Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16848 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Sptar Monte Carmeli — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titwettaq il-wegħda tiegħu li mal-priġunieri li għal xi raġuni jkunu rikoverati fl-Isptar Monte Carmeli jkun hemm gwardjani tal-Ħabs u mhux pulizija għassa magħhom?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant għandu japprezza li għal snin twal, ma` kull priġunier f`Monte Carmeli kienu ikun hemm 'detailed' pulizija. Din is-sistema issa ġiet riveduta biex ikun hemm 3 pulizija - irrispettivament minn numru ta` priġunieri - u membru tal-SRT tal-ħabs. It-tieni pass ser ikun li hekk kif jidħlu l-gwardjani ġodda wieħed ikun f`pożizzjoni, skond ir-riżultati, jaħseb biex jara jekk ser ikunx hemm gwardjani biżżejjed biex iwettqu d-diversi xogħlijiet meħtieġa mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi, inkluż dak li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #16941 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha vetturi l-Planning Authority? X'tip huma, min jużahom, kemm swew biex inxtraw waħda waħda u meta nxtraw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub dwar il-vetturi li għandha l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hu kif ġej : Mudell Min jużahom Valur Meta nxtraw (Lm) Renault 19 General Duties 8,200 1993 Chairman`s Office Opel Astra Direttur ta` l-Ippjanar 7,782 1994 Suzuki Van Mapping Unit 3,385 1998 Suzuki Jimmy Environmental Management 6,203 1999 Unit Alfa 156 Chairman 12,225 1999 Ninsab infurmat ukoll li minbarra l-vetturi msemmija hawn fuq, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tagħmel użu minn 38 vettura b`kuntratt ta` 'leasing' u 'hire'.
Leg 9 PQ #16942 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm ingħataw din is-sena u kemm hawn persuni li għandhom ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija b`reġistrazzjoni jew b`naturalizzazzjoni, sena b`sena, mill-1 ta` Jannar 1995 sal-15 ta` Ġunju 2000, huwa kif jidher hawn taħt: Sena B`reġistrazzjoni B`naturalizzazzjoni ---- ---------------- ------------------- 1995 145 132 1996 158 160 1997 111 128 1998 111 110 1999 79 54 2000 170 22 Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant għall-fatt li dawk il-persuni kollha li fil-21 ta` Settembru 1964 jew meta twieldu saru ċittadini ta` Malta, kienu tilfu ċ-ċittadinanza Maltija u għexu għal ta` l-inqas sitt snin barra minn Malta, llum reġgħu akkwistaw awtomatikament iċ-ċittadinanza Maltija u jikkwalifikaw biex ikunu jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi, jiġifieri dik Maltija u l-oħra barranija. Huwa stmat li hemm eluf ta` persuni li jikkwalifikaw għal dan id-dritt, iżda n-numru preċiż mhux magħruf. F`dan ir-rigward ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates huwa li jikkonferma, meta ssirlu talba, li l-persuna konċernata tista` żżomm żewġ ċittadinanzi: dik Maltija u l-oħra barranija. Mill-ewwel ta` Awissu 1989, jiġifieri meta daħlet fis-seħħ il-liġi dwar iċ-ċittadinanza doppja, sal-lum ġie kkonfermat lil 6,285 (585 minnhom din is-sena) li jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi: dik Maltija u l-oħra barranija.
Leg 9 PQ #16943 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex persuni jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija u minn liema pajjiż huma dawk li applikaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates għandu 683 applikazzjoni pendenti sabiex persuni jiġu reġistrati/naturalizzati bħala ċittadini ta` Malta. Il-persuni konċernati ġejjin mill-pajjiżi kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16944 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Passaporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' persuni li tilfu l-passaport waqt li għadu validu sena b'sena tul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta persuna titlef il-passaport tagħha, hija tiġi mitluba biex tikkonferma dan il-fatt taħt ġurament. Il-formola tal-ġurament imbagħad titqiegħed ma` l-applikazzjoni ta` l-istess persuna u tintrefa`. Għalhekk, biex tingħata l-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant ikun meħtieġ li jiġu maqlugħa u eżaminati l-applikazzjonijiet għall-passaporti li saru fis-snin li qed jirreferi għlihom l-Onor. Interpellant. Dan ifisser li jridu jiġu manwalment eżaminati total ta` 106,507 applikazzjoni għall-passaporti li ħarġu bejn l-1 ta` Jannar 1995 sa l-aħħar tal-31 ta` Diċembru 1999, proċess li jinħtieġ ħafna żmien u ħafna riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta` dan iż-żmien u riżorsi biex tinġabar l-informazzjoni mitluba hu ġustifikat.
Leg 9 PQ #16961 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Parties - Droga

