Jista’ l-Ministru jindika meta mistenni jibda x-xogħol fi Triq il-Qortin fil-Mellieħa, liema triq kienet diġà ġiet identifikata bħala prijorità mill-amministrazzjoni preċedenti kif ukoll kienu diġà ħarġu sejħiet għall-offerti minn Transport Malta sa mill-2012?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq hija inkluża mal-lista ta’ toroq li għandhom isiru. Ix-xogħol ser isir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rotta qed tinqabeż kuljum mill-Malta Public Transport minn meta din il-kumpanija ħadet f'idejha il-kumpanija Spanjola? Għal kull rotta li qed tinqabeż, jista’ jgħid x'penali qed teħel din il-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku? Il-Gvern qiegħed inaqqas pro-rata s-sussidju li qed tingħata l-kumpanija tat-trasport pubbliku tar-rotot li qed jinqabżu, jew inkella l-ammont ta' sussidju miftiehem qed jingħata sħiħ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba n-natura tal-operat, ikun hemm ġranet fejn xi vjaġġi illi jkunu skedati ma jsirux.
Simili għall-kuntratt illi kien gie iffirmat mal-kumpanija Arriva, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien tranżitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jaddatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni r-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li n-noll għal ġimgħa għat-trasport pubbliku bit-“tallinja card” għal nies li m'għandhomx karta ta' identifikazzjoni Maltija huwa ta’ €21 mentri għal dawk li għandhom karta ta' identifikazzjoni Maltija huwa ta' €6.50? Għaliex din id-differenza kbira fil-prezz għan-nollijiet tal-karozzi tal-linja bejn dawk il-persuni ta' ċittadinanza Maltija u t-turisti li jżuruna fis-sajf?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda sabiex ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-post tar-residenza jew nazzjonalita’, għandha jew m’għandhiex karta ta' identifikazzjoni Maltija, tista tibbenefika mill-istess nollijiet, u tista’ tapplika għal “tal-linja card”. Għaldaqstant, in-noll illi japplika għal persuni li għandhom karta’ ta' identifikazzjoni Maltija u dawk li m’għandhomx huwa l-istess.
In-nollijiet li qegħdin jiġu mħallsa minn persuni li jkollhom “tal-linja card” maħruġa mill-operatur tat-trasport pubbliku huwa hekk kif ġej:
Validu
Adulti
€
Studenti
€
Tfal, Persuni illi għandhom Karta Anzjan u persuni illi jikkwalifikaw għal Concessionary Card
€
Single Journey
(sa limitu ta’ sagħtejn)
0.75
0.75
0.25
Ġurnata
n/a
n/a
0.50
Ġimgħa
n/a
n/a
2.00
Xahar
26.00
21.00
n/a
Tliet xhur
n/a
55.00
n/a
Fil-każ tal-adulti, in-nefqa hija sa massimu ta’ €26 fix-xahar filwaqt li tfal sa tliet snin ma jħallsux. Mill-banda l-oħra, in-noll għal dawk il-persuni li m’għandhomx il-card tat-trasport u li jixtru il-biljett minn fuq il-karozza tal-linja huwa ta’ €1.50 fil-perjodu tax-xitwa u €2.00 fil-perjodu tas-sajf għal biljett ta’ sagħtejn. Dan huwa disinċentiv biex in-nies jixtru l-biljett qabel ma jitilgħu fuq tal-linja.
Għal dawk il-persuni li ma jixtiequx japplikaw għal “tal-linja card” personalizzata, irrispettivament min-nazzjonalita’ tagħhom jew post tar-residenza tagħhom, jistgħu jagħmlu użu minn żewġ tipi ta’ cards oħra. L-“Explore 7 day card” li tiswa €21.00 għall-adulti u €15.00 għat-tfal u li tintitola lill-passiġġier sebat ijiem konsekuttivi ta’ vjaġġar bla limitu inkluż servizzi ta’ bil-lejl. “It-12 Day Journey Card” li tiswa €15.00 tintitola lill-passiġġier 12-il vjaġġ matul il-ġurnata jew 6 vjaġġi fuq is-servizz ta’ bil-lejl.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed tikkalkula li se jkun id-dħul min-nollijiet bir-reviżjoni tan-nollijiet li għamlet il-kumpanija Malta Public Transport Ltd?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba it-tibdil li kien hemm fis-sistema tat-ticketing għadu kmieni wisq sabiex wieħed ikun jista’ jikkalkula x’ser ikun id-dħul min-nollijiet tat-trasport pubbliku f’dan l-istadju.
