Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu vapuri tal-gwerra ġol-portijiet tagħna, sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 21538, jien infurmat li fl-1996 żaru l-portijiet ta' Malta 72 vapur militari, u f'dawn l-aħħar jiem daħlu 4 vapuri militari oħra li jtellgħu t-total għas-sena 2000 għal 76.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija s-somma globali li għandu jagħti d-dipartiment tat-toroq għal dawk l-artijiet li jkun akkwista għal diversi proġetti, per eżempju ftuħ ta' toroq, etċ. bi ftehim mal-proprjetarji ta' l-art? X'inhi l-proċedura sabiex wieħed jitħallas wara li jkun aċċetta s-somma ta' flus rakkmandata lilu? Mingħand min jitħallas s-sid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment stabbilixxa l-ammont ta' Lm476,433 li għandu jitħallas lis-sidien ta' l-art li qegħeda tiġi meħuda għal xogħolijiet kurrenti fit-toroq u li fuqha hemm ftehim mas-sidien. S'issa il-proċedura hi li d-Dipartiment jiżgura li jsiru riċerki fuq il-propjeta msemmija u jgħaddi l-informazzjoni lill-Kummissjoni ta' l-Art biex dan jara li jsir il-kuntratt. Meta l-kuntratt jasal biex isir id-Dipartiment jgħaddi l-flus miftehma lill-Kummissjoni ta' l-Art biex il-pagament dovut jitħallas mal-kuntratt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li nħarġu mill-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena?
Kemm jiswa l-valur f'ċifra ta' flus ta' dawn id-direct orders u kemm tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 5120.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' tenders li ħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena?
Kemm minnhom ġew aċċettati/approvati? Kemm għandhom pendenti u kemm ġew irtirati? Fil-każ ta' l-aħħar, x'kienu ir-raġunijiet?
Kemm mit-tenders approvati tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu u x'inhija ċ-ċifra f'somma ta' flus tal-pagamenti mħallsa u pendenti separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba minn l-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'inhija l-pożizzjoni llum dwar il-venda tar-Rabat?
Jista' jinfurmana x'kienu r-raġunijiet li l-venda tar-Rabat ma ġietx irritornata lura f'St Rita Street, Rabat, fejn kienet oriġinarjament kif kien imwiegħed li se jsir lir-Rabtin?
Jista' l-Ministru jinfurmana x'ġara mit-talbiet li saru mill-kunsill lokali tar-Rabat sabiex il-venda terġa' tirritorna lura fi Triq Santa Rita?
Jista' l-Ministru jinfurmana għaliex din it-talba tal-maġġoranza tal-poplu Rabti ma ġietx onorata matul din is-sena li waslet biex tispiċċa?
Jista' jassigurana li f'Diċembru jsiru l-aħħar arranġamenti ħalli l-poplu Rabti jkun assigurat li fis-sena 2001 il-venda terġa' tiġi fi Triq Santa Rita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pożizzjoni llum dwar il-venda tar-Rabat hija l-istess waħda għar-risposta li tajt lill-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19510.
Kif diġa għidt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19510, li għaliha rriferejt fil-parti ta` fuq ta` din ir-risposta, hemm ħinijiet matul il-ġurnata li l-venda topera minn ġo Sta Rita fuq rotta 80.
Wara diskussjonijiet twal li saru bejn l-Awtorita`, il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien intlaħaq ftehim li l-venda tar-Rabat topera kif inhi llum. Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19510.
Li tgħid li t-talba tal-maġġoranza tal-poplu Rabti ma ġietx onorata matul din is-sena hija għal kollox inkoretta.
Jista' l-Ministru jgħid wara li issa saret l-extension tad-drainage fi Triq San Franġisk, Wied il-Għajn, possibbli issa jittieħdu passi biex issir it-triq minħabba li din ilha ħafna pendenti u hi ferm abitata?
Billi f'din it-triq kien anki għamel site visit id-Direttur tat-Toroq possibbli jsir sforz biex din it-triq issir?
Jista' l-Ministru jgħid, wara li r-roads department rebaħ il-kawża magħmula kontrih rigward xogħol fuq Triq Villa Abata, Ħaż-Żabbar fil-5 ta' Ottubru, għalfejn ix-xogħol xorta għadu ma tkomplix u dan għad detriment tar-residenti?
Jista' jgħid meta se jitkompla x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara li ntrebħet il-kawża biex il-livelli tat-triq jistgħu jinżammu għal dawk proġettati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, qed isir xogħol biex il-livelli tal-bankina u tar-rampa tal-garaxx quddiem il-post effettwat jiġu mlaqqa tajjeb biex il-garaxx ikun jista' jkompli jintuża. Il-pjanti biex isir dan ix-xogħol qegħdin isiru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bastimenti militari l-daħlu fil-portijiet Maltin matul l-1997, 1998 u 1999 u din is-sena?
Ta' liema armata kienu u x'tip ta' bastimenti kienu u x'kapacita' ta' munizjon iġorru?
Kemm swew lill-Gvern Malti fi spejjeż dawn il-vapuri militari?
Response (GALEA, ĊENSU)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 21217, jien infurmat li matul is-snin 1997 u 1998 żaru l-portijiet ta' Malta 42 vapur militari.