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16666, jista' l-Ministru jirrispondi rigward il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 u llum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u t-13 ta` Ġunju 2000, il-Pulizija ma kelliex rapport ta` overdose f`parties li jirrikjedu permess skond il-liġi sabiex isiru.
Leg 9 PQ #16962 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ksur ta' regoli tal-kaċċa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16679, jista' l-Ministru jirrispondi rigward lil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 u llum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-13 ta` Ġunju 2000, il-Pulizija qabdet 126 persuna bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riżervi Naturali) u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Minn dawn, 29 persuna kellhom il-każ tagħhom deċiż quddiem il-Qorti, li minnhom 19 weħlu multa, 9 kienu liberati, 1 weħel sentenza sospiża, filwaqt li l-każi l-oħra għad m`humiex deċiżi.
Leg 9 PQ #16984 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Impediment

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha qed jidher separatament, hija projbita milli tidħol Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija suġġett ta` Ordni ta` Tneħħija maħruġ mill-Qorti wara li kienet ġiet misjuba ħatja ta` reat. Ninsab infurmat ukoll li l-Onor. Interpellant kien ġie nfurmat b`dan mill-Pulizija.
Leg 9 PQ #17041 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Santa Luċia — Triq il-Prinjoli

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li titneħħa l-fixed point li tħalliet ma' Flats Indipendenza fi Triq il-Prinjoli, Santa Lucia wara li seħħ il-qtil doppju f'dan il-post? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li dan jitneħħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fixed point li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tkun tista` titneħħa hekk kif ma jkunx hemm aktar ħtieġa tagħha.
Leg 9 PQ #16890 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Ħabsin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarbu ħabsin mill-CCF fis-sena 1999 sal-lum? Ta' liema nazzjonalita' kienu? Kemm dam maħrub kull wieħed minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta` Jannar 1999, sal-15 ta` Ġunju 2000, kien hemm tlett okkażżjonijiet ta` ħrib mill-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin jew postijiet oħra korrettivi u dawn seħħew kif ġej : - * Fis-7 ta` Frar 2000 ħarbu żewġ priġunieri Maltin mis-S.A.T.U. li damu biex inqabdu madwar 110 siegħa. * Fid-29 ta` Marzu 2000 ħarbu erba` priġunieri - Tuneżin, żewġ Libjani u Malti. It-tlett stranġieri inqabdu wara 38 siegħa filwaqt li l-Malti inqabad wara madwar 40 siegħa. * Fis-7 ta` Ġunju 2000 ħarbu tlett priġunieri - Libjan u żewġ Maltin. Dawn damu biex inqabdu madwar 63 siegħa.
Leg 9 PQ #16932 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarbu priġunieri mill-ħabs jew postijiet oħra korrettivi, mill-1987 'il hawn? Kemm kienu dawk Maltin u kemm kienu dawk barranin? Kemm kienu dawk li nqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1987 `il hawn in-numru ta` priġunieri li ħarbu mill-ħabs jew postijiet oħra korrettivi hu ta` 38. Dawn kienu jikkonsistu fi 23 Malti u 15-il-barrani u nqabdu kollha.
Leg 9 PQ #16959 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat diversi drabi biex tingħata l-liċenzja tas-senter u qatt ma ġiet kunsidrata mill-Kummissarju tal-Pulizija u dan peress li fl-1998 kienet weħlet 3 u nofs ħabs meta fiċ-ċirkostanzi llum din tinsab riformata u għalhekk għandha tiġi kunsidrata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għamel żewġ applikazzjonijiet sabiex ikun jista` jġorr senter. Waħda fl-1997 u l-oħra fl-1998. It-tnejn ġew ikkunsidrati iżda ġew irrifjutati minħabba l-kondotta ta` l-applikant li fost affarijiet oħra, kien involut f`serq bi swat ta` żewġ anzjani. Infurmat ukoll li fiż-żewġ okkażżjonijiet l-applikant kien infurmat li t-talba tiegħu ma tistax tkun milqugħa. Saħansitra ġie mogħti spjegazzjoni xi xhur ilu tramite l-avukat tiegħu. Jekk din il-persuna ma taqbilx mad-deċiżjoni meħuda mill-Pulizija, dejjem tista` tirrikorri għal rimedju skond il-liġi.
Leg 9 PQ #16960 Sitting 317 2000-06-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Parties - Permessi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16676, jista' l-Ministru jirrispondi rigward il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 u llum?