Servizz tat-trasport pubbliku – differenza fil-biljetti u nollijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi d-differenza fit-tip ta' biljetti kif wkoll prezzijiet tan-nollijiet għas-servizz tat-trasport pubbliku bejn Lulju u Awwissu tal-2014 u Lulju u Awwissu tal-2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa preżenti għas-servizz tat-trasport pubbliku għal persuna adulta li tagħmel użu minn “tal-linja card” hija sa massimu ta’ €26 fix-xahar, kkumparat mal-istess nefqa ta’ €26 fix-xahar għas-sistema preċedenti. Fil-każ ta’ studenti u persuni li jagħmlu użu mill-concessionary card (li jinkludu tfal, persuni li għandhom Karta Anzjan, kif ukoll persuni li għandhom il-Blue Badge jew Special ID) dawn qed igawdu minn tariffi irħas meta mqabbel man-nollijiet preċedenti. Wieħed irid jinnota wkoll li fil-każ ta’ persuni bl-Special ID li dawn in-nollijiet bdew japplikaw mit-13 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
Fil-każ ta’ studenti, dawn se jħallsu €55 għal 90 ġurnata minflok €60, filwaqt li persuni li jagħmlu użu mill-Concessionary Card se jibbenifikaw ukoll fuq it-tariffa ta’ sebat ijiem li titla’ sa massimu ta’ €2 ikkumparat man-noll preċedenti ta’ €2.30 għall-istess perjodu. Apparti minn dan kollu, bis-sistema preżenti, wieħed jista’ wkoll jivvjaġġa ġewwa Malta kif ukoll f’Ghawdex mingħajr il-ħtieġa ta’ biljett differenti.
Tabella iktar dettaljata li tikkumpara n-nollijiet hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba tħallset sussidju l-Malta Public Transport Ltd. minn meta l-ġestjoni tagħha daret għal fuq il-kumpanija Spanjola? Għalkemm kien jammonta kull pagament u meta għadda għand il-kumpanija Malta Public Transport? Tnaqqsu xi ammonti ta' sussidju għal rotot maqbuża fil-perjodu ta' kull pagament ta' sussidju li sar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena l-kumpanija Malta Public Transport tħallset is-somma ta’ € 1,916,666 f’sussidju kull xahar, jiġifieri seba’ pagamenti għal total ta’ €13,416,662.
Simili għall-kuntratt illi kien ġie ffirmat mal-kumpanija Arriva, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni r-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Għaldaqstant, ma sar l-ebda tnaqqis minn dan is-sussidju.
B’referenza għall-artiklu li deher fit-Times Online, bit-titolu “New Coast Road Traffic Arrangements Announced”, http://www.timesofmalta.com/articles/view/20150713/local/new-coast-road-traffic-arrangements-announced.576506, jista’ l-Ministru jgħid jekk in vista ta’ din it-traffic arrangement tbiddlux xi rotot tal-karozza tal-linja, jew jekk żdiedux jew naqsux xi rotot? Jekk hemm xi rotot li nbidlu, żdiedu jew naqsu, jista’ l-Ministru jgħid liema huma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minħabba l-arranġamenti tat-traffiku li daħlu fis-seħħ, kien hemm is-sussegwenti tibdil fit-traġitt tar-rotot tal-karozzi tal-linja fl-inħawi:
· Rotot 12 u 222 li normalment jgħaddu minn Baħar iċ-Ċagħaq u Tul il-Kosta qegħdin minflok jgħaddu minn Triq ir-Ramla, Triq Santa Maria u Triq is-Salini. Huma u ħerġin mill-Qawra dawn ir-rotot ser jgħaddu skont ir-rotta oriġinali, jiġifieri, Triq il-Wileġ u Kennedy Drove.
· Rotot bin-numri 31, 45, 221, 223, 401 u X3 huma u ħerġin mill-Qawra ser jiġu devjati minn Triq il-Lampuki, Triq iċ-Ċagħaq u Triq il-Mosta.
