħsub li jkun hemm ingaġġ ieħor fl-armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li wara sejħiet għall-applikazzjonijiet li ħarġu f’Awissu u f’Settembru li għadda, l-Armata mistennija li fix-xhur li ġejjin tingaġġa numru ta’ Uffiċjali Kadetti kif ukoll numru ta’ “Gunners”.

NSO — Turisti

Question

Peress li jekk wieħed jara l-istatistika ta' kemm kellna turisti f'Settembru 2005 isib differenza bejn dak li jgħid l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u dak li jgħid l-ajruport internazzjonali ta' Malta, l-MIA, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għal dan u kif l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika jispjega dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Art f'Ta' Qali

Question

Jista' il-Prim Ministru jirtira d-deċiżjoni tal-gvern li art għammiela u produttiva għall-biedja f'Ta' Qali ma tinqeridx biex issir xi forma ta' żvilupp ta' ċentru tal-klieb? Billi r-raba' tipprovdi provvista ta' ikel u xorb għall-bniedem u għat-tjur u l-bhejjem, jista' il-Prim Ministru jirrispetta l-fatt li d-deċiżjoni hija waħda ħażina u għaldaqstant jintuża bini ieħor flok tinqered ir-raba' in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Gżira Għawdxija

Question

Jista' jekk jogħġbu l-Prim Ministru jgħidli jekk Għawdex hux se jkollu flus allokati speċifikament għalih b'rabta ma' l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tiegħu bħala reġjun distint mill-fondi strutturali u l-fond ta' koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni għas-snin 2007-2013 bħalma għandu taħt il-perjodu ta' programmazzjoni attwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koezjoni 2007-2013 għadu għaddej u għalhekk għadu kmieni wisq biex tingħata risposta.