Response (BORG, TONIO)

B`referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16676, ninsab infurmat li fil-perijodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ħarġet sitt permessi għal parties. Waqt dawn il-parties ma ġewx irrappurtati ksur ta` liġi. Infurmat ukoll li s`issa il-Pulizija ma kelliex xi talbiet bħal dawn għall-14 ta` Awissu 2000.
Leg 9 PQ #16674 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Għajn Tuffieħa — Żviluppi

Question

Peress li wasluli lmenti dwar żviluppi li se jsiru fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa (Golden Bay) kemm fuq ir-ramla, fuq il-baħar u fil-parking area, liema partijiet huma frekwentati ħafna mill-pubbliku u mit-turisti, jista' l-Ministru jinfurmani, x'applikazzjonijiet kellha jew għandha quddiema l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal żviluppi ġodda f'din il-bajja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, dwar applikazzjonijiet li ġew deċiżi u li għadhom qed jiġu pproċessati mid-Direttorat ta` l-Ippjanar għaż-żona ta` Għajn Tuffieħa, hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #16687 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mtarfa Bypass — Ħajt tal-konkos

Question

B'riferenza għall-ħajt tal-konkos lu nbena fil-Bypass ta' l-Imtarfa, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, rapport li għamlet l-Awtorita' tad-Djar meta spezzjonat dan il-ħajt tant ikraħ tal-konkos li tela' bla permess?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15695, ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għadha qegħda tistenna r-rapport finali mingħand id-Dipartiment tat-Toroq dwar soluzzjoni permanenti. Din il-proposta tkun suġġetta għall-approvazzjoni finali min-naħa ta` l-istess Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #16688 Sitting 316 2000-06-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Rabat — Lions Well Street

Question

Peress li l-familja residenti fil-fond Nru. 3, Lions Well Street, Rabat għadha tistenna biex tifdi ċ-ċens minkejja li ħallset Lm100 diġa' madwar erba' snin ilu, jista' l-Ministru jara li din it-talba tiġi rimedjata mill-aktar fis peress li l-familja tenħtieġ tirrimedja dan il-bżonn urġentement? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fidi taċ-ċens tal-fond li rrefera għalih l-Onor. Interpellant kien miżmum sakemm jiġi ffirmat il-'Memorandum of Understanding' bejn il-Gvern u l-Knisja. Il-ftehim ġie ffirmat fit-30 ta` Mejju 2000, u għalhekk huwa mistenni li l-fidi taċ-ċens imsemmi jiġi finalizzat dalwaqt.
Leg 9 PQ #16817 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Ħarbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux se jittieħdu passi dixxiplinarji kontra d-direttur tal-ħabs wara t-tliet ħarbiet li saru mill-ħabs f'dawn l-aħħar jiem?

Response (BORG, TONIO)

Prima facie ma jidhirx li hemm lok għal passi dixxiplinarji kontra d-Direttur tal-Ħabs, pero` nassigura lill-Onor. Interpellant li ħadd ma hu eskluż minn passi dixxiplinarji neċessarji jekk mir-riżultat ta` l-investigazzjonijiet joħroġ li kien hemm xi nuqqasijiet serji da parti ta` xi uffiċjal tal-ħabs fir-rigward tal-imsemmi każ.
Leg 9 PQ #16825 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Supretendenti

Question

Peress li l-Ministru qal kemm-il darba li l-ħatra ta' supretendenti fil-Korp tal-Pulizija kienu se jsiru sa nofs dan ix-xahar u issa l-Kummissarju ġie irrapportat li qal li m'hemmx ċans li jsiru qabel l-aħħar ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm dawn id-diverġenzi? Kemm fil-fatt hemm vakanzi fir-rank ta' supretendent fil-Korp?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid kemm-il darba, il-vakanzi ta` Supretendenti jimtlew wara li jkunu valutati l-ħtiġijiet attwali tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali. Qed isir minn kollox sabiex fejn hemm vakanzi dawn jimtlew f`temp qasir, iżda naturalment il-proċeduri jridu jgħaddu mill-Public Service Commission.
Leg 9 PQ #16827 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

CCF — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' priġunieri li bħalissa qed jinżammu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Ta' liema nazzjonalita' huma l-barranin? Kemm hemm persuni li huma diġa issentenzjati u kemm qed jistennew biex jiġu sentenzjati? Kemm, f'kull każ qegħdin il-ħabs fuq akkużi ta': a)traffikar; u b)traffikar u pussess ta' droga? Kemm minn dawn huma barranin u ta' liema nazzjonalita'?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija, dwar in-numru u n-nazzjonalita` tal-priġunieri, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16664. Fir-rigward tal-parti l-oħra tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-priġunieri fit-8 ta` Ġunju 2000 kienu mqassma kif ġej : - Arrestati - 82 Sentenzjati - 152 Total - 234 Dawk fuq pussess, traffikar u pussess jew Importazzjoni ta` droga huma maqsuma kif ġej : - Maltin - 59 Barranin - 40 Il-barranin huma mqassma kif ġej : Sentenzjati Arrestati ----------- --------- Libjani 15 15 Olandiżi / 3 Tuneżini 3 / Alġerini 1 1 Eġizzjani 1 1
Leg 9 PQ #16867 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Patrols

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jiżdiedu l-patrols tal-pulizija f'Ħal Qormi, partikolarment fl-areas ta' Triq il-Kus, Triq it-Tin u Misraħ iż-Żebbuġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kemm il-Pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu ronda kemm fl-akwati tat-triq imsemmija kif ukoll fit-toroq l-oħra.