Infurmat ukoll illi ma kien hemm l-ebda tnaqqis jew żidiet fir-rotot minħabba dawn l-arranġamenti tat-traffiku temporanji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17796 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Billi huma bosta ċ-ċirkostanzi li fihom siti ta’ kostruzzjoni jitħallew mhux imdawra sew b’xi forma ta’ protezzjoni, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm irċeviet ilmenti l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar dan, lokalità b’lokalità matul din is-sena? X’passi ttieħdu, u dwar liema każijiet ttieħdu dawn il-passi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’refernza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 18005, inżid li huma ftit ħafna l-każi li qed issir referenża għalihom peress li dan l-Uffiċċju jara lant ta’ kostrużżjoni fit-totalita’ tiegħu u mhux f’iżolament u meta kien hemm każi li qed issir referenża għalihom tingħata ordni relattiva biex tiġi regolariżżata l-pożizzjoni.
Transport Malta – spezzjonijiet fuq tpinġija ta’ reserved parking spaces
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17820, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif għal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, dwar liema, skont Transport Malta huma l-permessi kollha li ġew approvati minn Transport Malta u li għadhom validi għal kull waħda mill-kategoriji ta’ sinjali bħal dawn? F’kull każ, f’liema toroq jinsabu dawn l-ispazji riservati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta r-resurfacing ta’ Birkirkara Road, San Ġwann u dan peress illi x-xogħol f’din it-triq, kien inbeda mit-23 ta’ Marzu 2015 u issa ilu għaddej għal dawn l-aħħar 4 xhur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa huma tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma u mhux ta’ Transport Malta. Madanakollu, Transport Malta ħarġet tender għall-kumplament tal-kostruzzjoni mill-ġdid tat-triq inkluż tqegħid ta' servizzi oħra u asfaltar. Ta’ min jgħid li dan ix-xogħol li huwa kontinwazzjoni tax-xogħlijiet u huwa wkoll abbinat ma’ xogħlijiet li se jsiru fil-junction tal-Kappara peress li din it-triq ser tkun waħda mir-rotot ta’ devjazzjoni prinċipali.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-buses il-ġodda kollha li waslu għandhom emergency exit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi l-karozzi tal-linja il-ġodda li waslu fil-bidu ta’ Lulju ta’ din is-sena huma konformi mad-Direttiva 2007/46/EC u d-Direttiva 2001/85/EC tal-Parlament Ewropew, li fost l-oħrajn tistipola illi in-numru minimu ta’ bibien fuq tali vetturi għandu jkun ta’ tnejn, li jistghu ikunu jew żewġ service doors, jew service door u emergency door. Fil-każ tal-vetturi in kwistjoni, dawn huma mgħammra b’żewġ service doors, kif ukoll b’sitt emergency windows u żewġ escape hatches.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' Transport Malta rigward użu ta' road signs pubbliċi f’toroq pubbliċi li jindikaw postijiet jew stabbilimenti privati? Jista' jgħid it-tabelli li jintużaw x'kuluri rrid ikollhom u jista' jgħid x'jindikaw dawn il-kuluri?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li road signs li jindikaw stabbilimenti privati mhux permessi fuq toroq arterjali u distributorji sakemm ma jkunux ikunsidrati ta’ valur storiku jew kulturali. Infurmat ukoll li Transport Malta ma toħroġx permessi li jitwaħħlu tabelli li juru d-direzzjoni lejn postijiet jew stabbilimenti kummerċjali privati.
Fil-każ ta’ entitajiet li jagħtu servizz pubbliku, jiġu approvati tabelli li juru d-direzzjoni għal żmien temporanju ta’ sitt xhur minn meta tali entita’ tkun bdiet topera għall-ewwel darba jew f’każ li tibda topera minn post ġdid. Tali tabelli temporanji jkunu b’ittri suwed fuq sfond abjad u bil-logo tal-entita’ skont il-każ. Fil-każ ta’ stabbilimenti privati li l-operat tagħhom huwa attrazzjoni / servizz turistiku jew kulturali l-kuluri tat-tabelli huma bojod fuq sfond kannella.