L-Awtorita' Marittima ma żżomx informazzjoni dwar it-tip ta' bastimenti navali jew it-tip ta' munizzjon li l-bastiment ikun qed iġorr.
Jien infurmat ukoll li l-vapuri militari ma jiswewx spejjeż lill-Awtorita' marittima meta dawn ikunu fil-portijiet Maltin, madanakollu nissuġġerixxi li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi tip ta' culvert jew upgrading ta' l-area madwar l-ewwel pont fi Triq il-Wied, Qormi bil-għan li n-nies ma jibqgħux fi żmien ix-xita jinżlu f'madwar żewġ piedi ilma biex jitilgħu fuq il-pont u jaqsmu l-wied?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru ħafna xogħolijiet fis-snin li għaddew biex il-wied ta' Ħal Qormi seta' jiġi rranġat u mnaddaf biex l-ilma li jaqa' fil-lokalita' ikun jista' jibqa ħiereġ lejn l-erba' qaddisin, u hu ppjanat li jsir biss xogħol ta' manutenzzjoni biex il-wied qatt ma jiġi nblukkat.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal Traffic Management System ġdida u xierqa għat-traffiku li jgħaddi minn Triq il-Wied, Ħal Qormi bil-għan li jitnaqqas il-periklu kemm għat-traffiku nnifsu kif wkoll għal pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-karatteristiċi ta' Triq il-Wied joħolqu problemi partikolari, u miżuri normali ta' traffic calming, bħal road humps, build outs u pedestrian crossings, joħolqu ostakolu għal volum kbir ta' ilma li jgħaddi minn dan il-wied.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi qed jaraw x'miżuri jistgħu jittieħdu biex jitnaqqas il-periklu, kemm għat-traffiku kif ukoll għal pedestrians f'din it-triq, mingħajr ma joħolqu problemi ta' water flow fil-wied.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tinbena Triq Mikel Baldacchino, f'Ħal Qormi li minkejja li ilha mimlija residenti għal snin sħaħ, għadha sal-lum mhux mibnija b'detriment serju għar-residenti u għal kull min juża din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jintlaqgħu t-talbiet tal-Kunsill Lokali, Ħamrun fir-rigward ta' installation ta' traffic/pelican lights fil-Ħamrun?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jieħu ħsieb biex jiġu ppreparati pjanti għall-istallazzjoni ta' traffic u pelican lights fil-lokalitajiet li ssuġġerixxa l-Kunsill Lokali tal-Hamrun, biex jiġi stabbilit jekk l-istallazzjoni ta' dawn is-sistemi tkunx addattata għall-lokalitajiet proposti.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol ta' tqegħid ta' tarmac fit-toroq f'Tar-Rabbat, il-Ħamrun?
Liema toroq huma nklużi f'dan il-proġett?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq li qed jiġu asfaltati f'Tar-Rabbat huma;
Triq Atocia
Triq Ġuże Bajada
Triq Dun Frans Camilleri
Triq il-Loġġa
Triq Manwel Attard
Pjazza 7 ta' Ġunju 1919
Ix-xogħol fil-lokalita' beda fit-23 ta' Ottubru u mistenni li jitlesta sa nofs Frar 2001.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu kuntratturi fis-sejħa għal tenders dwar il-bini mill-ġdid ta' dawn it-toroq:-
(a) Mdina Road to Saqqajja;
(b) Triq ta' Burmarrad; u
(ċ) Triq bejn taħt l-Imtarfa sa San Ġużepp tat-Tarġa li kienu ippubblikati fl-ewwel nofs ta' din is-sena (2000)?
Meta sejrin jiġu awarded?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kien hemm tliet kuntratturi li tefgħu offerti għal dawn it-tenders. It-tender għax-xogħol li mit-triq ta' Burmarrad tasal sa tal-Qlejja waslet biex tiġi aġġudikata fil-waqt li ż-żewġ tenders l-oħra għadhom għaddejien bil-proċess ta' l-aġġudikazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li ssir it-Triq tal-Manikata matul is-sena d-dieħla 2001?
Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tas-surveys li saru matul 1999 u din is-sena mid-Dipartiment tat-Toroq sabiex tiġi rranġata u mwessa' t-Triq tal-Manikata?
Kemm fil-fatt hija l-ispiża meħtieġa biex ir-residenti tal-Manikata jkollhom triq deċenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu kif ta kuntratt għal resurfacing tat-triq li mit-triq ta' Għajn Tuffieħa tagħti għal Manikata, wara li sar survey tal-kundizzjoni ta' din it-triq mid-Dipartiment tat-Toroq.
L-ispiża għal din it-triq ser tammonta għal madwar Lm100,000.
Dan barra xogħol ieħor li qed jipprepara biex jagħmel il-Kunsill biex il-Manikata tkun servuta tajjeb f'dawk li huma toroq u servizzi.
Jista' l-Ministru jgħid meta Alley 2, f'St. Catherine Street, Qormi se tingħata t-tarmak?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li l-isqaq kien ilu li kien asfaltat, ix-xogħol ta` manutenzjoni/resurfacing li jrid isir fih jagħmlu l-Kunsill Lokali. Għalhekk nitlob l-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.