Karozzi tal-linja — numru ta’ passiġġiera f’kull karozza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta’ passiġġieri bil-qiegħda u passiġġiera bil-wieqfa għal kull karozza tal-linja li bħalissa qed tintuża għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?? Jista’ jagħti din l-informazzjoni separatament għall kull qies differenti ta' kull karozza tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ passiġġieri bil-qegħda u passiġġieri bil-wieqfa għal kull karozza tal-linja li bħalissa qed tintuża fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huwa hekk kif gej:
Mudell ta’ vettura
Tul
Passiġġieri bil-qegħda
Passiġġieri bil-wieqfa
King Long
9 meter
28
18
King Long
12 meter
41
30
Optare Solo
8.8 meter
30
12
Volkswagen Blue Bird
Minibus
15
0
Vetturi li kienu jintużaw qabel ir-riforma tal-2011
11 meter
38/46
12
Mercedes Benz Citaro
12 meter
32
46
Optare Solo SR
8.8 meter
32
24
Volvo Eclips
12 meter
43
52
Otokar
9.6 meter
31
37
Ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija Spanjola – multi applikabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx multi applikabbli f' każ ta' ksur ta' xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola? X' inhuma dawk l-istanzi li jiġu kkunsidrati bħala ksur ta' waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt u li fuqhom il-kumpanija Malta Public Transport Ltd. tiġi mmultata penali? Għalkemm jammontaw dawn il-penali f'kull istanza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola jikkontempla l-applikazzjoni ta’ multi f’kaz ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet tal-kuntratt. Hekk kif kien intqal fit-tweġiba illi kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 13935, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon ser ikun qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ġaladarba l-poplu jkun infurmat b’dak kollhu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid.
Simili għall-kuntratt illi kien ġie ffirmat mal-kumpanija Arriva, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni ir-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Transport Malta – spezzjonijiet fuq it-temperatura tal-karozzi tal-linja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadhomx isiru spezzjonijiet minn Transport Malta fil-karozzi tal-linja biex tiġi ċċekjata t-temperatura ġewwa l-karozza tal-linja? Jekk dawn l-ispezzjonijiet għandhom isiru, kemm qegħda tkunit-temperatura mill-1 ta' Mejju 2015 sa meta se tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm suppost tkun l-ogħla temperatura fil-karozza tal-linja? Jekk dan il-limitu jinqabeż, il-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku qed tiġi mmultata minħabba dan in-nuqqas?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċjali ta’ Transport Malta jwettqu b’mod regolari spezzjonijiet abbord il-karozzi tal-linja fejn fost oħrajn tiġi ċċekkjata t-temperatura. Minn spezzjonijiet illi saru mill-istess uffiċċjali jirriżulta illi t-temperatura medja illi ġiet imkejla waqt dawn l-ispezzjonijiet kienet ta’ 25.3 gradi celcius.
It-temperatura rikjesta skont il-kuntratt għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celcius. Madanakollu, din is-sitwazzjoni mistennija titjieb fil-ġimgħat li ġejjin bl-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja l-ġodda fuq is-servizz.
Infakkar ukoll li kif intqal fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari oħra, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni ir-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jiċċekja jekk hux minnu li fl-iskall tad-dgħajjes li hemm ix-Xlendi Għawdex hemm dgħajjes li ilhom ma jiġu varati l-baħar għaxar snin flimkien ma’ diversi karrijiet battala u għalhekk sajjieda li jixtiequ jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f’dan l-iskall mhux qed isibu spazju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt struzzjonijiet lil Transport Malta sabiex tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward.
Ix-Xlendi – slipway – tneħħija ta’ karozzi u karrijiet
Question
Jista’ l-Ministru jara li fuq is-slipway tax-Xlendi ma jitħallewx diversi karozzi u karrijiet vojta għax dawn qed itellfu lis-sajjieda Għawdxin milli jagħmlu xogħlhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħidma ta’ dan it-tip ser issir b’ kollaborazzjoni mal-Pulizija.
Lista ta’ lokalitajiet – twaqqiegħ ta’ bini u qtugħ ta’ blat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17795 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm waslu rapporti għand il-Building Regulations Office matul din is-sena? Fejn kienu l-każijiet li ġew rappurtati u kemm kien hemm każijiet f'kull lokalità li ġew irrapurtati, u x'passi ttieħdu mill-Building Regulations Office dwar il-każijiet rrapurtati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Ġunju 2015 daħlu total ta’ 1759 ilment fl-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini. Dawn kienu mqassma 110 f’Jannar, 110 fi Frar, 145 f’Marzu, 363 f’April, 559 f’Mejju u 472 f’Ġunju. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bir-rapporti li daħlu f’kull xahar f’postijiet differenti. Kull każ saritlu speżżjoni u ttieħdu l-passi neċċessarji skont il-Liġijiet ta’Malta.